Alberobello

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Ringiela ta' trulli f'Alberobello

Alberobello ([ˌalberoˈbɛllo]; litteralment "siġra sabiħa"; bid-djalett ta' Bari: Ajarubbédde) huwa raħal żgħir u komun tal-Belt Metropolitana ta' Bari, fir-reġjun ta' Puglia, fin-Nofsinhar tal-Italja. Għandu 10,735 abitant[1] u huwa magħruf għall-binjiet uniċi tiegħu msejħa trulli. It-Trulli ta' Alberobello tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel okkupazzjoni taż-żona bdiet fil-bidu tas-seklu 16 biss abbażi ta' impuls mill-Konti ta' Conversano Andrea Matteo III Acquaviva ta' Aragona. Huwa ta l-permess lil erbgħin familja ta' raħħala minn Noci biex jinsedjaw l-art u jaħdmu r-raba', bl-obbligu li jagħtuh għaxra fil-mija tal-għelejjel.

It-Trullo Siamiż

Fl-1635, is-suċċessur tiegħu l-Konti Giangirolamo II (1600-1665) bena berġa b'taverna u oratorju u beda l-urbanizzazzjoni tal-foresta bil-kostruzzjoni ta' ftit djar żgħar. L-espansjoni taż-żona urbana ngħatat palata bl-abbundanza ta' ġebla tal-ġir, karstika u sedimentarja kalkarja, u bil-permess tal-konti setgħu jinbnew it-trulli, jiġifieri djar b'ħitan qishom tas-sejjieħ mingħajr tkaħħil b'għamla partikolari. Dan l-obbligu li d-djar jinbnew mingħajr tkaħħil kien mezz li bih il-konti kien jevita li jħallas taxxi lill-viċirè Spanjol tar-Renju ta' Napli. Iċ-ċentru ta' Alberobello nbena fuq it-toroq tax-xmara antika Cana, li issa huwa magħruf bħala Largo Giuseppe Martelotta.

Alberobello baqa' raħal fewdali tal-familja Acquaviva ta' Aragona sas-27 ta' Mejju 1797, meta r-Re Ferdinandu IV ta' Bourbon eleva r-raħal żgħir għal belt irjali, u ħelsu mill-obbligi fewdali fil-konfront tal-Kontijiet. Fit-22 ta' Ġunju 1797, ġie elett l-ewwel sindku Francesco Giuseppe Lippolis.

Alberobello huwa l-uniku ċentru abitat b'distrett sħiħ kollu trulli. Għaldaqstant jitqies bħala l-kapitali kulturali tat-trulli tal-Wied ta' Itria.

Monumenti u attrazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Arkitettura reliġjuża[immodifika | immodifika s-sors]

Bażilika - Santwarju - Parroċċa tal-Qaddisin Martri u Tobba Cosma u Damiano
Il-Knisja ta' Sant'Antnin ta' Padova, Alberobello

Il-Knisja Ewlenija ta' Alberobello hija kkonsagrata lill-Immakulata Kunċizzjoni u lill-Qaddisin Cosma u Damiano, il-patruni tal-komun, b'digriet Papali tat-Tnejn, it-22 ta' Mejju 1854.

Il-qima tagħhom ġiet introdotta fl-1636 mill-Konti Giangirolamo II, li kien devot tagħhom peress li martu Isabella da Rocca Padula kienet irċeviet grazzja matul it-tqala tal-ewwel wild tagħhom, Cosimo Duca di Noci; fil-fatt kien l-unika wieħed fil-familja d'Acquaviva li ngħata dak l-isem. Qabel ma ġiet stabbilita l-parroċċa, il-kappella, li tmur lura għall-1609 kienet tiddependi fuq il-parroċċa ta' Noci sas-16 ta' Marzu 1814. L-isqof ta' Conversano, il-Monsinjur Gregorio Falconieri rrikonoxxiha bħala santwarju fit-12 ta' Settembru 1938, u fit-18 ta' Frar 2000 il-Papa Ġwanni Pawlu II elevaha għal bażilika minuri.

Il-binja attwali għandha stil Neoklassiku bi pjanta f'għamla ta' salib Latin, u tmur lura għal tmiem is-seklu 19. Tissostitwixxi kappella żgħira tal-1609 u hija kkonsagrata lill-Madonna tal-Grazzji b'osswarju taħtha. IOd-daqs tagħha ġie rduppjat fl-1725, u fl-1784 żdiedet is-sagristija. Fl-1852 ġie ffurmati ż-żewġ transetti u fl-1875 twettaq il-kampnar antik. Il-proġett ta' kostruzzjoni, bl-appoġġ tal-amministrazzjoni komunali taħt Nicola Agrusti, ġie ddisinjat mill-arkitett ta' Alberobello Antonio Curri, bil-barka tal-kappillan Domenico Morea. Il-kapparra kienet ta' 16.000 lira Taljana, u t-twettiq tal-proġett sewa 32.700 lira Taljana. It-tqegħid tal-ewwel ġebla seħħ il-Ħadd 12 ta' Novembru 1882 u x-xogħlijiet damu kważi tliet snin. Il-knisja l-ġdida nfetħet għall-quddies fl-20 ta' Settembru 1885 fl-okkażjoni tal-festa tal-Addolarata.

Il-knisja fiha r-relikwi tal-Qaddisin Titolari, u l-festa tagħhom tiġi ċċelebrata fis-27 u t-28 ta' Settembru.

Parroċċa ta' Sant'Antnin ta' Padova
Is-soqfa tat-trulli u l-pinnakli tradizzjonali tagħhom

Il-knisja nbniet bejn l-1926 u l-10 ta' Mejju 1927 fuq biċċa art fil-quċċata tal-kwartier Monti, u fil-5 ta' Jannar 1945 saret it-tieni parroċċa ta' Alberobello.

Il-binja, li għandha pjanta b'għamla ta' salib Grieg, għandha l-karatteristiċi tat-trulli ta' Alberobello. Il-koppla hija għolja 21 metru filwaqt li t-torri tal-kampnar huwa għoli 18,3-il metru u fih sitt qniepen. Fuq ġewwa l-knisja hija mżejna b'opri ta' Adolfo Rollo.

Trulli[immodifika | immodifika s-sors]

L-istorja tat-trulli hija marbuta mal-Prammatica De Baronibus, editt tas-seklu 15 tar-Renju ta' Napli li kien jissoġġetta lil kull insedjament ġdid għal tribut. Fl-1481, il-Kontijiet ta' Conversano D'Acquaviva ta' Aragona, is-sidien tat-territorju ta' Alberobello, imponew lir-residenti l-bini ta' djar mingħajr tkaħħil, biex b'hekk jitqiesu bħala binjiet prekarji u jkunu jistgħu jitwaqqgħu faċilment.

Peress li setgħu jużaw ġebel biss għall-kostruzzjoni, ir-raħħala kkunsidraw li l-eħfef konfigurazzjoni sempliċi kienet dik ta' għamla tonda b'saqaf koniku li jirfed lilu nnifsu. Is-soqfa ġew imżejna b'pinnakli dekorattivi li jirrappreżentaw il-firma tal-arkitett tat-trulli (bit-Taljan: trullaro).

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika ta' Alberobello

It-Trulli ta' Alberobello ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

Relazzjonijiet internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Alberobello huwa ġemellat ma':

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Statistiche demografiche ISTAT". demo.istat.it. Miġbur 2021-10-25.
  2. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "The Trulli of Alberobello". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-25.