Aqbeż għall-kontentut

Foresti Irkanjani

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta mill-ajru tal-Foresti Irkanjani.

Il-Foresti Irkanjani (bil-Persjan: جنگل های هیرکانی; bl-Ażerbajġani: Hirkan meşələri) huma żona ta' artijiet baxxi miksijin bis-siġar u bil-foresti muntanjużi u jkopru madwar 55,000 kilometru kwadru (21,000 mil kwadru) qrib ix-xtut tal-Baħar Kaspju fl-Iran u fl-Ażerbajġan. Iż-żona forestali ngħatat isem ir-reġjun antik ta' Irkanja. Il-Fond Dinji għan-Natura jirreferi għall-ekoreġjun bħala l-foresti mħallta Irkanjani tal-Kaspju. Mill-5 ta' Lulju 2019, il-Foresti Irkanjani fl-Iran saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO,[1] u f'Settembru 2023, is-sit ġie estiż biex jinkorpora l-Foresti Irkanjani fl-Ażerbajġan.[2]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tal-bijotopi tal-Iran      Steppa forestali      Foresti u boskijiet      Semideżert      Artijiet baxxi deżertiċi      Steppa      Imraġ alluvjali salmastri

Fl-Iran, l-ekoreġjun Irkanjan huwa magħmul minn medda twila tul il-kosta tan-Nofsinhar tal-Baħar Kaspju u x-xaqlibiet tat-Tramuntana tal-muntanji Alborz. Ikopri partijiet minn ħames provinċji, mil-Lvant għall-Punent: it-Tramuntana tal-Khorasan, Golestan (421,373 ettaru (1,041,240 akru) kif ukoll ir-reġjuni tan-Nofsinhar, tal-Lbiċ u tal-Lvant tal-Pjanura ta' Gorgan), Mazandaran, Gilan u Ardabil.

Il-Park Nazzjonali ta' Golestan jinsab fil-konfini tal-provinċji ta' Golestan u ta' Mazandaran. Fil-provinċja ta' Mazandaran, fejn huwa stmat li fil-foresti Irkanjani, minn 965,000 ettaru (3,730 mil kwadru), 487,195 ettaru (1,881.07 mil kwadru) jintużaw b'mod kummerċjali, 184,000 ettaru (710 mili kwadri) huma protetti, u l-kumplament jitqiesu bħala artijiet forestali jew foresti li ntużaw iżżejjed. Huwa stmat li t-total tal-boskijiet forestali f'din il-provinċja jammonta għal 770,551 metru kubu (27,211,800 pied kubu). Il-baċiri idrografiċi forestali ta' Kojoor, Dohezar u Sehezar jinsabu fil-provinċja ta' Mazandaran u fil-provinċja ta' Gilan (dawn il-foresti huma kklassifikati minn 1 sa 3 b'erja ta' 107,894 ettaru (416.58-il mil kwadru), 182,758 ettaru (705.63 mil kwadru) u 211,972 ettaru (818.43-il mil kwadru), rispettivament. L-użu kummerċjali jammonta għal 184,202 m3 (6,505,000 pied kubu) u l-użu mhux kummerċjali jammonta għal 126,173 m3 (4,455,800 pied kubu). Il-baċiri idrografiċi forestali ta' Masooleh, ta' Ghaleh Roodkhan u ta' Astara jinsabu fil-provinċja ta' Gilan u fil-provinċja ta' Ardabil. F'elevazzjonijiet ogħla lejn in-Nofsinhar, l-ekoreġjun ivarja fi steppa forestali tal-katina muntanjuża ta' Elburz.

Fix-Xlokk tal-Ażerbajġan, l-ekoreġjun huwa estiż bejn l-artijiet baxxi ta' Lankaran u l-muntanji ta' Talysh.

Il-klima tal-ekoreġjun hija sottotropikali u umduża fl-altitudnijiet iktar baxxi; fl-altitudnijiet medji l-klima għandha karatteristiċi oċeaniċi, filwaqt li fil-muntanji l-klima hija kontinentali u umduża. Is-sajf huwa staġun umduż iżda bi ftit preċipitazzjoni. Il-katina muntanjuża ta' Alborz hija l-ogħla katina muntanjuża fil-Lvant Nofsani, u fiha jkun hemm l-iżjed preċipitazzjoni fir-riljievi, ċpar u nida, kif ukoll il-biċċa l-kbira tal-evaporazzjoni tan-Nofsinhar tal-Baħar Kaspju. Il-preċipitazzjoni annwali tvarja minn 900 mm (35 pulzier) fil-Lvant għal 1,600 mm (63 pulzier) fil-Punent, u b'hekk il-foresti huma iktar folti mir-reġjuni deżertiċi, semideżertiċi u tal-isteppa fil-konfini.

Flora[immodifika | immodifika s-sors]

Il-foresti tas-siġar ħorfija tal-weraq wiesa' fil-Provinċja ta' Gīlān, l-Iran.

Il-veġetazzjoni forestali naturali hija magħmula l-iktar minn siġar ħorfija miti bil-weraq wiesa'. 32.7% tal-volum tal-foresti Irkanjani huwa magħmul minn siġar tal-fagu Orjentali (Fagus orientalis). Karatteristika prinċipali tar-reġjun hija n-nuqqas ta' siġar koniferi; fadal biss relitti ta' speċijiet koniferi, li jinkludu t-tassu Ewropew (Taxus baccata), il-ġnibru (Juniperus spp.), iċ-ċipress tal-Mediterran (Cupressus sempervirens var. horzontalis) u l-arborvitae Orjentali (Platycladus orientalis).

Il-pjanuri kostali tal-Baħar Kaspju xi darba kienu miksijin bis-siġar tal-ballut tal-weraq qastni (Quercus castaneifolia), il-Buxus Ewropew (Buxus sempervirens), l-alnu iswed (Alnus glutinosa subsp. barbata), l-alnu tal-Kawkasu (Alnus subcordata), il-luq tal-Kaspju (Populus alba var. caspica) u s-siġar tal-ġewż tal-Kawkasu (Pterocarya fraxinifolia), iżda dawn il-foresti ġew ikkonvertiti kważi għalkollox f'art urbana u agrikola.

Ix-xaqlibiet iktar baxxi tal-muntanji Talysh u Alborz taħt is-700 metru (2,300 pied) fihom diversi foresti umdużi bis-siġar tal-ballut tal-weraq qastni, siġar tal-fagu abjad (Carpinus betulus), Parrotia Persjana (Parrotia persica), Zelkova tal-Kawkasu (Zelkova carpinifolia), siġar tal-ħarir Persjani (Albizia julibrissin), u siġar tat-tamal u tal-għanbaqar (Diospyros lotus), flimkien ma' arbuxxelli fosthom Ilex hyrcana, Ruscus hyrcanus, Danaë racemosa u Atropa pallidiflora,[3] u ljani fosthom Smilax excelsa u Hedera pastuchovii. Il-Parrotia Persjana hija siġra endemika fil-Muntanji Talysh u fit-Tramuntana tal-Iran, b'zokk kważi għeri għalkollox li jaf ikollu bixra partikolarment drammatika, bi friegħi miksijin bil-likeni li jidħlu f'xulxin u b'weraq mejjet biss fid-dell kbir tal-art forestali. Barra minn hekk, il-weraq isfar tal-Parrotia Persjana jsir qisu vjola bati fil-ħarifa.[4]

Foresta Irkanjana fid-Distrett ta' Lerik, l-Ażerbajġan.

Fl-elevazzjonijiet medji bejn 700 metru u 1,500 metru (2,297 pied u 4,921 pied), il-fagu Orjentali huwa l-ispeċi dominanti ta' siġar f'din iż-żona bis-sħab, bi zkuk għerija u mħallta ma' siġar tal-injam iebes oħrajn bħall-ballut tal-weraq qastni, il-ballut tal-Kawkasu (Quercus macranthera), il-fagu abjad (Carpinus betulus), il-fagu Orjentali (C. orientalis) u l-qastan ħelu (Castanea sativa).[5] Mill-kompożizzjoni tal-flora tagħhom, dawn il-foresti tal-fagu huma kkollegati mal-foresti Ewropej u għandhom affinitajiet mal-foresti tal-fagu tal-Balkani. Madankollu, il-kundizzjonijiet lokali tal-bixra u l-fattur edafiċi, bħall-indewwa u l-fond tal-ħamrija, kollha huma importanti biex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-veġetazzjoni. Dan iwassal għall-istabbiliment ta' sottokomunitajiet differenti ta' siġar tal-fagu.

Iż-żoni muntanjużi u sub-Alpini iktar 'il fuq huma kkaratterizzati b'siġar tal-ballut tal-Kawkasu, b'siġar tal-fagu abjad, bl-arbuxxelli u bl-isteppi. It-tundra u l-mergħat Alpini jinstabu fl-ogħla elevazzjonijiet.

Speċijiet nattivi oħra ta' siġar huma l-Gleditsia caspica, l-aġġru bellusi (Acer velutinum), l-aġġru tal-Cappadocia (Acer cappadocicum), il-fraxxnu Ewropew (Fraxinus excelsior), l-ulmu ta' Wych (Ulmus glabra), iċ-ċirasa selvaġġa (Prunus avium), is-Sorbus torminalis u s-siġar tal-ixkomp (Tilia platyphyllos).

Fawna[immodifika | immodifika s-sors]

It-tigra tal-Kaspju (Panthera tigris tigris) fl-imgħoddi kienet il-predatur ewlieni tal-bijoma qabel l-estinzjoni tagħha. Fost il-kumplament tal-mammiferi kbar hemm il-leopard Persjan/tal-Kawkasu (Panthera pardus tulliana), il-linċi Ewrasjatiku (Lynx lynx), l-ors kannella (Ursus arctos), iċ-ċingjal (Sus scrofa), il-lupu (Canis lupus), ix-xakall (Canis aureus), il-qattus selvaġġ tal-ġungla (Felis chaus), il-baġer tal-Kawkasu (Meles canescens), u l-lontra Ewrasjatika (Lutra lutra).[6]

Dan l-ekoreġjun huwa l-post ekoloġiku prinċipali ta' mistrieħ għall-għasafar li jpassu bejn ir-Russja ċentrali u t-Tramuntana tar-Russja u l-Afrika, għaldaqstant huwa ħabitat ewlieni għal bosta speċijiet ta' għasafar. Fost l-għasafar notevoli hemm il-wiżż griż (Anser anser), il-wiżż tal-maskra bajda (Anser albifrons), il-pitarri (Tetrax tetrax), il-vellerani (Plegadis falcinellus), il-paletti Ewrasjatiċi (Platalea leucorodia), il-kwakki (Nycticorax nycticorax), il-wiżż ta' sidirhom aħmar (Branta ruficollis), il-bies (Falco peregrinus), il-pellikani tad-Dalmazja (Pelecanus crispus), l-agretti tal-bhejjem (Bubulcus ibis), l-agretti sofor (Ardeola ralloides), il-fjamingi (Phoenicopterus roseus), il-brajmli rashom bajda (Oxyura leucocephala), u is-sriedaq tal-borra tal-Kaspju (Tetraogallus caspius).[7]

Speċijiet endemiċi[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa maħsub li l-foresti Irkanjani servew bħala refuġju għal ċerti speċijiet matul it-tibdil fil-kundizzjonijiet klimatiċi. Il-ġurdien Iranjan li jittiekel (Glis persicus) huwa speċi endemika ta' dan l-ekoreġjun, u huwa maħsub li evolva meta t-tibdil fil-klima f'nofs il-Mijoċen wassal għall-frammentazzjoni tal-popolazzjoni anċestrali Glis, u popolazzjoni waħda baqgħet ħajja f'dawn il-foresti u evolviet fi speċi ġdida.[8] Il-farfett il-lejl Myotis hyrcanicus x'aktarx li huwa speċi endemika wkoll ta' dan ir-reġjun.[9] Ir-reġjun huwa magħruf ukoll li jippreserva razza unika ta' bugeddum b'pil b'żewġ kuluri (Crocidura leucodon) li evolva minn razez oħra matul nofs il-Plejstoċen, madwar miljun sena ilu.[10]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Foresti Irkanjani fl-Iran ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019[1] u s-sit ġie estiż fl-2023 biex jiġu inklużi wkoll il-komponenti tal-Ażerbajġan.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[2]

Komponenti[immodifika | immodifika s-sors]

Id-diversità u l-endemiżmu tal-ispeċijiet tal-foresti Irkanjani jagħmluhom foresti prijoritarji u uniċi għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet. Il-ħabitats huma mhedda mill-konverżjoni tal-artijiet għat-te, għall-ħxejjex, għall-frott, u għad-dwieli, kif ukoll mill-forestrija mhux sostenibbli u l-insib.

Iż-żoni protetti fl-Ażerbajġan jinkludu:

  • ir-Riżerva Statali ta' Gizil-Agach – 88.4 kilometru kwadru (34.1 mil kwadru);
  • il-Park Nazzjonali ta' Hirkan – 427.97 kilometru kwadru (165.24 mil kwadru).

Iż-żoni protetti fl-Iran jinkludu:

  • il-Park Nazzjonali ta' Golestan;
  • iż-Żona Protetta ta' Jahan Nama;
  • iż-Żona Protetta Ċentrali tal-Muntanji Alborz;
  • iż-Żona Protetta ta' Lisar;
  • iż-Żona Protetta ta' Siah Keshim;
  • ir-Refuġju tan-Natura Selvaġġa ta' Dodangeh;
  • ir-Refuġju tan-Natura Selvaġġa ta' Neka Miankaleh;
  • ir-Refuġju tan-Natura Selvaġġa ta' Selkeh;
  • ir-Refuġju tan-Natura Selvaġġa ta' Dashtenaz.

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b https://plus.google.com/113403756129291503583 (2019-07-05). "Iran's Hyrcanian Forests Added to UNESCO World Heritage List". Financial Tribune (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-05.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Hyrcanian Forests". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-05.
  3. '^ Rechinger, Karl Heinz; Schönbeck-Temesy, Eva (197). "Solanaceae". Flora Iranica: Flora des iranischen Hochlandes und der umrahmenden Gebirge; Persien, Afghanistan, Teile von West-Pakistan, Nord-Iraq, Azerbaidjan, Turkmenistan ['Flora Iranica: Flora of the Iranian Highlands and the adjoining mountain ranges; Iran, Afghanistan, parts of Western Pakistan, Northern Iraq, Azerbaijan, Turkmenistan] (in German). pp. 100, 102.
  4. ^ "MBG: Research: Russia: Ornamental plants from Russia". www.mobot.org. Miġbur 2023-10-05.
  5. ^ "Ecosystem Profile: Caucasus". web.archive.org. 2008-07-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-07-25. Miġbur 2023-10-05.
  6. ^ Heptner, V. G.; Sludskij, A. A. (1992) [1972]. Mlekopitajuščie Sovetskogo Soiuza. Moskva: Vysšaia Škola [Mammals of the Soviet Union. Volume II, Part 2. Carnivora (Hyaenas and Cats)]. Washington DC: Smithsonian Institution and the National Science Foundation. pp. 1-732.
  7. ^ Hoekstra, J. M.; Molnar, J. L.; Jennings, M.; Revenga, C.; Spalding, M. D.; Boucher, T. M.; Robertson, J. C.; Heibel, T. J.; Ellison, K. (2010). Molnar, J. L. (ed.). The Atlas of Global Conservation: Changes, Challenges, and Opportunities to Make a Difference. University of California Press. ISBN 978-0-520-26256-0.
  8. ^ Kryštufek, Boris; Naderi, Morteza; Janžekovič, Franc; Hutterer, Rainer; Bombek, Dominik; Mahmoudi, Ahmad (2021-07-01). "A taxonomic revision of fat dormice, genus Glis (Rodentia)". Mammalia. 85 (4): 362–378.
  9. ^ Yusefi, Gholam Hosein; Faizolahi, Kaveh; Darvish, Jamshid; Safi, Kamran; Brito, José Carlos (2019-02-04). "The species diversity, distribution, and conservation status of the terrestrial mammals of Iran". Journal of Mammalogy. 100 (1): 55–71.
  10. ^ Mahmoudi, Ahmad; Darvish, Jamshid; Siahsarvie, Roohollah; Dubey, Sylvain; Kryštufek, Boris (2019-03-01). "Mitochondrial sequences retrieve an ancient lineage of Bicolored shrew in the Hyrcanian refugium". Mammalian Biology. 95 (1): 160–163.