Festa della Repubblica

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Esebizzjoni tal-Frecce Tricolori waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa della Repubblica fl-2005.

Il-Festa della Repubblica (bil-Malti: Festa tar-Repubblika) tiġi ċċelebrata kull sena nhar it-2 ta' Ġunju fl-Italja biex tfakkar it-twelid tar-Repubblika Taljana.

Nhar it-2 u t-3 ta' Ġunju 1946 sar ir-referendum istituzzjonali b'suffraġju universali, fejn it-Taljani ġew mitluba biex jivvutaw sabiex jesprimu rwieħhom fuq liema forma ta' gvern għandu jadotta l-pajjiż wara l-waqgħa tal-Faxxiżmu. Bi 12,718,641 vot għal repubblika u 10,718,502 voti għal monarkija, l-Italja saret repubblika u d-dixxendenti rġiel tad-Dar ta' Savojja ġew eżiljati. Sabiex tiġi kkomemorata dan l-avveniment, parata militari kbira saret fil-qalba ta' Ruma, immexxiha mill-President tar-Repubblika Taljana fl-irwol tiegħu bħala Kmandant Suprem tal-Forzi Armati. Il-Prim Ministru, formalment imsejjaħ bħala l-President tal-Kunsill tal-Ministri u uffiċjali għoljin oħra wkoll attendew.

Madwar id-dinja kollha, fl-ambaxxati Taljani saru festeġġjamenti fejn ġew mistiedna l-kapijiet tal-istat tal-pajjiż ospitu. Minn madwar id-dinja bdew jaslu l-awguri minn kapijiet tal-istat lill-President tar-Repubblika Taljana. Qabel il-fundazzjoni tar-Repubblika, il-jum nazzjonali kien isir fl-ewwel Ħadd ta' Ġunju, li kien jaħbat l-anniversarju tal-għotja tal-Istatut Albertin. Bil-liġi numru 336 tal-20 ta' Novembru 2000, iċ-ċelebrazzjonijiet reġgħu tressqu għat-2 ta' Ġunju.