Filosofija Ellenistika

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-Filosofija Ellenistika hi dak il-perjodu fl-istorja tal-Filosofija tal-Punent li kien ġie żviluppat miċ-ċiviltà Ellenistika wara Aristotli u li ntemm mal-bidu tan-Neoplatoniżmu.


Skejjel tal-ħsieb Ellenistiċi[immodifika | immodifika s-sors]

Pitagoriżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pitagoriżmu huwa sistema filosofika u xjentifika żviluppata minn Pitagora, u li influwenza kważi s-sistemi filosofiċi Ellenistiċi kollha li ġew warajh. Eventwalment żviluppaw żewġ skejjel ta' ħsieb Pitagoriku, waħda bbażata fuq il-matematika u li kompliet il-ħidma xjentifika tiegħu, u l-oħra li ffukat iktar fuq it-tagħlim eżoteriku ta' Pitagora, għalkemm it-tnejn li huma kellhom parti mill-oħra.

Sofiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-Greċja tal-qedem, is-sofisti kienu kategorija t'għalliema speċjalizzati f'għodod filosofiċi u retoriċi bl-għan li jgħallu aretê — eċċellenza, jew virtù — l-aktar lil statisti u nobbli żgħażagħ.

Ċiniċiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċiniċi kienu setta ta' filosfi axxeti li bdew b'Antistene fir-raba' seklu QK u li komplew sal-ħames seklu WK. Huma kienu jemmnu li wieħed għandu jgħix ħajja vurtwuża bi qbil man-Natura. Dan fisser iċ-ċaħda tax-xewqat konvenzjonli għall-għana, għall-poter, għas-saħħa, jew għall-fama, u ħajja ħielsa minn pussess.

Ċirenejċiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċirenejċi kienu skola filosofika ultra-edonista mwaqqfa fir-raba' seklu WK minn Aristippu ta' Ċirene. Huma kienu jsostnu li l-pjaċir huwa l-ogħla tjubija, speċjalment il-gratifikazzjoni immedjata. Fi żmien seklu d-duttrina iktar moderata tal-Epikurej ħadet post iċ-Ċirenejċiżmu.

Platoniżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Platoniżmu huwa l-filosofija ta' Platun, kif miżmuma u żviluppata mis-segwaċi tiegħu. Il-kunċett ewlieni kienet it-Teorija tal-Forom: l-arketipi traxendenti, perfeffi, li tagħhom l-oġġetti ta' kuljum fid-dinja huma biss kopja imperfetta. L-ogħla forma kienet il-Forma tat-Tjubija, is-sors tal-kewn, li seta' jintlaħaq bir-raġuni. Fit-tielet seklu QK, Arċilesaw addotta x-xettiċiżmu, li sar prinċipju ewlieni tal-iskola sas-sena 90 QK, meta Antjoku żied elementi Stojċi, u ċaħad ix-xettiċiżmu. Bl-addozzjoni ta' mistiċiżmu orjentali fit-tielet seklu WK, il-Platoniżmu evolva fin-Neoplatoniżmu.

Peripatetiċiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Peripatetiċi kienu filosfi li żammew u żviluppaw il-filosofija ta' Aristotli. Huma kienu favur li wieħed jistudja d-dinja biex jifhem il-pedament aħħari ta' kollox. L-għan tal-ħajja kienet l-hena, li kienet toħroġ minn azzjonijiet virtwużi bl-g]an li wieħed iżomm fin-nofs taż-żewġ estremitajiet bejn il-wisq u l-ftit wisq.

Xettiċiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pirroniżmu, jew ix-xettiċiżmu Pirroniku, kien skola ta' xettiċiżmu mibdija minn Pirro fit-tielet seklu QK, u li kompla javvanza taħt Enesidemu fl-ewwel seklu QK. Dan kien isostni xettiċiżmu filosofiku sħiħ dwar id-dinja sabiex wieħed jilħaq "ataraxia" jew hena fil-menti (moħħ), filwaqt li kien isostni wkoll li xejn ma jista' jiġi ppruvat veru allura wieħed għandu jissospendi l-ġudizzju.

Epikurejiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

L-Epikurejiżmu kien imwaqqaf minn Epikuru fit-tielet seklu QK. Dan kien jara l-univers immexxi miċ-ċansijiet, mingħajr l-indħil tal-allat. L-Epikurejiżmu kien iqis in-nuqqas ta' uġiegħ bħala l-akbar pjaċir, u kien isostni ħajja sempliċi. Kien ir-rivali ewlieni tal-Istojċiżmu sakemm iż-żewġ filosofiji mietu fit-tielet seklu WK.

Stojċiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Żenone ta' Ċizju (333-263 QK), fundatur tal-Istojċiżmu

L-Istojċiżmu kien imwaqqaf minn Żenone ta' Ċizju fit-tielet seklu QK. Ibbażat fuq l-ideat etiċi taċ-Ċiniċi, dan kien jgħallem li l-għan tal-ħajja hu li wieħed jgħix skont in-Natura. L-Istojċiżmu kien isistni l-iżvilupp tal-awto-kontroll u l-fortitudni bħala mezz kien wieħed jegħleb emozzjonijiet distruttivi. Kien l-aktar skola tal-filosofija ta' suċċess sakemm miet fit-tielet seklu WK.

Eklettiċiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

L-Eklettiċiżmu kien sistema filosofika li addottat numru ta' duttrini filosofiċi eżistenti li l-aktar rat li jagħmlu sens. L-iktar proponent magħruf tagħha kien Ċiċerun.

Ġudaiżmu Ellenistiku[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Ġudaiżmu Ellenistiku kien attentat biex tiġi stabbilita tradizzjoni reliġjoni Lhudija fi ħdan il-kultura u l-lingwa Ellenistika. Ir-rappreżentant ewlieni tagħha kien Filos ta' Lixandra.

Neopitagoriżmu[immodifika | immodifika s-sors]

In-Neopitagoriżmu kien skola filosofika li reġgħet qajmet id-duttrini filosofiċi tal-Pitagoriżmu, u li kien prominenti bejn l-ewwel u t-tieni seklu WK. Kien attentat biex jiddaħħal element reliġjuż fil-filosofija Griega, il-qima ta' Alla permezz ta' ħajja axxetika, li tinjora l-pjaċiri tal-ġisem u l-impulsi kollha tas-sensi, sabiex tiġi ppurifikata r-ruħ.

Kristjaneżmu Ellenistiku[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kristjaneżmu Ellenistiku kien l-attentat ta' rikonċiljazzjoni bejn il-Kristjaneżmu u l-filosofija Griega, liema attentat beda lejn l-aħħar tat-tieni seklu WK. Meħud b'mod partikolari mill-Platoniżmu u min-Neoplatoniżmu emerġenti, persunaġġi bħal Klement ta' Lixandra fittxew li jipprovdu lill-Kristjaneżmu b'qafas filosofiku.

Neoplatoniżmu[immodifika | immodifika s-sors]

In-Neoplatoniżmu, jew Plotiniżmu, kien skola ta' filosofija reliġjuza u mistika mwaqqfa minn Plotinu fit-tielet seklu WK u bbażata fuq it-tagħlim ta' Platun u ta' Platonisti oħrajn. Il-quċċata tal-kewn (eżistenza) kien il-Wieħed jew it-Tajjeb, l-għajn ta' kollox. Bil-virtù u l-meditazzjoni r-ruħ kellha l-qawwa li tgħolli lilha nfisha u titwaħħad mal-Wieħed; din kienet il-funzjoni vera tal-bniedem. Il-Plotiniżmu kien ir-rivali ewlieni tal-Kristjaneżmu sakemm spiċċa fis-sitt seklu WK.

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]

Aktar qari[immodifika | immodifika s-sors]