Attakki ta' Novembru 2015 f'Pariġi
Fit-13 ta' Novembru 2015 filgħaxija, numru ta' attakki terroristiċi koordinati seħħew f'Pariġi, Franza u fis-subborg Saint-Denis fit-Tramuntana ta' Pariġi. L-attakki kkonsistew fi sparar tal-massa, bombi suwiċidjali, bombi u nies meħudin bħala ostaġġi. Bdew fid-21:16 CET, fejn seħħew tliet splużjonijiet u sitt sparaturi tal-massa, b'bombi wkoll ħdejn l-iStade de France f'Saint-Denis. L-agħar attakk kien fit-teatru Bataclan fejn l-attakkanti ħadu ostaġġi u b'konfronti mal-pulizija, sakemm spiċċa kollox fis-00:58 14 ta' Novembru CET.
Tal-inqas 129 persuna inqatlu, 89 minnhom fit-teatru Bataclan. Iktar minn 350 persuna ġew feruti mill-attakki, inklużi 99 persuna irrappurtati f'qagħda serja. Apparti l-vittmi pajżani, tmien attakkanti inqatlu wkoll u awtoritajiet komplew ifittxu għal kull kompliċi. F'dikjarazzjoni televiżiva f'23:58 CET, il-President Franċiż François Hollande ħabbar stat nazzjonali t'emerġenza, l-ewwel stat t'emerġenza nazzjonali mill-2005, u minħabba f'hekk poġġa kontrolli temporanji madwar il-fruntiera tal-pajjiż. In-nies ġew ordnati biex ma joqogħdux barra fit-toroq ta' Pariġi, l-ewwel darba sa mill-1944.
Fl-14 ta' Novembru, l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u l-Lvant (ISIS) ikklejmja r-responsabbiltà tal-attakki. Skont il-gazzetta The Wall Street Journal, l-attakki kienu motivati mill-Istat Iżlamiku bħala "ritaljazzjoni" tal-irwol tal-Franċiżi fil-Gwerra Ċivili tas-Sirja u fil-Gwerra Ċivili tal-Iraq. Hollande qal ukoll li l-attakki kienu organizzati minn barra l-pajjiż "mill-Istat Iżlamiku b'għajnuna interna" u ddeskriviehom bħala "atti ta' gwerra".
Dawn l-attakki kienu l-agħar li seħħew fi Franza mit-Tieni Gwerra Dinjija u l-iktar li mietu fl-Unjoni Ewropea mill-bombi tal-ferrovija f'Madrid fl-2004. L-attakki ġew jum biss wara attakki oħrajn mill-Istat Iżlamiku fil-Libanu fit-12 ta' Novembru 2015, fejn inqatlu 43 persuna; ġurnata wara l-qtil tal-membru tal-ISIS Jihadi John u 14-il jum wara li ġġarraf l-ajruplan Metrojet Flight 9268, fejn mietu 217-il passiġġier u 7 membri tal-kru, li l-fergħa Sinaj tal-Istat Iżlamiku qiegħda tikklejmja responsabbiltà. Qabel dan l-attakk ta' Pariġi, Franza kienet diġà kien fuq allarm għoli mill-attakki ta' Jannar 2015 fl-istess belt ta' Pariġi fejn inqatlu 17-il persuna, inklużi pajżani u uffiċjali tal-pulizija.
Dan l-avveniment ġie msemmi mit-Telegraph bħala l-attakki f'Pariġi tal-"Friday the 13th", minħabba li ġara fil-jum tradizzjonali ta' sfortuna tal-Ġimgħa t-13.