Aqbeż għall-kontentut

Żona ta' Konservazzjoni ta' Guanacaste

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-vulkan Rincón de la Vieja.

Iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Guanacaste (bl-Ispanjol: Area de Conservación Guanacaste) hija magħmula minn network ta' żoni protetti u hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Provinċja ta' Guanacaste, fil-Majjistral tal-Costa Rica.[1] Is-sit fih medda mhux mittiefsa ta' foresti tropikali nexfin u huwa ħabitat importanti għal diversi speċijiet vulnerabbli, fosthom it-tapir tal-Amerka Ċentrali, il-kolibrì tal-mangrovji, u l-makaw l-aħdar il-kbir. Fil-park ġew identifikati iktar minn 7,000 speċi ta' pjanti u 900 speċi ta' vertebrati.

L-erja totali tal-parks nazzjonali li jiffurmaw dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tammonta għal 1,470 kilometru kwadru (570 mil kwadru). Din tirrifletti proċess ta' tkabbir fit-tul, li beda bl-istabbiliment tal-Park Nazzjonali ta' Santa Rosa fl-1971. Matul diversi deċennji, l-artijiet tal-madwar inxtraw u l-parks nazzjonali fil-qrib ġew ikkollegati maż-żona protetta li kulma jmur bdiet tikber, sabiex b'hekk iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Guanacaste ġiet tinkorpora diversità kbira ta' foresti nexfin, foresti pluvjali, foresti tas-sħab u ħabitat tal-baħar. Iż-żona ta' konservazzjoni fiha madwar żewġ terzi tal-annimali fil-periklu tal-Costa Rica.[2]

Iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Guanacaste saret formalment parti mis-Sistema Nazzjonali taż-Żoni ta' Konservazzjoni (SINAC) fl-1994, u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1] Fl-2004, is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ġie estiż bi proprjetà privata ta' 15,000 ettaru fil-foresta pluvjali ta' Santa Elena.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Guanacaste ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa magħmul minn dawn l-erba' komponenti:

  • il-Park Nazzjonali ta' Santa Rosa;
  • il-Park Nazzjonali ta' Guanacaste;
  • il-Park Nazzjonali tal-Vulkan Rincón de la Vieja;
  • ir-Refuġju tan-Natura Selvaġġa tal-Bajja ta' Junquillal.
  1. ^ a b ċ d "Area de Conservación Guanacaste - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-07.
  2. ^ Pringle, Robert M. (2017). "Upgrading protected areas to conserve wild biodiversity". Nature. 546 (7656): 91–99. Bibcode:2017Natur.546...91P. doi:10.1038/nature22902. PMID 28569807. S2CID 4387383.