Fabbrika ta' Van Nelle

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Fabbrika ta' Van Nelle

L-eks Fabbrika ta' Van Nelle (bl-Olandiż: Van Nellefabriek) fuq ix-xmara Schie f'Rotterdam, titqies bħala waħda mill-iprem eżempji tal-Istil Internazzjonali bbażat fuq l-arkitettura kostruttivista. Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[1][2] Ftit wara li nbniet, arkitetti prominenti ddeskrivew il-fabbrika bħala "l-isbaħ spettaklu tal-era moderna" (Le Corbusier fl-1932) u bħala "poeżija tal-azzar u tal-ħġieġ" (Robertson fl-1930).[3][4]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-fabbrika minn wara

Il-binjiet tal-fabbrika ġew iddisinjati mill-arkitett Leendert van der Vlugt mill-uffiċċju ta' Brinkman u Van der Vlugt, b'kooperazzjoni mal-inġinier ċivili J.G. Wiebenga, li dak iż-żmien kien speċjalista tal-kostruzzjonijiet bil-konkos rinfurzat, u nbnew bejn l-1925 u l-1931. Il-fabbrika hija eżempju ta' Nieuwe Bouwen, l-arkitettura moderna fin-Netherlands. Ġiet ikkummissjonata mis-sid konġunt tal-kumpanija ta' Van Nelle, Cees van der Leeuw, f'isem is-sidien. Van der Leeuw u ż-żewġ diretturi tal-kumpanija, Matthijs de Bruyn u Bertus Sonneveld, tant kienu impressjonati mill-ħiliet ta' van der Vlugt li kkummissjonawh biex jiddisinja u jibni djar privati għalihom stess f'Rotterdam u f'Schiedam fil-qrib bejn l-1928 u l-1932. Id-Dar ta' Sonneveld, li ġiet rinnovata għalkollox, issa hija mużew fiċ-ċentru ta' Rotterdam, u tilqa' iktar minn 30,000 viżitatur fis-sena mid-dinja kollha.

Il-fabbrika minn ġewwa

Fis-seklu 20 kienet fabbrika li kienet tipproċessa l-kafè, it-te u t-tabakk, u iktar 'il quddiem anke ċ-chewing gum, is-sigaretti, il-pudini istantanji u r-ross. Il-fabbrika waqfet topera fl-1996. Inizjalment, wara r-rinnovazzjoni, kienet magħrufa bħala l-Fabbrika tad-Disinn ta' Van Nelle (bl-Olandiż: Van Nelle Ontwerpfabriek). Iktar reċentement, l-enfasi speċifika fuq is-setturi tad-disinn u tal-arkitettura ġiet abbandunata u attwalment il-binja tospita varjetà wiesgħa ta' kumpaniji u spazju moderna ta' ħidma konġunta. Uħud miż-żoni tal-fabbrika jintużaw għal-laqgħat, għall-konvenzjonijiet u għall-avvenimenti.[5]

Eric Gude, speċjalista Olandiż fil-konverżjoni ta' eks siti industrijali, ippjana u organizza din il-bidla fl-użu għall-Fabbrika ta' Van Nelle fl-1997 u introduċa lil Wessel de Jonge, awtorità fir-rinnovazzjoni tal-arkitettura moderna fl-1999, biex jikkoordina r-rinnovazzjoni kumplessiva, li bdiet fis-sena 2000.

Fl-2015, il-Fabbrika ta' Van Nelle ġiet ivvutata fl-ewwel post fil-lista tal-isbaħ 25 fabbriuka fid-dinja.[6]

Arkitettura[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta mid-daħla billejl

Il-Fabbrika ta' Van Nelle turi l-influwenza tal-Kostruttiviżmu Russu. Mart Stam, li ħadem fl-1926 bħala disinjatur impjegat fl-uffiċċju ta' Brinkman u Van der Vlugt f'Rotterdam, ġie f'kuntatt mal-istil Avant-garde Russu fl-1922 f'Berlin. Fl-1926, Mart Stam organizza ġita arkitettonika tan-Netherlands għall-artist Russu El Lissitzky u martu Sophie Küppers, kollezzjonista tal-arti avant-garde. Huma żaru lil Jacobus Oud, Cornelis van Eesteren, Gerrit Rietveld, u lil artisti oħra. Sophie Küppers iddikjarat li Mart Stam tkellem dwar il-fabbrika "tiegħu" matul dik il-ġita u dik inzertat kienet il-kawża tat-tkeċċija tiegħu minnufih.

Jingħad li l-binja kellha l-ewwel ħajt diviżorju mħejji industrijalment fid-dinja.[2]

Sit ta' Wirt Dinji u Monument Nazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

L-erba' pontijiet tat-trasport tal-fabbrika

Il-Fabbrika ta' Van Nelle hija monument nazzjonali Olandiż (bl-Olandiż: Rijksmonument) u mill-2014 ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Il-ġustifikazzjoni tal-valur universali straordinarju ġiet ippreżentata fl-2013 lill-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-valur universali straordinarju ġie rikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "21 amazing World Heritage Sites you've probably never heard of" (bl-Ingliż). 2016-02-04. Miġbur 2021-08-07.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Van Nellefabriek". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
  3. ^ "Van Nellefabriek". Unesco Commissie (bl-Olandiż). Miġbur 2021-08-07.
  4. ^ "Van Nelle Factory". architectuul.com. Miġbur 2021-08-07.
  5. ^ "Van Nelle Fabriek Events & Meetings, meeting, drinks & dinner, congress, exposition, company event | Van Nelle Fabriek Rotterdam". www.vannellefabriekrotterdam.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
  6. ^ Writer, Staff (2015-03-23). "The 25 most beautiful factories in the world" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-08-07. Miġbur 2021-08-07.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]