Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Wied ta' Jamison fiż-Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu

Iż-Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu (bl-Ingliż: Greater Blue Mountains Area) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tinkludi l-Muntanji Blu ta' New South Wales, l-Awstralja. Iż-żona fiha 1,032,649 ettaru ta' art u ġiet imniżżla fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-24 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji li saret f'Cairns fis-sena 2000.[1]

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żona tissejjaħ tal-"Muntanji Blu" abbażi tal-fatt li meta t-temperatura atmosferika togħla, iż-żejt essenzjali ta' diversi speċijiet ta' ewkaliptu jevapora u jinxtered fl-arja, u b'hekk jikkawża spettri blu viżibbli li d-dawl tax-xemx jippropaga iktar minn kuluri oħrajn. Għaldaqstant, ir-riflessjonijiet mill-muntanji jidhru ta' lewn blu għal għajnejn il-bniedem.

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-Lag ta' Burragorang filgħodu

Iż-żona hija miżgħuda artijiet watja mħarbta, irdumijiet għoljin, widien fondi u inaċċessibbli, kif ukoll xmajjar u lagi mimlijin ħajja. Il-pjanti u l-annimali rari li jgħixu f'dan il-post naturali huma evidenza tal-istorja straordinarja tal-qedem tal-Awstralja u tad-diversità tal-ħajja fil-post. Tispikka l-iktar l-istorja tal-evoluzzjoni tal-veġetazzjoni unika tal-ewkaliptu u tal-komunitajiet assoċjati ta' pjanti u annimali.

Fil-biċċa l-kbira tagħha, iż-Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu tikkonsisti minn 10,300 kilometru kwadru ta' pajsaġġ forestali fuq biċċa art watja tal-blat ramli bejn 60 sa 180 kilometru 'l ġewwa mid-distrett tan-negozju ċentrali ta' Sydney. Iż-żona tinkludi spazji vasti ta' natura selvaġġa u hija ekwivalenti bħala erja għal kważi terz tal-Belġju, jew id-doppju tad-daqs tal-Brunei.[2]

Il-Kaskati ta' Wentworth fil-Wied ta' Jamison

Is-Sit ta' Wirt Dinji, li jinkludi tmien żoni protetti f'żewġ blokok isseparati minn kuritur tat-trasport u tal-iżvilupp urban, huwa magħmul minn seba' parks nazzjonali kif ukoll mir-Riżerva tal-Konservazzjoni tal-Għerien Karstiċi ta' Jenolan. Dawn is-seba' parks huma l-Park Nazzjonali tal-Muntanji Blu, il-Park Nazzjonali ta' Wollemi, il-Park Nazzjonali ta' Yengo, il-Park Nazzjonali ta' Nattai, il-Park Nazzjonali ta' Kanangra-Boyd, il-Park Nazzjonali tal-Ġonna ta' Stone u l-Park Nazzjonali tal-Lagi ta' Thirlmere.[1]

Iż-żona ma fihiex muntanji fis-sens konvenzjonali tal-kelma iżda fiha art watja u għolja tal-blat ramli b'widien fondi, b'elevazzjoni li tvarja bejn inqas minn 100 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar sa 1,300 metru fl-ogħla punt. Fil-partijiet l-iktar għoljin hemm sporġenzi tal-bażalt. Huwa maħsub li din l-art watja u għolja ppermettiet is-sopravivenza ta' diversità daqstant rikka ta' pjanti u ta' annimali billi serviet bħala rifuġju mit-tibdil fil-klima matul l-istorja ġeoloġika reċenti. Hija partikolarment notevoli għar-rappreżentazzjoni wiesgħa u bbilanċjata ta' ħabitats għall-ewkaliptu li jvarjaw minn sklerofilla mxarrba u niexfa, art moxa magħrufa bħala mallee, kif ukoll artijiet bassasa, artijiet mistagħdra u bwar tal-ħaxix lokalizzati. B'kollox hemm saħansitra wieħed u disgħin speċi ta' ewkaliptu (30 fil-mija tal-ispeċijiet kollha ta' ekwaliptu fid-dinja) fiż-Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu. Tnax-il speċi minnhom jingħad li jeżistu biss fir-reġjun tal-blat ramli ta' Sydney.

Flora[immodifika | immodifika s-sors]

Il-foresti tal-ewkaliptu tal-Muntanji Blu

Iż-żona kemm-il darba ġiet deskritta bħala laboratorju naturali għall-istudju tal-evoluzzjoni tal-ewkalipti. L-ikbar żona ta' diversità għolja ta' ewkalipti fl-Oċeanja tinsab fix-Xlokk tal-Awstralja. Iż-Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu tinkludi l-biċċa l-kbira ta' din id-diversità ta' ekwalipti.

Minbarra li tappoġġa proporzjon daqstant sinifikanti ta' speċijiet ta' ewkalipti fid-dinja, iż-żona fiha eżempji tal-firxa ta' adattamenti strutturali tal-ewkalipti għall-ambjenti Awstraljani. Dawn ivarjaw minn foresti b'siġar twal fil-marġnijiet taż-żona jew foresti tropikali fil-widien fondi, għal foresti u boskijiet fil-beraħ, għal artijiet bl-arbuxelli fuq l-art tat-tip mallee u fuq l-artijiet watja u għoljin li huma esposti.

Flimkien mad-diversi speċijiet ta' ewkalipti, iż-Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu fiha wkoll speċijiet li huma relitti tal-qedem ta' importanza globali. L-iktar waħda famuża minnhom hija s-siġra taż-żnuber ta' Wollemi li ġiet skoperta dan l-aħħar. Din hija "fossila ħajja" li tmur lura għal żmien id-dinosawri. Din l-ispeċi kulħadd kien jaħseb li kienet ilha estinta għal miljuni ta' snin. Il-ftit siġriet li għadhom ħajjin ta' din l-ispeċi tal-qedem jinsabu fi tliet popolazzjonijiet żgħar fi fniedaq remoti u inaċċessibbli fi ħdan iż-żona. Is-siġra taż-żnuber ta' Wollemi hija waħda mill-iktar speċijiet rari fid-dinja.

Fawna[immodifika | immodifika s-sors]

L-għasfur Casuarius casuarius johnsoni li jgħix fuq l-art fil-foresti tropikali taż-żona

Fi ħdan iż-Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu jgħixu iktar minn 400 tip differenti ta' annimali għall-kenn tal-fniedaq inaċċessibbli u tal-artijiet watja u għoljin taż-żona. Dawn jinkludu speċijiet mhedda jew rari li huma importanti għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, fosthom l-annimal marsupjali karnivoru Dasyurus maculatus, il-koala, il-Petaurus australis, il-Potorous tridactylus, kif ukoll rettili u anfibji rari, inkluż iż-żrinġ Ranoidea aurea u x-xaħmet l-art tal-ilma tal-Muntanji Blu (Eulamprus leuraensis).

L-ikbar predatur taż-żona huwa d-dingo. Dawn il-klieb selvaġġi jikkaċċjaw għall-kangaroos griżi u għal priża oħra.[3]

BirdLife International identifikat iż-Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu bħala Żona Importanti għall-Għasafar peress li tappoġġa proporzjon għoli tal-popolazzjonijiet globali tal-bagħal tal-blat (Origma solitaria) kif ukoll tal-pitirrossi fjamma (Petroica phoenicea), tal-isponsuni djamant (Stagonopleura guttata) u tal-psiepes Pycnoptilus floccosus. B'mod regolari jitfaċċa wkoll il-wikkiel tan-naħal Anthochaera phrygia u xi kultant ipassi wkoll il-wikkiel tan-naħal Caligavis chrysops.[4]

Il-formazzjoni tal-blat magħrufa bħala "Three Sisters" fil-Park Nazzjonali tal-Muntanji Blu

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żona l-Kbira tal-Muntanji Blu ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000. Iż-żona tinkludi erja ta' bejn wieħed u ieħor 10,300 kilometru kwadru b'seba' parks nazzjonali u riżerva ta' konservazzjoni. Madwar iż-żona protetta hemm żona ta' lqugħ oħra ta' 86,200 ettaru.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Greater Blue Mountains Area". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-11.
  2. ^ "Blue Mountains Accommodation - Katoomba, Blackheath, Jenolan Caves, Leura and Wentworth Falls - Visit NSW". web.archive.org. 2013-05-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-05-26. Miġbur 2021-10-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Brad V. Purcell (15 September 2010). "A novel observation of dingoes (Canis lupus dingo) attacking a swimming eastern grey kangaroo (Macropus giganteus)". Australian Mammalogy. Australian Mammalogy 32(2) 201–204 (2): 201.
  4. ^ "Birdata - IBA". web.archive.org. 2011-07-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-06. Miġbur 2021-10-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)