Aqbeż għall-kontentut

Helichrysum panormitanum subsp. melitense

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Helichrysum panormitanum subsp. melitense
Stat ta' konservazzjoni

F'Periklu Kritiku ta' Estinzjoni  (IUCN 3.1)
Klassifikazzjoni xjentifika
SaltnaPlantae
OrdniAsterales (mul) Asterales
FamiljaAsteraceae
TribùGnaphalieae (mul) Gnaphalieae
ĠeneruHelichrysum (mul) Helichrysum
speċi Helichrysum melitense
Brullo & Lanfr. & Pavone & Ronsisv.,

Helichrysum panormitanum subsp. melitense, magħrufa ukoll bis-sinonimu Helichrysum melitense, hija sottospeċi ta' pjanta mill-familja Asteraceae li hija endemika għall-Gżejjer Maltin, speċifikament għall-gżira Għawdxija.[1][2][3][4] Hija magħrufa bil-Malti bħala is-Sempreviva ta' Għawdex.[4] Is-Sempreviva ta’ Għawdex hija waħda mill-aktar pjanti rari endemiċi Maltin[5]

Is-Sempreviva ta’ Għawdex qed tonqos fis-selvaġġ minħabba t-telf tal-ambjent u l-kompetizzjoni ma’ speċi invażivi.[2] Għalkemm f’dawn l-aħħar snin din il-pjanta saret poplari bħala pjanta ornamentali lokalment u inżergħet f’bosta żoni pubbliċi.[3]

Is-Sempreviva ta’ Għawdex hija pjanta perenni li tikber f’forma ta’ arbuxell ta’ daqs bejn 20-60 ċentimetru fit-tul u għandha diametru ta’ bejn 50-150ċm.[2][3] Din il-pjanta tagħmel inflorexxenza ta’ fjuri sofor marsusin flimkien fuq zkuk singolari ‘l fuq nett tal-pjanta bejn April u Lulju.[2][3][6][4] Il-weraq tawwali ta’ din il-pjanta huwa muswaf u ta’ lewn fiddieni fl-aħdar.[2][4] Wara l-fjuri, tifforma ż-żerriegħa aktar tard fis-sajf, li għandha struttura partikolari sabiex tinxtered mar-riħ u tinbet f’postijiet ġodda.[2]

Distribuzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sempreviva t'Għawdex tinstab tikber sa 50-100m ‘l ġewwa mill-kosta matul il-ġnub u fix-xquq tal-irdum vertikali u fix-xagħri kostali magħmulin mill-ġebla tat-tip Ġlobigerina.[5][2] L-akbar popolazzjoni tinstab fil-punent tal-gżira Għawdxija.[2] Filwaqt li jinstabu f’popolazzjonijiet iżgħar f’ambjenti simili fil-gżira Għawdxija u fuq il-gżejjer żgħar viċin il-kosta.[2][3][5][6] Fil-passat is-Sempreviva ta’ Għawdex kellha distribuzzjoni akbar milli hi illum, fejn sal-bidu tas-seklu Għoxrin kienet tinstab ukoll f'Wied Babu f’Malta. Għalkemm illum il-ġurnata s’issa mhux magħruf li din l-ispeċi tikber f’Malta għax il-popolazzjonijiet li kienu imsemmija f’Wied Babu fil-bidu tas-seklu Għoxrin, illum il-ġurnata s’issa għadhom ma nstabux.[3][7][8]

Il-Helichrysum panormitanum subsp. melitense u l-inħawi naturali fejn din il-pjanta tinstab huma strettament protetti fil-gżejjer Maltin.[4] Internazzjonalment, din l-ispeċi hija ukoll protetta bil-ligi permezz tad-Direttiva Ewropea 92/43 2006.[2] Kif ukoll fl-Appendiċi I tal-Flora Strettament Protetta tal-Konvenzjoni Bern u Anness II u IV 92/43/EEC tad-Direttiva tal-ispeċi ta' prijorita`.[2]

  1. ↑ "Helichrysum panormitanum subsp. melitense (Pignatti) Iamonico & Pignatti | Plants of the World Online | Kew Science". Plants of the World Online (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-14.
  2. 1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 11 "IUCN Top 50 - Helichrysum melitense". top50.iucn-mpsg.org. Miġbur 2024-08-14.
  3. 1 2 3 4 5 6 Sciberras, A., & Sciberras, J. (2009). Notes on the distribution of Helichrysum Melitense, Hyoseris Frutescens and Matthiola Incana Melitensis in the Maltese Islands.The Central Mediterranean Naturalist. 5 (1). Nature Trust Malta publications: 28–34.
  4. 1 2 3 4 5 Mifsud, S. (2024). Helichrysum melitense (Maltese Helichrysium). maltawildplants.com. Retrieved from https://www.maltawildplants.com/ASTR/Helichrysum_melitense.php
  5. 1 2 3 Mifsud, S. (2013). Distribution of some rare or endemic chasmophytic and rupestral species growing along the coastal cliffs of the Maltese Islands. Webbia, 68(1), 35–50. doi: https://doi.org/10.1080/00837792.2013.807451
  6. 1 2 Buttigieg, A., & Lia, F. (2021). Determination of Phenolic and Antioxidant Activity of Helichrysum Melitense Extract. MCAST Journal of Applied Research & Practice, 5(2), 120-131.
  7. ↑ Borg, John (1927). Descriptive Flora of the Maltese Islands: Including the Ferns and Flowering Plants (bl-Ingliż). U.S. Government Printing Office.
  8. ↑ Haslam, Sylvia Mary; Sell, Peter D.; Wolseley, P.A. (1977). A Flora of the Maltese Islands (bl-Ingliż). Malta University Press.