Aqbeż għall-kontentut

Campora San Giovanni

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Campora San Giovanni fl-2009

Campora San Giovanni hi frazzjoni tal-komun ta' Amantea, fil-provinċja ta' Cosenza, l-Italja, li tinsab qrib il-konfini mal-provinċja ta' Catanzaro.

L-ekonomija hi bbażata fuq l-agrikultura u t-turiżmu. Mis-snin ħamsin kien hemm żvilupp fil-kultivazzjoni tal-basla ħamra ta' Tropea, li illum hi apprezzata kemm fis-swieq domestiċi u anki f'dawk barranin. F'dawn l-aħħar għoxrin sena l-esportazzjoni ta' dan il-prodott, flimkien ma' attivitajiet kummerċjali oħra, iffavorixxa l-ekonomija lokali. Dawn l-attivitajiet huma mgħejuna permezz tal-pożizzjoni ġeografika tal-villaġġ, li hi servuta minn ferrovija, mit-triq SS 18, u mill-Ajruport Internazzjonali ta' Lamezia Terme.

Campora tinsab fuq il-kosta tal-Baħar Tirren, u mis-snin ħamsin din kibret fuq pjanura żgħira li tiddomina erja ċatta qrib il-bajjiet. Il-villaġġ hu mdawwar minn għolja sabiħa li fiha jiġi prodott inbid u żejt ta' kwalità. Barra minn hekk, din l-għolja li tagħti triq lejn dan il-villaġġ, toffri veduta sabiħa tal-golf ta' Lamezia Terme fuq ix-xellug, waqt li fuq il-linja tal-orizzont jidher il-vulkan Stromboli, li d-duħħan tiegħu jidher fi ġranet ċari. Mill-port ta' Campora wieħed jista' jmur u jagħti daqqa t'għajn lill-gżejjer Eolji. Dan kollu jagħmel lil Campora, destinazzjoni turistika li għandha l-kapaċità li tissodisfa l-esiġenzi ta' kwalunkwe vjaġġatur.

Torri kbir li jmur lura għas-seklu 14 hu l-unika kostruzzjoni ta' valur storiku. Il-parti ta' fuq tat-torri hi dekorata bil-kileb. Fid-djalett lokali dan it-torri hu msejjaħ U Turriune. Riċentament, kien hemm iż-żieda tal-port (2002) u tal-pjazza San Franġisk ta' Paola (2003), li hi dedikata għall-qaddis patrun tal-istess villaġġ li l-festa tiegħu tiġi ċelebrata bejn l-1 u t-3 ta' Settembru. Matul iċ-ċelebrazzjonijiet, li jattiraw diversi pellegrini minn rħula fil-qrib, issir purċissjoni fejn l-istatwa tal-qaddis tinġarr fuq l-ispallejn matul it-toroq (xi drabi akkumpanjata b'karru dekorat bil-fjuri u ex-voto).

Suddiviżjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

It-territorju ta' Campora San Giovanni hu maqsum fis-suddiviżjonijiet segwenti:

  • Augurato
  • Carratelli
  • Cologni
  • Cozza
  • Cuccuvaglia
  • Fravitte
  • Gallo (il-parti fin-Nofsinhar)
  • Imbelli
  • Marano
  • Marinella
  • Mirabelli
  • Oliva
  • Piana Cavallo
  • Piana Mauri
  • Principessa
  • Ribes
  • Rubano
  • Villanova
Rev. Apollinaris Mashughuli matul iċ-ċelebrazzjoni tal-qaddis patrun fit-3 ta' Settembru 2007, f'għeluq il-500 sena mill-mewt ta' San Franġisk ta' Paola
  • Il-knisja prinċipali hi ddedikata lil San Pietru u nbniet fl-1956.
  • Il-kappilan hu Rev. Apollinaris Paul Mashughuli Massawe (li twieled fl-1969 fit-Tanżanija), u ilu jaqdi dan is-servizz mid-9 ta' Jannar 2005.
  • L-aktar lingwi mitkellma barra dik Taljana huma l-Bulgaru, ir-Russu, is-Serb u r-Rumen; hemm ukoll xi komunitajiet żgħar li jitkellmu ċ-Ċiniż, it-Tork u l-Għarbi.
  • Id-djalett lokali hu tiżwiqa ta' djaletti Kalabriżi differenti, bi kliem barrani introdott mill-emigranti.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]