Akkwedott ta' Pontcysyllte

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Dgħajsa dejqa fuq l-Akkwedott ta' Pontcysyllte

L-Akkwedott ta' Pontcysyllte (pronunzja bil-Welsh: [ˌpɔntkəˈsəɬtɛ]; bil-Welsh: Traphont Ddŵr Pontcysyllte) huwa akkwedott navigabbli li minn fuqu jgħaddi l-Kanal ta' Llangollen tul ix-xmara Dee fil-Wied ta' Llangollen fil-Grigal ta' Wales.

L-istruttura tal-ġebel u tal-ħadid fondut bi 18-il arkata tintuża minn dgħajjes dojoq u tlestiet fl-1805 wara għaxar snin ta' disinn u ta' kostruzzjoni. L-akkwedott huwa wiesgħa 3.7 metri u huwa l-itwal akkwedott fir-Renju Unit u l-ogħla akkwedott b'kanal fid-dinja. Fuq naħa waħda tal-kanal fuq l-akkwedott hemm passaġġ għall-persuni bil-mixi.[1][2]

L-akkwedott kellu jkun parti ewlenija tas-sezzjoni ċentrali tal-Kanal ta' Ellesmere li ġie propost, passaġġ fuq l-ilma industrijali li kien joħloq kollegament kummerċjali bejn ix-xmara Severn f'Shrewsbury u l-Port ta' Liverpool fuq ix-xmara Mersey. Għalkemm sar stħarriġ għal kostruzzjoni orħos iktar lejn il-Lvant, ir-rotta fil-għoli fuq l-art lejn il-Punent minn naħa għall-oħra tal-Wied ta' Llangollen ġiet ippreferuta peress li l-kanal kien jgħaddi qalb it-territorji tal-faħam u tal-minerali tal-Grigal ta' Wales. Partijiet biss mir-rotta tal-kanal tlestew minħabba li d-dħul mistenni li kien meħtieġ biex jitlesta l-proġett kollu qatt ma ġie ġġenerat. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol waqaf wara t-tlestija tal-Akkwedott ta' Pontcysyllte fl-1805.

L-istruttura hija binja elenkata bħala tal-Ewwel Grad[3] u hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

L-isem Pontcysyllte huwa l-ekwivalenti Welsh għal "Pont ta' Cysyllte". Cysyllte huwa t-territorju tar-raħal tal-parroċċa antika ta' Llangollen fejn kien jinsab it-tarf tan-Nofsinhar tal-pont. It-tarf tat-Tramuntana tal-pont kien jinsab fit-territorju tar-raħal ta' Trefor Isaf tal-parroċċa antika ta' Llangollen.

Traduzzjonijiet oħra bħall-"Pont f'Salib it-Toroq" jew il-"Pont ta' Kollegament" huma etimoloġija falza moderna, li rriżultaw mix-xebħ apparenti tal-isem mal-kelma cysylltau (il-plural ta' cyswllt) li tfisser kollegamenti jew konnessjonijiet.[5]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-Akkwedott ta' Pontcysyllte minn isfel

L-akkwedott ġie ddisinjat mill-inġiniera ċivili Thomas Telford u William Jessop għal post qrib salib it-toroq tas-seklu 18 magħruf bħala Pont Cysyllte. Wara li r-rotta għolja fuq l-art fil-Punent ġiet approvata, il-pjan oriġinali kien li jinħolqu serje ta' mgħalaq fuq iż-żewġ naħat tal-wied sa diga bil-Kanal ta' Ellesmere sax-xmara Dee. Wara li Telford ġie mqabbad għat-twettiq tax-xogħlijiet, il-pjan inbidel għal akkwedott li kellu joħloq passaġġ fuq l-ilma mingħajr interruzzjonijiet minn naħa għall-oħra tal-wied. Minkejja x-xettiċiżmu pubbliku konsiderevoli, Telford kien kunfidenti li l-metodu ta' kostruzzjoni tiegħu kien se jaħdem għaliex preċedentement kien diġà bena akkwedott ieħor b'qafas tal-ħadid fondut – l-Akkwedott ta' Longdon-on-Tern fuq il-Kanal ta' Shrewsbury.[6]

Plakka tal-akkwedott

L-akkwedott kien wieħed mill-ewwel kisbiet kbar tal-inġinerija ċivili li wettaq Telford, li kien qed isir wieħed mill-inġiniera ċivili industrijali minn ta' quddiem fir-Renju Unit; għalkemm ix-xogħol tiegħu kien sorveljat minn Jessop, inġinier tal-kanali li kellu iktar esperjenza minnu. Il-materjal tal-ħadid ġie pprovdut minn William Hazledine mill-fonderiji tiegħu f'Shrewsbury u f'Cefn Mawr fil-qrib. Ix-xogħol, li ħa madwar għaxar snin mid-disinn sal-kostruzzjoni, sewa madwar £47,000. Aġġustat għall-inflazzjoni dan l-ammont huwa ekwivalenti għal mhux iktar minn £3,840,000 fl-2019, iżda kien jirrappreżenta investiment kbir meta mqabbel mal-Prodott Domestiku Gross kontemporanju ta' xi £400 miljun.[7]


L-Akkwedott ta' Pontcysyllte nfetaħ uffiċjalment għat-traffiku fis-26 ta' Novembru 1805. Plakka li tfakkar l-inawgurazzjoni tiegħu tgħid:

In-nobbiltà u l-aristokrazija tal-art, flimkien mal-Kontej tal-inħawi, ingħaqdu fl-isforzi tagħhom għall-interessi kummerċjali kbar ta' dan il-pajjiż. Għall-ħolqien ta' passaġġ u kollegament bejn l-Ingilterra u t-Trammuntana ta' Wales li huwa navigabbli fuq tliet xmajjar, Severne, Dee u Mersey, għall-benefiċċju reċiproku tal-agrikoltura u l-kummerċ, fil-25 ta' Lulju MDCCXCV [1795] tqiegħdet l-ewwel ġebla ta' dan l-akkwedott ta' Pontcysyllty [spellut ħażin]. Dan meta Richard Myddelton ta' Chirk, Esq, M.P., wieħed mill-patruni oriġinali tal-Kanal ta' Ellesmere kien Lord, u matul ir-renju tas-Sovran Ġorġ it-Tielet. U meta l-ekwità tal-liġijiet, u s-sigurtà tal-proprjetà, ippromwovew il-benesseri ġenerali tan-nazzjon. Filwaqt li l-arti u x-xjenzi ffjorixxew permezz tal-patroċinju tiegħu u l-ħajja ċivili ġiet imtejba bis-saħħa tal-eżempju tiegħu.

Il-pont huwa twil 307 metri, huwa wiesa’ 3.7 metri u huwa fond 1.60 metru.[8] Jikkonsisti minn qafas tal-ħadid fondut mirfud 38 metru 'l fuq mix-xmara fuq arkati tal-ħadid mirfuda fuq 18-il pilastru tal-ġebel. Kull waħda mit-18-il arkata hija wiesgħa 16-il metru. Bit-tlestija tal-akkwedott, il-fażi li jmiss tal-kanal kellha tkun il-kontinwazzjoni tal-linja sal-Wied ta' Moss f'Wrexham fejn Telford kien bena lag-ġibjun fl-1796. Dan kellu jipprovdi l-ilma għat-tul tal-kanal bejn il-Baċir ta' Trevor u Chester. Il-pjan li tinbena din is-sezzjoni ġie kkanċellat fl-1798, u l-ġibjun iżolat u mogħdija navigabbli bejn Ffrwd u baċir f'Summerhill ġew abbandunati. Fdalijiet tal-kanal ta' alimentazzjoni mill-ġibjun huma viżibbli f'Gwersyllt. Triq fil-villaġġ għadha msemmija Triq il-Kanal (bil-Welsh: Heol Camlas).[9] Il-kostruzzjoni fiżika saret minn John Simpson (miet fl-1815) minn Shrewsbury.[10]

L-Akkwedott ta' Longdon-on-Tern fuq il-Kanal ta' Shrewsbury

Peress li l-proġett ma ġiex komplut, il-Baċir ta' Trevor ftit lil hinn mill-Akkwedott ta' Pontcysyllte sar it-terminus tat-Tramuntana tal-kanal. Fl-1808 tlesta kanal ta' alimentazzjoni biex jitwassal l-ilma mix-xmara Dee ħdejn Llangollen. Sabiex tinżamm provvista kontinwa, Telford bena qisha kaskata artifiċjali magħrufa bħala l-Kaskata tan-Nagħla (bl-Ingliż: Horseshoe Falls) ħdejn Llantysilio biex jinżamm l-għoli tal-ilma meħtieġ.

Sussegwentement, fis-snin 20 tas-seklu 19 inbena l-Kanal ta' Plas Kynaston biex jaqdi lill-industrija fiż-żoni ta' Cefn Mawr u Rhosymedre. Jaf kien hemm estensjoni oħra tal-kanal (dik ta' "Ward") iżda ma fadalx rekords dettaljati. It-traffiku tal-merkanzija kien jitwassal sal-kanal permezz tat-Tramm ta' Ruabon Brook li kien jitla' lejn Acrefair u Plas Bennion. Din il-linja ferrovjarja eventwalment ġiet immodernizzata għat-tħaddim bl-istim u ġiet estiża sa Rhosllannerchrugog u Wrexham.[11]

Fl-1844, l-Ellesmere and Chester Canal Company, li kellha s-sjieda tal-kanali wesgħin mill-Port ta' Ellesmere sa Chester u minn Chester sa Nantwich, b'fergħa lejn Middlewich, bdew id-diskussjonijiet mal-Kanal dejjaq f'Salib it-Toroq ta' Birmingham u Liverpool, li kien jgħaddi minn Nantwich sa Autherley, fejn kien jingħaqad mal-Kanal ta' Staffordshire u ta' Worcestershire. Iż-żewġ kumpaniji kienu dejjem jaħdmu flimkien sabiex iżommu l-profitti tagħhom kontra l-kompetizzjoni mil-linji ferrovjarji, u l-amalgamazzjoni kienet tidher bħala l-pass loġiku. Sa Awwissu ntlaħaq qbil bejn iż-żewġ kumpaniji, li mbagħad talbu Att Privat tal-Parlament biex jawtorizza l-qbil. Dan inkiseb fit-8 ta' Mejju 1845, meta ġiet iffurmata l-Ellesmere and Chester Canal Company.[12]

Fl-1846, il-kanal u l-akkwedott saru parti mill-Shropshire Union Railways and Canal Company. Iżda l-intenzjoni tal-fużjoni kienet li jinbnew linji ferrovjarji rħas, billi jintużaw ir-rotot eżistenti tal-kanali li kellhom is-sjieda tagħhom. Sal-1849, il-pjan li l-kanali jiġu kkonvertiti f'linji ferrovjarji ma tkompliex. Peress li l-akkwedott kien fil-biċċa l-kbira tiegħu f'żona moqdija mil-linji ferrovjarji bis-sjieda tal-Great Western Railway, l-LNWR ma kellhiex problemi li l-kanal jibqa' miftuħ sakemm jibqa' jagħmel profitt. Mal-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914, il-Unjin ta' Shropshire – li kien parti minnha l-Akkwedott ta' Pontcysyllte – ħadmet għall-isforz tal-gwerra bil-flotta tagħha ta' iktar minn 450 dgħajsa dejqa.[13]

It-traffiku kummerċjali fuq il-kanal naqas ferm wara ħsara fil-passaġġ fuq l-ilma ħdejn Newtown, Powys (issa parti mill-Kanal ta' Montgomery) fl-1936. Sal-1939 iċ-ċaqliq tad-dgħajjes fuq l-akkwedott sa Llangollen kien waqaf. Il-kanal kien ingħalaq formalment għan-navigazzjoni skont l-Att tal-London Midland and Scottish Railway Company tal-1944. Fis-6 ta' Settembru 1945, minħabba nuqqas ta' manutenzjoni adegwata, il-kanal ġarrab ħsara u beda jnixxi fil-Lvant ta' Llangollen qrib Sun Bank Halt. Il-fluss ta' mijiet ta' tunnellati ta' ilma kisser id-diga tal-linja ferrovjarja iktar 'l isfel, u ħoloq krater ta' 37 metru fond 15-il metru.[14] Dan wassal biex l-ewwel traffiku tal-ġurnata, ferrovija tal-posta u tal-merkanzija b'16-il vagun u żewġ vannijiet, jitkissru fil-krater, u minħabba f'hekk miet membru u ndarbu żewġ membri tal-ekwipaġġ tal-magni.[15]

L-akkwedott ġie salvat (minkejja l-għeluq uffiċjali għat-traffiku tal-passaġġ fuq l-ilma) minħabba li kien għadu meħtieġ biex jalimenta l-ilma għall-bqija tal-kanal tal-Unjin ta' Shropshire. L-akkwedott kien iwassal ukoll l-ilma għax-xorb lejn ġibjun f'Hurleston. Fl-1955, il-Mid & South East Cheshire Water Board qabel li jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-kanal biex il-futur tiegħu jibqa' żgurat.[16]

Fit-tieni nofs tas-seklu 20, it-traffiku tad-dgħajjes rikreattivi beda jiżdied. F'eżerċizzju ta' rebranding min-naħa ta' British Waterways fis-snin 80 tas-seklu 20, l-eks passaġġ fuq l-ilma industrijali ngħata l-isem ġdid ta' Kanal ta' Llangollen. Minn dak iż-żmien, l-akkwedott sar wieħed mill-iktar kanali popolari għat-turisti interni u internazzjonali fir-Renju Unit minħabba l-arkitettura u x-xenarji tiegħu. L-Akkwedott ta' Pontcysyllte issa huwa amministrat u ġestit mill-Canal & River Trust (magħruf bħala Glandŵr Cymru f'Wales). Fiż-żona ntlemħu wkoll il-lontri.[17]

Kostruzzjoni u manutenzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

L-Akkwedott ta' Pontcysyllte mill-ajru

Għat-tkaħħil intużaw il-ġebla tal-ġir, l-ilma u d-demm tal-gniedes.[18] Id-demm u l-estratti tad-demm bl-emoglobina ntużaw fl-industrija tal-kostruzzjoni u tal-bini minn żmien il-qedem bħala kollojdi li minnhom tgħaddi l-arja sabiex b'mod irħis jissaħħaħ it-tkaħħil espost għaċ-ċikli tat-temperaturi ta' ffriżar u ta' tidwib tas-silġ.

Il-ħadid fondut għall-qafas orizzontali ġie prodott fil-Fonderija ta' Plas Kynaston, f'Cefn Mawr, li nbniet mill-ħaddied ta' Shrewsbury William Hazledine bit-tama li jikseb il-kuntratt. Il-ħadid fondut għal mal-arkati jaf ġie prodott fil-fonderija oriġinali ta' Hazledine f'Coleham, qrib Shrewsbury.[19] Il-parti orizzontali tal-akkwedott ġiet magħmula minn pjanċi tal-ħadid fondut bil-flanġijiet, irbattuti flimkien bil-boltijiet. Il-ġonturi ġew miksija bil-flanella ta' Wales u b'taħlita ta' partikoli taċ-ċomb abjad u tal-ħadid mill-iskart tat-tħaffir.[20]

Wara 25 sena, iċ-ċomb abjad ġie sostitwit b'qatran ordinarju.[21][22] L-istess bħall-Akkwedott ta' Longdon-on-Tern ta' Telford, il-pjanċi mhumiex rettangolari iżda msawra b'tali mod li jidħlu f'xulxin, bħall-komponenti ta' ħnejja tal-ġebel. Ma hemm l-ebda importanza strutturali marbuta mal-għamla tagħhom: hija karatteristika dekorattiva biss, li timxi mal-linji tal-pjanċi tar-rinfurzar fl-istrutturi fonduti ta' taħthom.

Fl-inħawi ta' Cefn Mawr ġie skopert blat ramli b'kontenut għoli tal-kwarz fil-post fejn minn dak iż-żmien inbena l-grawnd il-ġdid tal-futbol taċ-Cefn Druids. Magħruf lokalment bħala l-"Blata", il-blat ramli kien jiġi estratt u jinħadem hemmhekk f'bosta għamliet differenti skont it-talba tal-arkitetti. Ħafna fdalijiet tax-xogħol fil-blat għadhom viżibbli tul Triq il-Blat (bl-Ingliż: Rock Road) li tikkollega Rhosymedre ma' Plas Madoc.

L-arkati tal-irfid, erba' għal kull medda, għandhom għamla ta' kustilji tal-ħadid fondut, u kull waħda hija fonduta bi tliet komponenti flimkien mal-arkati esterni li huma fonduti flimkien ma' qisha għanqbuta sħiħa biex ikollhom iktar saħħa, b'piż addizzjonali. L-użu tal-ħadid fondut b'dan il-mod, l-istess bħalma jsir fil-ħnejjiet tal-ġebel, jisfrutta s-saħħa tal-materjal fil-kompressjoni.[23] Tingħata l-impressjoni wkoll li hemm iktar solidità milli kieku l-għanqbuta ma kinitx sħiħa jew kieku kienet imtaqqba. Din l-impressjoni hija mtejba bl-arranġament ta' strippi ta' iktar ħadid inkorporati fil-ħadid fondut, irranġati qishom ġonturi bejn il-komponenti tal-arkati.

Il-pjanċi fonduti huma mimdudin b'mod trasversali biex jiffurmaw il-qiegħ tal-kanal. Il-parti orizzontali tal-akkwedott mhijiex issikkata mal-arkati, iżda biċċiet tal-ħadid huma fonduti fil-pjanċi biex joqogħdu fuq l-arkati b'għamla ta' kustilji sabiex ma jkunx hemm moviment. L-akkwedott tħalla għal sitt xhur bl-ilma ġo fih biex jiġi żgurat li huwa ssiġillat tajjeb.[24] Karatteristika tal-akkwedott-kanal, f'kuntrast ma' triq jew linja ferrovjarja, hi li l-istress tat-tagħbija vertikali huwa virtwalment kostanti. Skont il-prinċipju ta' Arkimede, il-massa (piż) ta' dgħajsa u l-merkanzija ġo fiha fuq il-pont timbotta massa ugwali ta' ilma 'l barra mill-pont.

Il-mogħdija tal-irmonk hija armata 'l fuq mill-ilma, bit-tarf ta' ġewwa mgħobbi fuq pilastri tal-ħadid fondut fil-parti orizzontali tal-akkwedott. Dan l-arranġament jippermetti li l-ilma li jiġi mċaqlaq mill-passaġġ ta' dgħajsa dejqa, ifur faċilment taħt il-mogħdija tal-irmonk u madwar id-dgħajsa, u b'hekk il-passaġġ isir b'mod relattivament ħieles. Il-persuni bil-mixi, u fl-imgħoddi ż-żwiemel li kienu jintużaw għall-irmonk, huma protetti milli jaqgħu mill-akkwedott b'qisu ċint tal-ħadid b'poġġaman fuq it-tarf ta' barra tal-mogħdija tal-irmonk, iżda t-toqob fil-flanġ ta' fuq tan-naħa l-oħra tal-parti orizzontali tal-akkwedott, fejn seta' wkoll jitwaħħal ċint tal-ħadid, qatt ma ntużaw. Il-ġnub tal-parti orizzontali jgħolew biss madwar 15-il ċentimetru 'l fuq mil-livell tal-ilma, inqas mill-fond tal-bord ta' dgħajsa dejqa vojta, għalhekk il-kaptan tad-dgħajsa ma jkollu l-ebda protezzjoni viżiva mill-impressjoni li qiegħed f'xifer abiss. Il-parti orizzontali tal-Akkwedott ta' Cosgrove għandu struttura simili, għalkemm isserraħ fuq riffieda minflok arkati tal-ħadid u hija ferm inqas għolja.

Kull ħames snin, it-truf tal-akkwedott jingħalqu u tapp f'wieħed mill-ogħla komponenti jinfetaħ biex jitbattal l-ilma tal-kanal fix-xmara Dee ta' taħtu, sabiex b'hekk il-parti orizzontali tal-akkwedott tkun tista' tiġi spezzjonata u tkun tista' ssir il-manutenzjoni meħtieġa.[25][26]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-Akkwedott ta' Pontcysyllte u l-kanal ta' Cefn Mawr

L-akkwedott u l-artijiet tal-madwar ġew ippreżentati bħala sit indikattiv biex jitqies għall-istatus ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[27] L-akkwedott ġie ssuġġerit fl-2005 — fil-200 anniversarju tiegħu[28] — u ġie mħabbar formalment fl-2006 li proposta akbar, li tkopri sezzjoni tal-kanal mill-akkwedott sal-Kaskati tan-Nagħla kienet se tiġi nnominata fl-2008 mir-Renju Unit.[29][30]

It-tul tal-kanal minn Rhoswiel, Shropshire, sal-Kaskati tan-Nagħla, inkluż l-istruttura prinċipali tal-Akkwedott ta' Pontcysyllte kif ukoll l-Akkwedott ta' Chirk iktar antik, żaruh il-valutaturi mill-UNESCO f'Ottubru 2008, sabiex janalizzaw u jikkonfermaw il-ġestjoni u l-awtentiċità tas-sit. L-akkwedott ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-27 ta' Ġunju 2009.[4][31]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

Iktar qari[immodifika | immodifika s-sors]

  • Memories of Pontcysyllte ta' Amy Douglas u Fiona Collins (2006)
  • Pontcysyllte Aqueduct and Canal Nomination as a World Heritage Site: Nomination Document (Wrexham County Borough Council and the Royal Commission on the Ancient and Historical Monuments of Wales, 2008)

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Aqueduct crowned world 'wonder'" (bl-Ingliż). 2009-06-27. Miġbur 2021-11-20.
  2. ^ "Pontcysyllte Aqueduct in World Heritage bid". www.telegraph.co.uk. Miġbur 2021-11-20.
  3. ^ "WCBC: Listed Buildings - Pontcysyllte Aqueduct, Trevor". web.archive.org. 2008-10-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-02-13. Miġbur 2021-11-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Pontcysyllte Aqueduct and Canal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-20.
  5. ^ "Geiriadur Prifysgol Cymru". geiriadur.ac.uk. Miġbur 2021-11-20.
  6. ^ "Engineering Timelines - Longdon-on-Tern Aqueduct". www.engineering-timelines.com. Miġbur 2021-11-20.
  7. ^ Retail Price Index (bl-Ingliż). 2021-11-17. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  8. ^ "Engineering Timelines - Pontcysyllte Aqueduct". www.engineering-timelines.com. Miġbur 2021-11-20.
  9. ^ "Coedpoeth History provided by Bravenet.com". web.archive.org. 2011-07-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-14. Miġbur 2021-11-20.
  10. ^ Dictionary of British Sculptors 1660-1851 ta' Rupert Gunnis
  11. ^ ""Plas Kynaston Canal by P Brown" (PDF). Plaskynastoncanalgroup.org" (PDF).
  12. ^ Hadfield 1985, pp. 188–189.
  13. ^ Nicholson Waterways Guide. 4. Harper Collins Publishing Ltd. 2006. ISBN 0-00-721112-0.
  14. ^ Hugh McKnight (1987). The Shell Book of Inland Waterways. David & Charles. p. 28. ISBN 0-7153-8239-X.
  15. ^ "History of the Llangollen Railway - Sun Bank Halt accident". web.archive.org. 2007-01-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-01-01. Miġbur 2021-11-20.
  16. ^ Haywood, Steve (2015). Narrowboat Nomads: Living the Dream on the English Waterways. Summersdale. ISBN 9781783726110.
  17. ^ Williams, Sally (2010-03-20). "Aqueduct attracts otters with a taste for the high life". WalesOnline (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-20.
  18. ^ "Aqueducts | Canal & River Trust". canalrivertrust.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-20.
  19. ^ Quenby, Ron (1992). Thomas Telford's Aqueducts. Shrewsbury: Swan Hill Press. p. 63. ISBN 1-85310-246-6.
  20. ^ "The Aqueducts, Royal Commission on the Ancient and Historical Monuments of Wales". web.archive.org. 2015-09-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-24. Miġbur 2021-11-20.
  21. ^ Burton, Anthony (2015). "The Shropshire Surveyor". Thomas Telford: Master Builder of Roads and Canals. ISBN 9781473864085.
  22. ^ "Pattison, Andrew (October 2011). William Hazledine, Shropshire ironmaster and millwright: a reconstruction of his life, and his contribution to the development of engineering, 1780–1840 (PDF) (Ph.D.). University of Birmingham. p. 105" (PDF).
  23. ^ Hopkins, Henry James (1970). A Span of Bridges: An Illustrated History. Newton Abbot, England: David & Charles. ISBN 0-7153-4804-3.
  24. ^ "Red Wheel List". www.nationaltransporttrust.org.uk. Miġbur 2021-11-20.
  25. ^ "BBC News | UK | Plug pulled on historic aqueduct". news.bbc.co.uk. Miġbur 2021-11-20.
  26. ^ "Birthday clean for aqueduct" (bl-Ingliż). 2003-11-16. Miġbur 2021-11-20.
  27. ^ "UNESCO tentative list". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż).
  28. ^ "Aqueduct's big bicentenary party" (bl-Ingliż). 2005-11-27. Miġbur 2021-11-20.
  29. ^ "Aqueduct set for heritage status" (bl-Ingliż). 2006-10-10. Miġbur 2021-11-20.
  30. ^ ""Pontcysyllte Aqueduct And Canal – 'Magnificent Masterpiece Of The Canal Age' – To Be UK's Next Bid For World Heritage Status"". webarchive.nationalarchives.gov.uk. Miġbur 2021-11-20.
  31. ^ "Aqueduct crowned world 'wonder'" (bl-Ingliż). 2009-06-27. Miġbur 2021-11-20.