Għoljiet, Djar u Kantini ta' Champagne
L-Għoljiet, id-Djar u l-Kantini ta' Champagne huwa l-isem li ngħata lil diversi siti fir-reġjun ta' Champagne fi Franza li tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015 għar-rabtiet storiċi tagħhom mal-produzzjoni u mal-bejgħ tax-xampanja, kif ukoll għax-xhieda tagħhom fl-iżvilupp ta' imprenditorija agroindustrijali rinomata fuq livell internazzjonali.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm jokkupa parti żgħira tar-reġjun tal-inbid spumanti ta' Champagne, is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jikkonsisti minn postijiet li jirrappreżentaw il-proċess sħiħ tal-ħolqien u tal-bejgħ tax-xampanja. B'kollox hemm 14-il sit distint, li huma raggruppati fi tliet kategoriji:[1]
- il-vinji storiċi ta' Hautvillers, Aÿ, u Mareuil-sur-Aÿ, u l-kantini korrispondenti tagħhom, fejn l-għeneb ilhom jiġu kkultivati u ffermentati mill-inqas mill-1673.[2]
- l-Għolja ta' Saint-Nicaise f'Reims, vinja urbana bil-kantini tagħha stess, flimkien ma' spazji pubbliċi u parks.
- it-triq famuża msejħa Avenue de Champagne u l-Forti Chabrol f'Épernay, l-iżjed post magħruf għat-turija u għall-bejgħ tax-xampanja.
Il-vinji f'Hautvillers, f'Aÿ, u f'Mareuil-sur-Aÿ jinkludu l-għorfiet u l-impjanti tal-għasir fil-post, li jintużaw għall-ipproċessar tal-għeneb bi trasport minimu.[2] Il-kantini taħt il-villaġġi u l-vinji, li tħaffru fil-ġnub tal-għoljiet ġibsija fis-sekli 17 u 18, jibqgħu sejrin għat-telgħa mill-vinji. Madankollu, l-iżjed kantini estensivi jinsabu fl-Għolja ta' Saint-Nicaise. Dawn il-kantini, li nbnew wara dawk li jinsabu 'l barra mill-belt, tkabbru fuq il-barrieri eżistenti tal-ġibs ta' taħt l-art u jibqgħu sejrin għal diversi kilometri taħt il-vinji u r-raħal.[2] L-Avenue de Champagne f'Epernay fiha l-kwartieri ġenerali ta' bosta mill-manifatturi ewlenin tax-xampanja. It-triq inbniet tul rotta kummerċjali maġġuri bejn Franza u l-Ġermanja, u fiha l-binjiet tal-kummerċjanti tax-xampanja mis-seklu 18.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għoljiet, id-Djar u l-Kantini ta' Champagne ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Champagne Hillsides, Houses and Cellars". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-29.
- ^ a b ċ "Rapport tal-ICOMOS".