Aqbeż għall-kontentut

Għar tal-Irħam

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Wieħed mill-kompartimenti tal-Għar tal-Irħam

L-Għar tal-Irħam (bir-Russu: Мра́морная пещера, bl-Ukren: Мармурова печера, bit-Tatari tal-Krimea: Mermer qobası, Мермер къобасы) huwa għar fil-Krimea, fil-promontorju baxx tal-katina muntanjuża ta' Chatyr-Dag. Huwa attrazzjoni turistika popolari u wieħed mill-iżjed għerien li jżuruh nies fl-Ewropa.

Minħabba l-uniċità tiegħu, l-Għar tal-Irħam sar famuż mad-dinja kollha. L-ispeleologi jqisuh fost l-isbaħ ħames għerien fid-dinja, u wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Naturali tal-Ukrajna.[1] Fl-1992, ġie inkluż fl-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' għerien mgħammra.

Formazzjonijiet ġeoloġiċi fl-Għar tal-Irħam

Fl-1987, it-tim tal-ispeleoliġija ta' Simferopol skopra għar b'sistema kumpless ta' kompartimenti u galleriji bejn Bin Bash-Koba (litteralment "Elf Ras") u Suuk-Koba (litteralment "Kesħa"). L-għar il-ġdid, li kien jinsab f'altitudni ta' 920 metru (3,020 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, ingħata l-isem ta' Għar tal-Irħam (inizjalment kien issejjaħ ukoll Għar Afgan ukoll), minħabba l-fatt li ġie ffurmat minn tip ta' ġebla tal-ġir li qisha irħam.[2] Fl-1988, iċ-ċentru tal-ispeleoloġija turistika Onyx-tour stabbilixxa żjarat turistiċi, wara li nbnew mogħdijiet tal-mixi bil-konkos u ġiet installata sistema ta' tidwil fl-għar.

Formazzjoni ġeoloġika bajda li wasslet għat-tismija attwali tal-għar

Iż-żjara turistika tgħaddi mill-Gallerija tal-Ħrejjef, mill-Mogħdija tat-Tigra, b'mijiet ta' stalaktiti differenti, il-Kompartiment tar-Rikostruzzjoni, l-ikbar kompartiment ta' għar fil-Krimea u wieħed mill-iktar kompartimenti mgħammrin fl-Ewropa b'tul ta' 100 metru u b'għoli ta' 28 metru, il-Kompartiment Roża, b'ward tal-ġebel li jiksu l-parti ta' fuq tal-kompartiment, il-Kompartiment tal-Palazz, b'kolonni msejħa r-"Reġina" u r-"Re", u l-Kompartiment tat-Tama u tal-Gallarija. "Foresta" ta' stalaktiti twassal sal-Kompartiment Ileqq. Tużżani ta' "kandilabri" prezzjużi jinżlu mis-saqaf tal-għar bi "fjuri" tal-koralit, u wħud minnhom kważi jaslu sal-art. Hemmhekk iż-żjara turistika tasal fi tmiemha, għalkemm l-għar fih erba' kompartimenti oħra mhux miftuħa għat-turisti: il-Kompartiment taċ-Ċediment tal-Art, il-Kompartiment tal-Kanal, il-Kompartiment taċ-Ċikkulata, u l-Kompartiment tal-Geliktit.

  1. ^ "Мармурова печера (АР Крим) | 7 чудес України". web.archive.org. 2013-05-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-05-11. Miġbur 2022-04-10.
  2. ^ "Пещера «Мраморная» | ЦСТ Оникс-тур". web.archive.org. 2018-07-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-07-12. Miġbur 2022-04-10.