Aqbeż għall-kontentut

Cheirolophus crassifolius

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Cheirolophus crassifolius
Stat ta' konservazzjoni

F'Periklu Kritiku ta' Estinzjoni  (IUCN 3.1)
Klassifikazzjoni xjentifika
RenjuPlantae
OrdniAsterales
FamiljaAsteraceae
TribùCynareae (en) Cynareae
ĠeneruCheirolophus (en) Cheirolophus
speċi Cheirolophus crassifolius
Susanna,


Cheirolophus crassifolius jew Widnet il-Baħar (magħrufa ukoll bħala Maltese Rock Centaury jew Malta knapweed), hija speċi ta' pjanta endemika għal Malta mill-familja Asteraceae.[1][2] Il-Widnet il-Baħar saret u għadha l-pjanta nazzjonali ta' Malta mill-1971.[3][4] L-ambjent naturali tagħha huwa fil-wiċċ u fix-xquq tal-irdum, kif ukoll fil-widien kostali li jkunu magħmulin mill-franka.[5] Din il-pjanta hija mhedda bit-telf tal-ambjent naturali ikkawżat mill-bniedem. Kif ukoll minn pjanti aljeni invazivi li jistabilixxu ruħhom fuq l-irdum u jikkompetu ma' din l-ispeċi għall-istess riżorsi.[6]

Din il-pjanta perenni tagħmel fjuri ta' lewn vjola bejn Mejju u Lulju, il-fjuri jifformaw fuq zkuk ħodor, fjura waħda fuq kull zokk li huwa ta' tul ta' bejn 50 u 60 ċentimetru. Dawn iz-zkuk flimkien jifformaw arbuxxell b'weraq lixxi, sukkulenti, ovali u tawwalin f'forma ta' kuċċarina.[3][4][7] Iż-żerriegħa jkollha struttura bħall- ġwienaħ li jgħinu sabiex iż-żerriegħa ittir mar-riħ 'il bogħod mill-pjanta omm fejn tistabilixxi ruħha ġo qasma fil-blat fuq l-irdum f'post ieħor. [2] Il-weraq sukkulenti ta' din l-ispeċi huma mekkaniżmu ta' ħażna tal-ilma matul iż-żmien tan-nixfa fl-ambjent aridu tal-irdum.[8]

Il-varjeta' serratifolia hija rari ħafna bis-snien max-xifer tal-weraq u kienet deskritta li tinstab biss fuq l-irdumijiet t'Għawdex. Din il-varjeta' kienet deskritta għall-ewwel darba minn Fiori u Paoletti fl-1907.[9] [10] Filwaqt li l-botanist Malti John Borg kiteb fl-1927, li pjanti b'weraq normali tal-Widnet il-Baħar kienu jipproduċu weraq bis-snien fit-truf taz-zkuk bħal tal-varjeta' serratifolia.[10] Għalkemm din il-varjeta' ma nstabitx meta sar l-istudju fl-1994.[9]

Fjura taċ-Cheirolophus crassifolius

Cheirolophus crassifolius kienet deskritta għall-ewwel darba mill-naturalist Malti Stefano Zerafa, madwar is-sena 1827, bħala l-unika speċi fil-ġeneru monotipiku Centaurea u ingħatat l-isem ta' Centaurea spathulatha.[2] Dan l-isem ġie mbiddel għal Centaurea crassifolia fl-1828. Imbagħad kienet trasferita fil-ġeneru Palaeocyanus u ingħatat l-isem ta' Paleocyanus crassifolius fl-1975 mill-botanist Josef Dostál.[11] Madankollu, fis-sena 1999, din il-pjanta ġiet trasferita għal ġeneru Cheirolophus, fid-dawl ta' studji ġenetiċi li saru f'dik is-sena u l-isem inbidel mill-botanist Alfonso Susanna għal Cheirolophus crassifolius.[12][2][11] Għalkemm għad hemm dibattitu dwar f'liema ġeneru minn Palaeocyanus u Cheirolophus l-aktar jirrifletti l-filoġenija ta' din l-ispeċi minħabba li hija pjanta Paleoendemika.[3][5][8] Din l-ispeċi hija regolarment ikkultivata f'Malta, minħabba li tikber biss fil-Gżejjer Maltin u l-popolazzjonijiet ta' din il-pjanta huma mhedda bl-estinzjoni. Fil-fatt, Cheirolophus crassifolius hija kkunsidrata bħala serjament mhedda fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN u hija imnizzla f'Appendiċi I ta' Flora protetta strettament tal-Konvenzjoni Bern u Anness II u IV tad-Direttiva 92/43/EEC tal-prijorita` tal-ispeċi. [13][6] Kif ukoll fil-ġżejjer Maltin, hija strettament protetta nkluż l-inħawi fejn din il-pjanta tinstab fis-selvaġġ minħabba l-importanza nazzjonali tagħha.[6][4][1]

L-isem "Cheirolophus" ifisser nofs tond bil-latin, simili għall-forma tad-daħla tal-id li kienet tirreferi għaliha l-kelma oriġinali bil-latin,[14] u għal forma tat-truf tal-bract li hija karatterristika ta' bosta speċi f'dan il-ġeneru.[4] Filwaqt li "crassifolius" tfisser weraq ħoxnin bil-Latin.[14] L-isem bil-Malti Widnet il-Baħar ġej mill-kelma "widna" li huwa isem li jingħata għall-weraq ta' pjanti oħrajn komuni li jintużaw bħala għalf. Filwaqt li l-kelma "baħar" tirreferi għall-ambjent naturali tal-pjanta li tikber fit-truf tal-irdum li jagħtu għall-baħar.[9]

Il-popolazzjnoijiet u l-individwi ta' C. crassifolius huma skarsi, iżda mifruxin u komuni fis-selvaġġ fuq l-irdumijiet tal-Punent u fix-Xlokk ta’ Malta. Filwaqt li huma rari fl-irdumijiet tan-nofsinhar ta’ Għawdex.[5] F'dawn l-aħħar snin, il-Widnet il-Baħar (C. crassifolius) saret frekwenti bħala speċi kkultivata fir-roundabouts u fil-ġonna pubbliċi.[3][4]

Bħala firxa globali, C. crassifolius tikber biss fil-gżejjer Maltin u speċi relatati jinstabu f'pajjiżi Mediterranji, fosthom Spanja, l-Portugal u Franza fin-naħa tan-nofsinhar tal-Ewropa u I-Alġerija u l-Marokk fit-tramuntana tal-Afrika. Kif ukoll fil-gzejjer Kanarji.[15][7]

  1. ^ a b Mifsud, S. (2022). Cheirolophus crassifolius - maħluq f'Lulju 2006. MaltaWildPlants.com. Data ta' Aċċess 2023-08-16
  2. ^ a b ċ d Casha, A. (2018). Flora of the Maltese Islands (bl-Ingliż). Alex Casha. ISBN 9780244605889.
  3. ^ a b ċ d Lanfranco, E.; Bonett, G. (2018). Nature Guide Series Wild Flowers of the Maltese Islands (bl-Ingliż). Print It, Paola, Malta: BDL Publishing. ISBN 978-99957-46-59-9.
  4. ^ a b ċ d e "BioSnippett Issue 22 Maltese Rock Centaury" (PDF). era.org.mt (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-20.
  5. ^ a b ċ Mifsud, S. (2013) Distribution of some rare or endemic chasmophytic and rupestral species growing along the coastal cliffs of the Maltese Islands, Webbia, 68:1, 35-50, DOI: 10.1080/00837792.2013.807451
  6. ^ a b ċ Stevens, D. & Lanfranco, E. 2006. Cheirolophus crassifolius. The IUCN Red List of Threatened Species 2006: e.T61621A12524967. doi: https://dx.doi.org/10.2305/IUCN.UK.2006.RLTS.T61621A12524967.en. Data ta' Aċċess 2023-08-18
  7. ^ a b Garnatje, T.; Garcia, S.; Canela, M. Á. (2007-03-01). "Genome size variation from a phylogenetic perspective in the genus Cheirolophus Cass. (Asteraceae): biogeographic implications". Plant Systematics and Evolution (bl-Ingliż). 264 (1): 117–134.
  8. ^ a b Zammit, F. (2012) "Investigating the compatibility between Natura 2000 site protection and geomorphological landscapes". Masters Theses, 2010-2019. 374. URL:https://commons.lib.jmu.edu/master201019/374
  9. ^ a b ċ Zammit MaempeI, G. (1999). "Malta's National Plant, Palaeocyanus crassifolius (Bertoloni) Dostal (Asteraceae) and some arthropod visitors". The Central Mediterranean Naturalist (bl-Ingliż). The Central Mediterranean Naturalist. 3 (1): 35–42 – via OAR@UM.Manutenzjoni CS1: data u sena (link)
  10. ^ a b Borg, J. (1927). Descriptive Flora of the Maltese Islands: Including the Ferns and Flowering Plants (bl-Ingliż). U.S. Government Printing Office.
  11. ^ a b Susanna, A., Garnatje, T., & Garcia-Jacas, N. (1999). Molecular phylogeny of Cheirolophus (Asteraceae: Cardueae—Centaureinae) based on ITS sequences of nuclear ribosomal DNA. Plant Systematics and Evolution, 214(1/4), 147-160.
  12. ^ "Cheirolophus crassifolius | International Plant Names Index". www.ipni.org. Miġbur 2023-08-18.
  13. ^ "IUCN Top 50 - Cheirolophus crassifolius". top50.iucn-mpsg.org. Miġbur 2024-09-12.
  14. ^ a b Quattrocchi, U. (2017). CRC world dictionary of plant names: common names, scientific names, eponyms, synonyms, and etymology. Routledge. ISBN 9780849326752
  15. ^ "Maltese rock centaury". Times of Malta (bl-Ingliż). 2015-06-11. Miġbur 2023-08-18.