Aleks Farrugia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aleks Farrugia
Ħajja
Twelid 1978 (45/46 sena)
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kittieb
editur tal-gazzetta
attivist politiku

Aleks Farrugia (1978-), huwa kittieb.

Il-wild il-kbir ta' Vincent, eks-ħaddiem it-tarzna, u Mary, neè Muscat, Aleks Farrugia ħa l-edukazzjoni tiegħu fis-Seminarju Minuri, ir-Rabat, is-Sixth Form tal-Imsida u mbagħad studja l-filosofija fl-Università ta' Malta, fejn huwa speċjalizza fil-filosofija politika u tal-komunikazzjoni. Wara kompla jistudja l-ġurnaliżmu fl-Ingilterra. Serva bħala editur tal-gazzetta it-Torċa u kien ukoll attivista poltiku.

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel involviment politiku ta' Aleks Farrugia kien fil-Moviment Graffitti, fejn wara ftit taż-żmien inħatar bħala membru tal-eżekuttiv tal-għaqda u anke sar deputat segretarju.

Fiż-żmien tal-Università huwa kellu sehem fil-politika studenteska, billi waqqaf l-għaqda "Panoptikon", li damet topera għal xi xhur u anke organizzat seminar nazzjonali bit-tema "Fejn sejjer ix-Xellug f'Malta?". Wara li din l-għaqda ma baqgħetx tiffunzjona huwa serva fl-eżekuttiv tal-għaqda "Pulse", fil-karigi ta' Segretarju Ġenerali u Viċi President. F'dan iż-żmien huwa kien l-awtur ewlieni ta' dokument dwar l-edukazzjoni universitarja, li partijiet minnu kienu adottati mill-Partit Laburista fil-manifest elettorali tal-2003.

Fl-aħħar sena tal-Università huwa kien elett ukoll fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista għal tliet snin konsekuttivi, sakemm fl-2003 kien elett bħala Segretarju Edukattiv, fl-amministrazzjoni tal-Partit. Huwa dam f'din il-kariga għal erba' snin, u fost oħrajn waqqaf l-iskola politika "Politicos". Huwa serva wkoll bħala Kunsillier Lokali, għal-lokalità tan-Naxxar.

Bħalissa huwa membru fil-kumitat "Ħsieb u Azzjoni" maħtur mill-mexxej laburista, Joseph Muscat.

Ġurnaliżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja li meta kien l-Università kien diġà kien beda jinvolvi ruħu fi programmi tar-radju, kemm fuq ir-radju tal-Università, fejn anke pproduċa u ppreżenta sensiela ta' programmi dwar il-filosofija, u fuq Radju Malta, fejn ipproduċa u ppreżenta programmi dwar letteratura, il-karriera ġurnalistika ġiet b'kumbinazzjoni meta One TV kien ħareġ sejħa għal ġurnalisti fl-1999.

Aleks dam 5 snin ma' One News, fejn minbarra li kien jaħdem mal-kamra tal-aħbarijiet, ipproduċa flimkien ma' Toni Abela u Wenzu Mintoff, il-programm "Robin Hood", kif ukoll ipproduċa u ppreżenta il-programmi "D-Bate" u "One Two One", fuq it-televiżjoni u "Spirtu Pront", fuq ir-Radju.

Għal xi żmien ħadem ukoll fuq il-ġurnal elettroniku "maltastar.com", flimkien ma' Joseph Muscat.

Fl-2004, Aleks mar jaħdem mal-Union Press, fid-dipartiment tat-TORĊA, fejn qabel ma nħatar editur f'Lulju 2007, serva wkoll bħala deputat editur tal-istess gazzetta.

Bħalissa jippreżenta wkoll programm bl-isem "Linja Diretta", fuq One Radio, fin-12.30 kull nhar ta' Erbgħa.

Kitba[immodifika | immodifika s-sors]

Aleks Farrugia ilu midħla tal-qasam tal-letteratura sa minn meta kien għadu żgħir, fejn kien anke rebaħ għadd ta' kompetizzjonijiet tal-poeżija. Kien membru kemm tal-Għaqda Poeti Maltin u anke tal-Għaqda Letterarja Maltija.

Fl-1997, huwa ppubblika l-ewwel ktieb tiegħu, "Iħirsa fil-Mera", dramm li bih Aleks kien isemma' b'mertu fl-edizzjoni tas-sena ta' qabel tal-Premju Francis Ebejer għall-kitba tat-teatru. Għadd ta' kitbiet oħra dehru f'pubblikazzjonijiet Maltin u anke fl-Italja. Studju dwar it-teatru ta' Vaclav Havel, li kien ippreżentat f'konferenza fir-Repubblika Ċeka fl-1999, kien ippubblikat fir-Repubblika Ċeka u distribwit fi Franza, Spanja u l-Polonja.

Ħajja Personali[immodifika | immodifika s-sors]

Aleks Farrugia huwa miżżewweġ lil Doreen u joqogħdu n-Naxxar. Huma għandhom bint, Abigail, li twieldet fit-2 ta' Mejju 2008.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]