Żoni Protetti tar-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Iż-Żoni Protetti tar-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap.

Iż-Żoni Protetti tar-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap (bl-Ingliż: Cape Floral Region) huwa reġjun tal-fjuri li jinsab qrib ix-xifer tan-Nofsinhar tal-Afrika t'Isfel. Huwa l-uniku reġjun tal-fjuri tar-Renju tal-Fjuri tal-Kap, u jinkludi provinċja tal-fjuri waħda, magħrufa bħala l-Provinċja tal-Fjuri tal-Kap.

Ir-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap, l-iżgħar fost is-sitt renji tal-fjuri rikonoxxuti fid-dinja, huwa żona b'diversità u b'endemiżmu kbir u straordinarju, u fih iktar minn 9,000 speċi ta' pjanti vaskulari, li minnhom 69 speċi huma endemiċi. Il-biċċa l-kbira ta' din id-diversità hija assoċjata mal-bijoma ta' fynbos, tip ta' art Mediterranja bix-xagħri b'veġetazzjoni suxxettibbli għan-nirien. Il-valur ekonomiku tal-bijodiversità tal-fynbos, abbażi tal-ħsad tal-prodotti tal-fynbos (eż. fjuri selvaġġi) u l-ekoturiżmu, huwa stmat li jlaħħaq R77 miljun (~US$5 miljun) fis-sena. B'hekk, huwa ċar li r-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap għandu valur ekonomiku u intrinsiku bħala hotspot tal-bijodiversità.[1]

Pożizzjoni u deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Immaġni satellitari tar-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap
Ir-reġjun tal-fjuri jokkupa inqas minn 0.5 % tal-erja tal-art tal-Afrika iżda jsostni madwar 20 % tal-pjanti tal-kontinent.

Ir-reġjun jospita l-ikbar konċentrazzjoni ta' speċijiet ta' pjanti mhux tropikali fid-dinja u huwa l-uniku hotspot li jinkorpora renju tal-fjuri sħiħ, u li fih ħamsa mit-tnax-il familja ta' pjanti endemiċi u 160 ġeneri endemiċi tal-Afrika t'Isfel. B'erja ta' 78,555 km2, il-hotspot tar-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap jinsab kollu kemm hu fi ħdan il-fruntieri tal-Afrika t'Isfel. Huwa wieħed minn ħames sistemi miti qishom Mediterranji fil-lista tal-hotspots, u huwa wieħed minn żewġ hotspots biss li jinkorporaw renju tal-fjuri sħiħ (l-ieħor huwa dak ta' New Caledonia). Dan ir-reġjun ikopri r-reġjun klimatiku Mediterran tal-Afrika t'Isfel fil-Kap tal-Punent fil-Lbiċ tal-pajjiż, u huwa estiż fi ħdan il-Kap tal-Lvant, żona tranżizzjonali bejn ir-reġjun tax-xita tax-xitwa fil-Punent u r-reġjun tax-xita tas-sajf fil-Lvant f'KwaZulu-Natal.

Flora[immodifika | immodifika s-sors]

Il-biċċa l-kbira tar-reġjun huwa miksi bil-fynbos, tip ta' xagħri sklerofilluż li jokkorri fuq ir-ramel aċiduż jew fuq l-artijiet bi ftit nutrijenti li oriġinaw mill-ġebel ramli tat-Table Mountain (is-Supergrupp tal-Kap). Il-fynbos jospita firxa wiesgħa ta' speċijiet ta' pjanti, inkluż bosta membri tal-familja Proteaceae, tal-familja tas-sies tal-ħaxix Ericaceae, u tal-familja tal-qasab Restionaceae. Tipi oħra ta' veġetazzjoni huma s-sandveld, art ratba kostali bl-arbuxxelli l-iktar tul il-kosta li tħares lejn il-Punent tal-Provinċja tal-Kap tal-Punent fuq ramel terzjarju. Ir-Renosterveld huwa xagħri bil-ħaxix iddominat b'membri tal-familja Asteraceae, b'mod partikolari r-renosterbos (Elytropappus rhinocerotis), il-graminojdi u l-ġeofiti, li jikkorru fil-ħamrija rikka bix-shale tal-artijiet kostali fuq quddiem. Hemm ukoll irqajja' żgħar ta' foresti Afromuntanjużi fiż-żoni umdużi u mkennija.

Skont Takhtajan (1978), il-familji li ġejjin huma endemiċi jew subendemiċi għar-reġjun: Grubbiaceae, Roridulaceae, Bruniaceae, Penaeaceae, Greyiaceae, Geissolomataceae, Retziaceae (Retzia) u Stilbaceae. Ir-rooibos jiġi prodott f'dan ir-reġjun ukoll.[2][3]

Tipi ta' Veġetazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Fynbos fil-Kap tal-Punent.

Din li ġejja hija lista tat-tipi ta' veġetazzjoni tar-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap:[4]

  • Fynbos tar-Ramel ta' Atlantis – tip ta' veġetazzjoni mit-Tramuntana ta' Cape Town, fil-Kap tal-Punent;
  • Fynbos tal-Granit ta' Boland – tip ta' veġetazzjoni endemika fil-Kap tal-Punent;
  • Strandveld tal-Għaram u tal-Meded tal-Kap – tip ta' veġetazzjoni endemika fil-periklu li tgħix fiż-żoni kostali madwar Cape Town;
  • Fynbos tal-Għaram u tal-Meded tal-Kap – tip ta' veġetazzjoni endemika fil-belt ta' Cape Town;
  • Art Mistagħdra tal-Artijiet Baxxi tal-Kap – tip ta' veġetazzjoni endemika fil-Kap tal-Punent;
  • Fynbos tax-Shale tal-Vinji tal-Kap – tip ta' veġetazzjoni endemika f'Boland, il-Kap tal-Punent;
  • Fynbos tar-Ramel ta' Hangklip – tip ta' veġetazzjoni endemika taż-żona kostali tan-Nofsinhar tal-Kap tal-Punent;
  • Fynbos tal-Ġebel Ramli ta' Kogelberg – tip ta' veġetazzjoni endemika fin-Nofsinhar imbiegħed tal-Kap tal-Punent;
  • Fynbos tal-Alluvjum ta' Lourensford – tip ta' veġetazzjoni endemika ta' Cape Town;
  • Fynbos tal-Granit tal-Peniżola – tip ta' veġetazzjoni endemika ta' Cape Town;
  • Fynbos tal-Ġebel Ramli tal-Peniżola – tip ta' veġetazzjoni endemika tal-Peniżola tal-Kap f'Cape Town;
  • Renosterveld tax-Shale tal-Peniżola – tip ta' veġetazzjoni li tinstab fl-Afrika t'Isfel biss;
  • Foresta Miti tan-Nofsinhar tal-Afrika – tip prinċipali ta' foresta indiġena fil-Lbiċ tal-Afrika t'Isfel;
  • Fynbis tal-Alluvjum ta' Swartland – tip ta' veġetazzjoni endemika tal-pjanuri għoljin u tal-muntanji fil-Kap tal-Punent
  • Renosterveld tal-Alluvjum ta' Swartland;
  • Renosterveld tal-Granit ta' Swartland;
  • Renosterveld tax-Shale ta' Swartland – tip ta' veġetazzjoni endemika tal-Kap tal-Punent;
  • Renosterveld tas-Silkret ta' Swartland.

Ekoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Ritratt panoramiku tal-fynbos fir-reġjun ta' Groot Winterhoek tal-Kap tal-Punent madwar 18-il xahar wara li kien hemm nirien. Jidhru pjanti ġodda f'diversi stadji tat-tkabbir. Il-ħamrija bajda mhux għammiela spiss jikber fiha l-fynbos.

Il-Fond Dinji għan-Natura jaqsam ir-reġjun tal-fjuri fi tliet ekoreġjuni: il-Fynbos u r-Renosterveld tal-Artijiet Baxxi, il-Fynbos u r-Renosterveld tal-Muntanji u l-boskijiet ta' Albany.

L-ekoreġjuni tal-fynbos huma ddeżinjati bħala wieħed mill-200 ekoreġjun ta' prijorità globali għall-konservazzjoni. Conservation International iddikjarat ir-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap bħala hotspot tal-bijodiversità.

Huwa maħsub li r-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap qed jesperjenza waħda mir-rati l-iktar rapidi ta' estinzjoni fid-dinja minħabba t-telf tal-ħabitats, id-degradazzjoni tal-art, u l-pjanti aljeni invażivi.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żoni Protetti tar-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004 u saru xi modifiki fiż-żona ta' lqugħ tas-sit fl-2015.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[5]

Komponenti[immodifika | immodifika s-sors]

Hotspots tal-bijodiversità fid-dinja (ir-Reġjun tal-Fjuri tal-Kap huwa mmarkat bin-numru 12).

Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa magħmul minn tmien komponenti li huma ż-żoni protetti rappreżentattivi li ġejjin:

  • il-Park Nazzjonali ta' Table Mountain;
  • iż-Żona tan-Natura Selvaġġa ta' Cederberg;
  • iż-Żona tan-Natura Selvaġġa ta' Groot Winterhoek;
  • il-Kumpless tal-Muntanja ta' Boland (ir-Riżerva Naturali ta' Limietberg, ir-Riżerva Naturali ta' Jonkershoek, ir-Riżerva Naturali ta' Assegaaibosch, ir-Riżerva Naturali ta' Hottentots Holland, ir-Riżerva Naturali ta' Kogelberg);
  • ir-Riżerva Naturali ta' De Hoop;
  • iż-Żona tan-Natura Selvaġġa ta' Boosmansbos;
  • il-Kumpless ta' Swartberg (ir-Riżerva Naturali ta' Swartberg, ir-Riżerva Naturali ta' Gamkapoort, ir-Riżerva Naturali ta' Towerkop);
  • il-Mega Riżerva ta' Baviaanskloof.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Odendaal, Lizelle J.; Haupt, Tanya M.; Griffiths, Charles L. (10 December 2008). "The alien invasive land snail Theba pisana in the West Coast National Park: Is there cause for concern?". Koedoe. 50 (1): 93–98.
  2. ^ Тахтаджян А. Л. Флористические области Земли / Академия наук СССР. Ботанический институт им. В. Л. Комарова. — Л.: Наука, Ленинградское отделение, 1978. — 247 с. — 4000 экз.
  3. ^ Takhtajan, A. (1986). Floristic Regions of the World. (translated by T.J. Crovello & A. Cronquist). University of California Press, Berkeley.
  4. ^ "Tipi ta' veġetazzjoni". web.archive.org. 2013. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-08-24.
  5. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Cape Floral Region Protected Areas". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-22.