Hovgården
Hovgården huwa sit arkeoloġiku fil-gżira ta' Adelsö tal-Lag Mälaren fil-Muniċipalità ta' Ekerö fiċ-ċentru-Lvant tal-Iżvezja. Matul Żmien il-Vikingi, iċ-ċentru tal-Wied ta' Mälaren li kien qed jistagħna kien l-insedjament ta' Birka, stabbilit f'nofs is-seklu 8 u abbandunat fl-aħħar tas-seklu 10 fil-gżira ta' Björkö ftit fin-Nofsinhar ta' Adelsö. Hovgården jingħad li kien is-sit li minnu r-rejiet u l-kapijiet irrenjaw fuq iż-żona. Hovgården u Birka saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]
Hovgården jinsab fuq art ċatta fil-Majjistral tal-knisja Rumaneska ta' Adelsö, ikkaratterizzat minn wied dejjaq estiż lejn it-Tramuntana sa moreni miksija bil-foresti. Dawn il-mergħat storiċi ġew ikkultivati fis-seklu 19 u ftit li xejn inbidlu minn dak iż-żmien 'l hawn, kif joħroġ mid-dieher mir-raba' ppreservat tas-seklu 18.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-eqdem fdalijiet arkeoloġiċi ta' Adelsö, li nstabu fit-Tramuntana ta' Hovgården, huma għelieqi bl-oqbra u tumbati funebri ta' Żmien il-Bronż (għall-ħabta tal-1800-500 Q.K.). Milli jidher din il-kultura baqgħet teżisti sa Żmien il-Ħadid (500-800 W.K.), peress li nstabu oqbra mill-parti bikrija ta' dan il-perjodu f'diversi postijiet fl-inħawi. F'Hovgården instabu 124 qabar; l-eqdem mill-aħħar ta' Żmien il-Ħadid tar-Rumani (1-400 W.K.) u l-iktar reċenti mill-bidu tal-Medju Evu (għall-ħabta tal-1050-1520); dan jindika li ż-żona kienet ġiet insedjata b'mod kontinwu f'dan il-perjodu kollu.[3]
Ftit fit-Tramuntana tal-knisja parrokkjali hemm ħames tumbati funebri kbar u tlieta minnhom jissejħu Kungshögar. Bl-Iżvediż, Kung tfisser "Re" u högar, min-Norveġiż Antik haugr, tfisser tumbata jew karretta. X'aktarx li Hovgården kien il-post fejn kien hemm insedjament irjali jew Kungsgård saħansitra minn Żmien il-Vikingi (għall-ħabta tat-800-1050 W.K.). Skavi ta' waħda minn dawn it-tumbati rjali fl-1917 żvelaw il-fdalijiet ta' raġel għani li għex għall-ħabta tad-900 W.K. Ingħata n-nar mimdud f'dgħajsa, liebes ilbies għali iżda mingħajr armi, u akkumpanjat minn żwiemel, baqar u klieb.
Birka, l-eqdem raħal fl-Iżvezja, kien ċentru kummerċjali internazzjonali. Ġie preżunt li l-insedjament irjali f'Hovgården ġie stabbilit bħala l-mezz tar-re biex jikkontrolla lil Birka. Madankollu, filwaqt li Birka ġie abbandunat f'nofs is-seklu 10, l-insedjament irjali milli jidher ma ġiex abbandunat, peress li l-ħaġra runika "U 11" tal-ħabta tal-1070, li jingħad li ġiet imnaqqxa għar-re, tpoġġiet qrib it-tumbati rjali. Kienet parti minn Uppsala öd, network ta' insedjamenti rjali li jappoġġaw lir-Rejiet tal-Iżvezja.
Barra minn hekk, ir-Re Magnus Barnlock ordna li l-kastell l-antik jiġi sostitwit b'palazz tal-brikks, Alsnö hus, fis-snin 70 tas-seklu 13. Fil-palazz ir-re stabbilixxa n-nobbiltà Żvediża permezz tal-Ordinanza ta' Alsnö (Alsnö stadga) fl-1279. Madankollu, il-palazz inqered qabel tmiem dak is-seklu, tħalla mitluq, u Hovgården tilef l-importanza li kellu.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Hovgården u Birka ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Birka and Hovgården". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-14.
- ^ Bratt, Peter (1988). Mälaröarna - kulturhistoriska miljöer (in Swedish). Stiftelsen Stockholms Läns Museum. pp. 86–88. ISBN 9187006065.
- ^ "Birka and Hovgården - Riksantikvarieämbetet". web.archive.org. 2007-10-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-24. Miġbur 2022-07-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)