Aqbeż għall-kontentut

Liebru l-ġebel aħmar ta' Smith

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Fenek aħmar ta' Smith)
Liebru l-ġebel aħmar ta' Smith
Liebru l-ġebel aħmar ta' Smith jew Fenek aħmar ta' Smith, Pronolagus rupestris
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Chordata
Klassi: Mammalia
Sottoklassi: Theria
Infraklassi: Eutheria
Superordni: Euarchontoglires
Ordni: Lagomorpha
Familja: Leporidae
Ġeneru: Pronolagus
Speċi: P. rupestris
Isem binominali
Pronolagus rupestris
A. Smith, 1834
Sottospeċi


Il-Liebru l-ġebel aħmar ta' Smith Pronolagus rupestris jew kif inhu msejjaħ xi kultant ukoll Fenek aħmar ta' Smith, huwa mammiferu plaċentat notturn (ta' bil-lejl) u solitarju tal-familja Leporidae fl-ordni Lagomorpha mifrux fil-kontinent Afrikan. Dan il-leporidu bħat-3 speċijiet l-oħra tal-ġeneru Pronolagus, għalkemm jissejjaħ "Liebru l-ġebel" huwa speċi ta' fenek.

Dan il-liebru l-ġebel għandu pil oħxon ta' lewn kannella man-naħa tad-dahar, filwaqt dak tas-sider u ż-żaqq huwa fin ħafna ta' kulur bajdani. Id-denb u l-erba' saqajn huma lewn is-sadid ħamrani waqt il-wiċċ u l-widnejn huma ta' kulur griż. Liebru l-ġebel aħmar ta' Smith adult jista jkun twil bejn 39 u 57 ċentimetru bid-denb b'kollox, b' par saqajn ta' wara bejn 7.5 u 10 centimetri kull sieq, b' par widnejn bejn 6 u 10 ċentimetri kull widna u jiżen madwar 2 kilogrammi.

Il-Liebru l-ġebel aħmar ta' Smith mifrux f'abitat kollu ġebel, blat u rdum, ħaxix għoli u xtieli mdaqqsa, mal-ġnub u l-madwar tal-għoljiet u l-muntanji fejn ikun jista' jsib kenn matul il-ġurnata u din hija r-raġuni minn fejn oriġina l-isem komuni ta' din l-ispeċi.

Riproduzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Liebru l-ġebel aħmar ta' Smith wara tqala jew ġestazzjoni ta' madwar 30 jum jirriproduċi boton ta' żarmuġ jew 2 li jitwieldu ogħmja, bla pil u totalment dipendenti fuq l-omm, ġo bejta qalb ix-xquq fil-ġebel magħmula minn ħaxix u pil ta' l-omm stess.

Distribuzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Liebru l-ġebel aħmar ta' Smith huwa speċi ta' fenek mifrux ma' bosta pajjiżi lejn iċ-ċentru u n-Nofsinhar tal-kontinent tal-Afrika. Dan il-Liebru l-ġebel għandu popolazzjonijiet fil-Kenja, il-Malawi, in-Namibja, ir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, ir-Rodeżja, it-Tanżanija u ż-Żambja.

Klassifikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Reċentement is-sottospeċi Pronolagus rupestris saundersiae (Hewitt, 1927) ġiet riklassifikata bħala speċi, Pronolagus saundersiae (Hewitt, 1927) bl-isem komuni ta' Liebru l-ġebel aħmar ta' Hewitt.