Bolla fiskali

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Bolla fiskali ta' Malta tal-1908

Bolla fiskali hija tip ta' bolla li tintuża biex tħallas xi taxxa jew miżata. Dawn jistgħu jintużaw għal bosta affarjiet, per eżempju għat-taxxa tal-bolla (stamp duty), liċenzji tas-sewqan, miżati tal-passaporti u kontribuzzjonijiet obbligatorji. Fl-antik, il-bolol fiskali kienu jintużaw f'ħafna pajjiżi, iżda llum l-użu tagħhom m'għadux daqshekk komuni u ħafna pajjiżi m'għadhomx jużawhom għal kollox. Uħud mill-pajjiżi li għadhom jużaw bolol fiskali huma l-Bangladexx, l-Indja, il-Libja, il-Pakistan u l-Isati Uniti.

Madankollu, fadal diversi pajjiżi li għadhom jużaw bolol tas-sisa li jitwaħħlu fuq il-pakketti tas-sigaretti jew fliexken tal-alkoħol, u dawn jistgħu jitqiesu bħala bolol fiskali wkoll.

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Bolol fiskali huma bolol użati biex jiġbru t-taxxi u l-miżati. Dawn jistgħu joħorġu minn gvernijiet nazzjonali jew lokali, jew minn diversi tipi ta' awtoritajiet. Bolol fiskali jistgħu jieħdu ħafna forom u jistgħu jkunu kemm dawk li twaħħalhom, bħal ħafna mill-bolol postali, kif ukoll stampati lesti fuq id-dokument.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

It-taxxa tal-bolla ġiet introdotta fl-Olanda fis-seklu sbatax, fejn kull dokument kellu jkollu bolla fiskali stampata diretta fuqu sabiex ikun validu skont il-liġi. Fl-1694, din it-taxxa ġiet introdotta fir-Renju Unit. Għall ħafna snin is-sistema kienet bħal dik tal-Olanda, fejn dokumenti kien ikollhom bolla imbuzzata. Fl-1701, dokumenti magħmulin mill-vellum (ġilda tal-annimali) bdew jhemżulhom karta żgħira bi strippa tal-landa u l-imbuzzar kien isir fuq din il-karta. Illum dawn huma magħrufin bħala bolol semiadeżivi.

Fil-ħamsinijiet tas-seklu dsatax, dokumenti bdew jiġu imbuzzati b'bolla kkulurita, ġeneralment waħda ħamra. Ftit wara dawn il-bolol bdew jiġu mbuzzati fuq folja kbira, u kienu jaqtgħu kull waħda individwali u jwaħħluha fuq id-dokument. Ftit wara din il-ħaġa saret popolari u f'qasir żmien il-bolol fiskali nfirxu mir-Renju Unit għal mal-kumplament tad-dinja.[1]

Fis-seklu dsatax u s-seklu għoxrin, il-bolol fiskali saru popolari u kienu jintużaw f'kważi kull pajjiż tad-dinja. L-użu tagħhom kiber mit-taxxa tal-bolla għal kull tip ta' taxxa u miżata, minn miżati fuq passaporti u l-ivjaġġar bl-ajru sa taxxi fuq is-sigaretti u liċenzji tal-kaċċa. Madankollu l-użu tagħhom beda jonqos wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Mis-sebgħinijiet sad-disgħinijiet ħafna pajjiżi waqfu jużawhom, fosthom Malta fis-snin tmenin u r-Renju Unit fl-1997.

Madankollu, għad fadal ħafna pajjiżi, fosthom Malta, li għadhom jużaw bolol tas-sisa fuq is-sigaretti jew l-alkoħol.

Tipi differenti ta' bolol fiskali[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Barefoot, John. United Kingdom Revenues. Il-5 edizzjoni, 2010, pp. 3-5. ISBN 0906845696