Hugo (film)
Hugo (film) | |
---|---|
Lingwa oriġinali | Ingliż |
Pajjiż tal-produzzjoni | L-Istati Uniti |
Sena | 2011 |
Tul | 127 min |
Kulur | kulur |
Ġeneru | avventura, fantastiku, drammatiku |
Suġġett | Brian Selznick |
Reġista | Martin Scorsese |
Xeneġġjatura | John Logan |
Produttur | Martin Scorsese, Johnny Depp, Tim Headington, Graham King |
Produttur eżekuttiv | David Crockett, Barbara De Fina, Christi Dembrowski, Georgia Kacandes, Charles Newirth, Emma Tillinger Koskoff |
Fotografija | Robert Richardson |
Montaġġ | Thelma Schoonmaker |
Effetti speċjali | Simon Cockren |
Mużika | Howard Shore |
Xenografija | Dante Ferretti, Francesca Lo Schiavo |
Kostumi | Sandy Powell, Fola Solanke |
Atturi | |
|
Hugo huwa film tal-avventura Amerikan tal-2011, 3D ibbażat fuq ir-rumanz ta' Brian Selznick The Invention of Hugo Cabret dwar tifel li kien jgħix waħdu fi stazzjon tal-ferrovija f'Pariġi. Il-film kien dirett minn Martin Scorsese u miktub minn John Logan. Koprodott minn GK Films ta' Graham King u Infinitum Nihil ta' Johnny Depp. Fil-partijiet ewlenin, Asa Butterfield, Chloë Grace Moretz, Ben Kingsley, Sacha Baron Cohen, Helen McCrory, Ray Winstone, Emily Mortimer, Jude Law u Christopher Lee.
Il-film irċieva riċensjonijiet tajbin ħafna, b'ħafna mill-kritiċi jfaħħru l-viżwal, ir-reċtar u d-direzzjoni. Xi uħud sejħulu l-aqwa film 3D tad-deċennju. Fl-84 Academy Awards, Hugo rċieva ħames Oscars — għal Best Cinematography, Best Art Direction, Best Visual Effects, Best Sound Mixing, u Best Sound Editing — u bl-ikbar numru ta' nominazzjonijiet - ħdax.
It-trama
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1931, Hugo Cabret (Asa Butterfield), tifel ta' tnax-il sena, kien jgħix ma' missieru armel (Jude Law), arluġġar mustaċċun f'Pariġi. Missieru kien jieħdu jara l-films b'mod speċjali dawk ta' Georges Méliès. Il-missier imut f'nirien li qabdu f'mużew, u Hugo beda jitrabba minn zijuh (Ray Winstone), arluġġar sakranazz li kien jieħu ħsieb l-arloġġi tal-istazzjon tal-ferrovija Gare Montparnasse. Zijuh jgħallmu jieħu ħsieb l-arloġġi imbagħad jgħib. Wara jinstab li jkun għereq.
Hugo jgħix fl-istazzjon, isewwi l-arloġġi, jisraq l-ikel, u jaħdem fuq l-iktar proġett ambizzjuż ta' missieru: isewwi robot ta' raġel li suppost seta' jikteb. Konvint li dan ir-robot kellu messaġġ mingħand missieru, Hugo jagħmel minn kollox biex isewwih. Jisraq biċċiet mekkaniċi, iżda jinqabad minn sid ta' ħanut tal-ġugarelli, Papa Georges (Ben Kingsley), li jieħu l-ktieb tan-noti ta' Hugo li fih kellu disinni kif se jsewwi r-robot.
Biex jerġa' jieħu l-ktieb tan-noti, Hugo jsegwi lil sid il-ħanut f'daru u jiltaqa' ma' Isabelle (Chloë Grace Moretz), iltima tamparu u l-filjozza ta' Georges. Twiegħdu li se tgħinu. L-għada, Georges jagħti koċċ irmied lil Hugo, u jgħid li dawk kienu l-fdal tal-ktieb, imma Isabelle tgħidlu li l-ktieb ma kienx inħaraq. Fl-aħħar iħalli lil Hugo jieħu l-ktieb lura jekk jaħdimlu sakemm ipatti għal dak kollu li kien seraq.
Hugo jaħdem fil-ħanut, u biż-żmien jirnexxilu jsewwi r-robot imma jkun jonqsu biss parti waħda, ċavetta f'forma ta' qalb.
Hugo jintroduċi lil Isabelle għall-films, xi ħaġa li parrinuha ma kienx iħalliha tara, filwaqt li hi tintroduċi lil Hugo għal ħanut tal-kotba li sidu (Christopher Lee) għall-ewwel ma jafdax lil Hugo. Isabelle ikollha ċ-ċavetta tar-robot. Meta jużaw iċ-ċavetta biex jattivaw ir-robot, dan jipproduċi tpinġija ta' xena ta' film, iffirmata minn Georges Méliès. Hugo jiftakar li dak kien l-ewwel film li kien ra missieru (Voyage to the Moon) u Isabelle tagħraf il-firma ta' parrinuwha, Papa Georges, u t-tnejn joħduha d-dar għal iktar spjegazzjoni.
Hugo juri lil mart Georges, Mama Jeanne (Helen McCrory) it-tpinġija li għamel ir-robot, imma ma qaltilhom xejn u ħbiethom ġo kamra meta wasal id-dar. Filwaqt li kienu mistoħbijin, Isabelle u Hugo sabu gabinett sigriet u minnu ħarġu stampi ta' Georges - il-ħsejjes jismagħhom Georges, li jirrabja ħafna u jkeċċi 'l barra lil Hugo għax iħossu tradut.
Sid il-ħanut tal-kotba jagħti ktieb lil Hugo u Isabelle fuq l-istorja tal-films u jistagħġbu kif l-awtur, Rene Tabard (Michael Stuhlbarg), jgħid li Méliès kien miet fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Tabard jippreżenta ruħu hu nnifsu, u t-tfal jgħidulu li Méliès kien ħaj. Tabard, li kien iħobb il-films ta' Méliès, kellu kopja ta' Voyage to the Moon, maħsuba li kienet l-aħħar kopja ta' film ta' Méliès. Hugo jikkonvinċi lil Tabard imur id-dar ta' Georges. Dak il-lejl Hugo joħlom li ttajjar minn ferrovija meta jipprova jieħu ċ-ċavetta f'forma ta' qalb mil-linja tal-ferrovija, ri-kreazzjoni tax-xena tal-inċident ta' Montparnasse. Meta jqum, jisma' ħoss qawwi ta' tektik u jinduna li ġej minn sidru u f'daqqa waħda jieħu l-forma ta' robot, sakemm imbagħad iqum.
Hugo, Isabelle u Tabard imorru d-dar ta' Georges, u għall-ewwel Jeanne tgħidilhom biex imorru qabel ma żewġha jqum. Iżda, Jeanne taċċetta li jaraw Voyage to the Moon meta Tabard ifaħħarha bħala attriċi sabiħa fil-films ta' Georges. Kif jintemm il-film, jidher Georges li jispjega kif beda jagħmel il-films, kif ivvinta l-effetti speċjali, u kif tilef il-faxxinu tal-films meta bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija, wara li kellu jbigħ il-films bħala kimika biex jaqla' l-flus, u kellu jiftaħ ħanut tal-ġugarelli biex ikun jista' jgħix. Ħaseb li r-robot li kien ħoloq kien spiċċa fin-nirien tal-mużew u ma kien baqa' xejn mill-ħidma ta' ħajtu.
Hugo imur lura l-istazzjon biex iġib ir-robot, biex jagħti sorpriża lil Georges, iżda l-ispettur tal-istazzjon (Sacha Baron Cohen) bil-kelb iwaqqfu. Hugo jaħrab u jmur fil-quċċata tat-torri tal-arloġġ u jaħrab billi jitla' fuq il-minutieri tal-arloġġ. Kif l-ispettur jitlaq, jitlaq jiġri bir-robot, imma l-ispettur jonsbu u jarmilu r-robot fuq il-linja tal-ferrovija. Hugo kważi ttajru ferrovija imma uffiċjal isalvah u jżommu fil-kura tiegħu. Hugo jitlob lil uffiċjal iħallih, jasal Georges u jgħidlu li Hugo kien fil-kura tieghu. L-uffiċjal iħallih imur.
Fl-aħħar tal-film, Georges jintroduċi ċerimonja li fiha ningħat rikonoxximent lill-films tiegħu b'Tabard iħabbar li iktar minn 80 film instabu jew ġew restawrati. Georges jirringrazzja lil Hugo għal dak li jagħmel u jistieden lill-udjenza ssegwi l-ħolma tiegħu, "follow his dreams".
Riferenzi storiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Ħafna mill-ħajja ta' Georges Méliès kif murija fil-film hija eżatta: tassew li beda jinteressa ruħu fil-films wara li ra dimostrazzjoni tal-kamera tal-aħwa Lumière, tassew li kien illużjonista u kien jaħdem il-ġugarelli, tassew li kien jesperimenta bir-robots, tassew li kellu teatru(Theatre Robert-Houdin), li spiċċa fallut, il-films tiegħu nħallu għaċ-cellulose, beda jbigħ il-ġugarelli fl-istazzjon ta' Montparnasse u finalment ingħata l-midalja Légion d'honneur wara perjodu terribbli fejn kien assolutament minsi. Ħafna mis-silent films tal-bidu murija fil-film huma xpgħlijiet veri ta' Méliès bħal Le voyage dans la lune (1902).
Id-disinn għar-robot kien wieħed ispirat minn dak li għamel arluġġar Svizzeru Henri Maillardet, li Selznick kien ra fi Franklin Institute, Philadelphia, u r-robot ta' Jaquet-Droz "the writer".
Emil Lager, Ben Addis, u Robert Gill jidhru ukoll fil-film bħala Django Reinhardt, missier il-kitarra jazz taż-żingari, Salvador Dalí, il-pittur surrealista Spanjol, u James Joyce, awtur Irlandiż.
Il-ktieb li Monsieur Labisse jagħti lil Hugo bħala rigal, Robin Hood le proscrit, inkiteb minn Alexandre Dumas fl-1864 traduzzjoni mill-oriġinal Ingliż ta' Pierce Egan the Younger.