Tumas More

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Sir Thomas More (1478-1535) kien avukat, filosfu, kittieb, u politiku Ingliż. Huwa wkoll qaddis tal-Knisja Kattolika.

Thomas More twieled Londra fl-1478. Wara li studja ħafna r-reliġjon u l-istudji klassiċi, daħal l-Università ta' Oxford biex jistudja l-liġi. Meta spiċċa l-università beda karriera ta' avukat li wasslitu sal-Parlament. Fl-1505 iżżewweġ lil Jane Colt li tatu erbat itfal, u meta mietet f'età żgħira iżżewweġ armla, Alice Middleton, biex tkun omm għal uliedu żgħar. Thomas More kien bniedem għaref u ta' kultura kbira, ħabib ta' isqfijiet u studjużi kbar. Fl-1516 kiteb il-ktieb famuż mad-dinja kollha, Utopia.

Ir-Re Enriku VIII (Henry the Eight) sar jaf bih u tah diversi karigi importanti, u fl-aħħarnett laħħqu Kanċillier (Lord Chancellor) fl-1529. Iżda wara inqas minn tliet snin irriżenja minn din il-kariga li kienet il-quċċata tal-karriera tiegħu, għax ir-Re baqa' jżomm il-pożizzjoni tiegħu dwar iż-żwieġ u l-awtorità tal-Papa.

Il-bqija ta' ħajtu qattagħha jikteb l-aktar biex jiddefendi l-Knisja. Fl-1534, flimkien ma' ħabibu l-isqof John Fisher, ma riedx jagħraf lir-Re bħala l-Kap taċ-Church of England u ntefa' fil-ħabs tat-Tower of London. Sena u tliet xhur wara (u 9 ijiem wara l-eżekuzzjoni ta' Fisher), ġie kkundannat bi tradiment. Lill-imħallfin qalilhom li ma setax imur kontra l-kuxjenza tiegħu u awguralhom “li jalla nerġgħu niltaqgħu ferħanin fil-ġenna għas-salvazzjoni ta' dejjem.” Fis-6 ta' Lulju 1535, meta ħaduh għall-forka, niżel għarkubbtejh jitlob is-salm Miserere u kif spiċċa beda jiċċajta mal-bojja. Tah xi ħaġa tal-flus, għannqu u qallu biex jaqdi dmiru. Baxxa rasu u lestiha għall-mewt u biex jiċċajta qal lill-bojja, “Mument wieħed, ħallini nqiegħed sewwa l-leħja, dnub li tinqata': hi ma ttradiet lil ħadd” u lil dawk li kienu qed jarawh qalilhom, “Ser imut il-qaddej leali tar-Re, imma fuq kollox il-qaddej leali ta' Alla” (the King's good servant - but God's first).

Il-ġisem ta' More indifen fi knisja żgħira maġenb il-ħabs stess iżda rasu ġiet imwaħħla fil-Pont ta' Londra mal-irjus tan-nies ħżiena li kienu jitqiegħdu hemm biex ibeżżgħu lin-nies. Imma bintu Margaret irnexxielha teħodha u żammitha bħala fdal ta' għożża kbira tul ħajjitha kollha. Fl-1886, ġie ddikjarat beatu, u fl-1935 qaddis mill-Papa Piju XI. San Thomas More huwa wieħed mill-qaddisin patruni tal-avukati.

Għodda personali
Spazji tal-isem

Varjanti
Azzjonijiet
Navigazzjoni
Komunità
Għodda
F'lingwi oħrajn