René Descartes
| Cogito ergo sum (Naħseb, mela jien) | ||
|
—René Descartes, Principia philosophiae |
||
René Descartes[1] [ʀəˈne deˈkaʀt], latinizzat bħala Renatus Cartesius u malteżizzat bħala Renatu Karteżju, (La Haye f’Touraine, 31 ta' Marzu 1596 – Stokkolma, 11 ta' Frar 1650) kien filosfu u matematiku Franċiż. Hu meqjus bħala l-fundatur tal-filosofija u tal-matematika moderna.
Descartes estenda l-kunċett tal-għarfien razzjonalistiku ispirat miċ-ċertezza u l-preċiżjoni tax-xjenzi matematiċi, kif kien propost minn Francis Bacon u fformulat u applikat b'mod effettiv minn Galileo Galilei, għal kull aspett tal-għarfien, u welled dak li llum hu magħruf bħala r-razzjonaliżmu kontinentali, pożizzjoni filosofika li kienet dominanti fl-Ewropa bejn is-seklu 17 u s-seklu 18.
Werrej |
[editja] Bijografija
[editja] L-oriġini tal-familja
Descartes twieled fil-31 ta' Marzu tal-1596 f'Haye [2]"f'dar mill-iżjed nobbli, mill-eqdem u l-aktar prominenti ta' Touraine"[3]. L-ewwel bijografu tiegħu, Pierre Borel, minn naħa l-oħra kien jaħseb li twieled fid-dar li il-familja Descartes kellhom f'Poitiers fil-Poitou: iż-żewġt idjar għadhom jeżistu u mill-Poitou kienu ġejjin l-antenati il-filosfu, li però ma kinux nobbli. In-nannu tiegħu Pierre Descartes kien tabib u ibnu Joachim (1563-1640), li kien jaħdem ta' avukat f'Pariġi fl-1585 inħatar kunsillier tal-Parlament ta' Rennes ,[4] fejn fejn kien jgħix meta l-mara tiegħu Jeanne Brochard (1570-1597) welldet lil René, it-tielet mill-ulied wara t-twelid ta' Jeanne (1590-1640) u Pierre (1591-1660).
René tgħammed fit-3 ta' April 3 fil-knisja ta' Saint-Georges u ngħata l-isem tal-parrinu tiegħu, René Brochard des Fontaines, zijuh min-naħa t’ommu li kien mħallef f'Poitiers. Mill-ewwel ġie fdat f’idejn balija, li baqgħet ħajja wara mewtu u kellha pensjoni li ħallielha l-filosfu li qabel ma miet reġa' talab lil ħutu biex jieħdu ħsiebha. Omm René mietet sena wara, fit-13 ta' Mejju 1597, hija u twelled it-tifel l-ieħor li għex biss tlett ijiem. Fl-1600 Joachim Descartes żżewweġ lil Anne Morin, bint is-sid tax-Château de Chavagne f'Sucé qrib Nantes, li magħha kellu żewġt itfal, Joachim u Anne.
Billi ma kellux omm u missieru ta' spiss ma kienx ikun id-dar, René trabba ma' omm ommu u l-balija. Għadda t-tfulija tiegħu f'La Haye maż-żewġ ħutu u rċieva l-edukazzjoni elementari minn għalliem privat. Billi kien dejjem isfar u sikwit kellu sogħla xotta, it-tobba kellhom dubju kienx ħa jgħixu[5]u żammewh milli jibda l-istudji regolari tiegħu.
[editja] L-istudji
Dam sal-Għid tal-1607 [6] biex jidħol fil-Kulleġġ ta' La Flèche - imwaqqaf minn Enriku IV fl-1603 li tah lill-Ġiżwiti. Dan il-kulleġġ diġà kien magħruf ħafna u ħuh Pierre kien beda l-istudji tiegħu hemm fl-1604, kif kien għamel l-istudjuż Marin Mersenne. Kenu jiġu studenti mill-partijiet kollha ta' Franza, mingħajr distinzjoni ta' klassi soċjali. Kellhom iħallsu biss għall-ikel u l-korsijiet ta' studju kien fihom tliet snin ta' Grammatika, tliet snin ta' istudji umanistiċi u tliet snin ta' filosofija . Dawk li riedu biex jieħdu karriera fil-knisja, kienu jkomplu jistudjaw għal ħames snin oħra, it-teoloġija u l-Iskrittura.
Ftit kien hemm tagħlim fil-matematika,[7] kienet mgħallma biss għal inqas minn siegħa kuljum lill-istudenti tat-tieni sena tal-filosofija. Kien jgħallmu biss il-filosofija Aristotelika f’kors ta’ tliet snin maqsum fit-tagħlim tal-loġika, ibbażat fuq il-manwali ta' Toledo Francisco u ta' Pedro da Fonseca, [8] tal-fiżika [9] u tal-metafiżika,[10] flimkien mal-kunċetti tal-filosofija morali.
Descartes deher li kien iddiżappuntat bit-tagħlim li kien kiseb: "Trawwimt fl-istudji umanistiċi mit-tfulija, u billi sirt nemmen li bihom stajt nikseb għarfien ċar u żgur ta' dak kollu li hu utli fil-ħajja, kont nixtieq ħafna li nitgħallem. Iżda kif lestejt dan il-kors ta' studju sħiħ, li fi tmiemhom is-soltu tkun fost l-istudjui, bdielt l-opinjoni tiegħi kompletament: infatti sibt ruħi f’taħwida ta' dubji u żbalji tant li kelli l-impressjoni li ma kont ksibt l-ebda profitt, waqt li nfittex li nitgħallem u dejjem niskopri aktar u aktar l-injoranza tiegħi."[11]
Dawn huma l-ħsibijiet ta' Descartes matur meta kiteb il-"Metodu" tiegħu u lminta li l-iskejjel ma kinux jinkurraġġixxu l-ispirtu kritiku fl-istudenti. Din ix-xewqa għar-riċerka personali kien diġà preżenti f'René żagħżugħ: "Bħala żagħżugħ, meta kont niltaqa' ma' xi iskoperta inġenjuża, kont nistaqsi lili nifsi jekk stajtx insibha għal rasi mingħajr ma nitgħallima mill-kotba."[12]
Ħareġ mill-kulleġġ tal-Ġiżwiti f'Settembru 1615 b'imħabba u gratitudni għar-rettur, il-Patri Chalet Etienne, li kien għamilha ta' missieru matul il-perjodu ta' żgħożitu. [13] u għas-sistema ta' ħajja osservata fl-iskola, li matulha saħħtu rkuprat kompletament. Mar joqgħod ma' ħajjat ta' Poitiers biex jistudja l-liġi fl-Università ta' dik il-belt, fejn ħuh Pierre kien ħa l-lawrja tliet snin qabel. Hemm ħa l-bakkalawrjat u l-lawrja fil-liġi kif kienet ix-xewq ta' missieru. Imbagħad mar joqgħod mal-familja li, wara t-tieni żwieġ ta' missieru, kienu joqgħodu Rennes - fejn kienet toqgħod ukoll oħtu Jeanne, li fl-1613 kienet iżżewġet lil Pierre Rogier, Sinjur ta' Crévis, - jew f'Sucé f'Nantes, fejn il-matrinja tiegħu Anne Morin kellha dar.
[editja] Il-laqgħa ma' Isaac Beeckman
Meta laħaq l-età ta' adult, saħħtu kienet irkuprat u xtaq li jitgħallem affarijiet ġodda. Fil-bidu tal-1618 Descartes, daħal volontier f'wieħed miż-żewġ reġimenti Franċiżi stazzjonati fi Breda fl-Pajjiżi Baxxi, taħt il-kmand tal-Prinċep ta' Orange. Dan kien perjodu ta' tregwa fil-gwerra bejn Franza u Spanja: Descartes kellu vallett fis-servizz tiegħu, iżda l-injoranza u vulgarità ta' sħabu u l-għass infurzat li spiss kien isib ruħu fih, ma ġegħluhx iħobb l-ambjent militari. Madankollu, iż-żmien li qatta' hemm kien importanti minn aspett ieħor: Fl-10 ta' Novembru b'kumbinazzjoni iltaqa' mat-tabib Isaac Beeckman li ġie minn Middelburg fi Breda biex isib 'l zijuh u tfajla biex jiżżewwiġha. Flimkien sabu ruħhom jippruvaw isolvu problema matematika. Beeckmam li kellu tletin sena m'għandnix xi ngħidu eżerċita ġibda intellettwali qawwija fuq René u twieldet ħbiberija li, minkejja d-differenza fl-età, dawwar l-interess ta' Descartes lejn ix-xjenzi matematiċi.
Beeckman kellu d-drawwa li jniżżel l-osservazzjonijiet u l-problemi xjentifiċi fi djarju li kien iżomm. Waħda mill-problemi li Descartes poġġa lil Beeckman kienet "Jekk tkun taf id-distanza li jivvjaġġa oġġett f’sagħtejn, sib id-distanza li tivvjaġġata f'siegħa." Iit-tweġiba ta' Descartes kienet li l-veloċità tiżdied fi proporzjon mad-distanza vvjaġġata, aktar milli mal-ħin li jgħaddi[14].
Fil-31 ta' Diċembru Descartes lesta trattat qasir fuq il-mużika intitolat Compendium musicae li offra lil Beeckman bħala rigal għall-sena l-ġdida. Hu rċieva bi tpattija rigal ta' djarju li dejjem kien iżomm miegħu [15]. Żewġ noti inħażżin minn Beeckam fuq il-manuskritt tal-Compendium juru li dan il-ktejjeb kien ir-riżultat ta' skambju ta' ideat bejn iż-żewg ħbieb........
Fil-31 ta' Diċembru Descartes lesta trattat qasir fuq il-mużika intitolat Compendium musicae li offra lil Beeckman bħala rigal għall-sena l-ġdida. Hu rċieva bi tpattija rigal ta' djarju li dejjem kien iżomm miegħu [16]. Żewġ noti inħażżin minn Beeckam fuq il-manuskritt tal-Compendium juru li dan il-ktejjeb kien ir-riżultat ta' skambju ta' ideat bejn iż-żewg ħbieb. "Il-ħsibijiet tiegħi għoġbuh," kiteb Beeckmam, meta fit-2 ta' Jannar 1619 telaq lejn Middelburg, u "dan jikkonferma mhux bil-ftit kemm kont ktibt fuq il-modi."[17] Fil- Compendium Descartes qal bil-konvinzzjoni li l-passjonijiet differenti li tqajjem il-mużika għandhom ġustifikazzjoni fil-varjazzjoni fid-daqs tal-ħsejjes u r-relazzjonijiet tonali: jekk fil-bażi tal-effett emozzjonali prodott mill-mużika fuq is-semmiegħ hemm biss relazzjonijiet kwantitattivi, huwa jirrikonoxxi li għandu jkun hemm analiżi aktar preċiża tan-natura tar-ruħ umana u l-movimenti tagħha sabiex jintfiehmu kompletament l-emozzjonijiet indotti mill-mużika.[18]
Il-ħbieb żewġ baqgħu jiktbu 'l xulxin. Fis-26 ta' Marzu 1619 Descartes għarraf lil Beeckman li kien ivvinta xi kumpassi li bihom seta' jifformulaw dimostrazzjonijiet ġodda dwar il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-qsim tal-angoli f'partijiet indaqs u l-ekwazzjonijiet kubiċi, l-intenzjoni li jiżviluppa dawn l-iskoperti fit-trattat li fih kellu jesponi "xjenza ġdida għal kollox, li biha nistgħu nirriżolvu in ġenerali l-kwistjonijiet li jistgħu jiġu proposti fi kwalunkwe tip ta' kwantità, kemm kontinwa u kemm diskreta." Din hi l-ewwel xhieda tal-intwizzjoni tal-ġeometrija analitika: "Fil-kaos skur ta' din ix-xjenza, rajt xaqq dawl." [19]
F'dan ir-rigward, għalkemm huwa ma kienx l-inventur, Descartes hu magħruf wkoll għat-tixrid tal-hekk imsejħa Sistema Karteżjana li l-użu tagħha beda fl-epoka antika.[20]
[editja] Il-Mirabilis Scientia
Fid-29 ta' April, 1619, Descartes telaq minn Amsterdam għal Kopenħagen: kellu l-ħsieb li jżur id-Danimarka, imbagħad il-Polonja u l-Ungerija biex imur il-Boemja, imma reġa' bdielu fuq dan il-vjaġġ twil u fl-aħħar ta' Lulju mar Frankfurt, fejn fis-27 ta' Awissu attenda l-inkoronazzjoni ta' Ferdinandu II u baqa' fil-belt għat-tul tal-festi. Meta reġgħet bdiet dik li jsejħulha il-Gwerrw ta-Tletin Sena, jidher li Descartes daħal fl-armata taħt il-kmand ta' Massimiljanu tal-Bavarja u qatta' x-xitwa Neuburg, fit-tramuntana tal-Bavarja, f’dar komda u msaħħna sewwa fuq ix-xatt tad-Danubju: hawn, ħa d-deċiżjoni li jistudja "fih infissu" u li juża l-qawwa kollha ta' "ruħu" biex jagħżel it-triq li kellu jsegwi."[21]
Bl-istudju tagħna nfisna insiru nafu kemm inkunu ġbarna ideat f'moħħna minn tfulitna, mingħajr ma qatt flejnihom bir-reqqa: għalhekk, "hu kważi impossibbli li ġudizzju tagħna jkun ġenwin u fis-sodd daqs kemm kieku kellna l-użu sħiħ tar-raġuni mit-twelid u konna dejjem immexxija biss mir-raġuni."[22]. Għandua nagħmlu reviżjoni tal-opinjonijiet li nkunu ksibna u nibdluhom, jekk ikun meħtieġ, ma' dawk li nistgħu nilleġittimawhom bil-verità.
Sadattant, ma kien jaċċetta l-ebda ħaġa bħala vera jekk ma jkunx raha quddiem il-menti tiegħu "b'tant ċarezza u distinzjoni li ma jkollu l-ebda raġuni sabiex jiddubitaha." Imbagħad, kull problema għandha naqsmuha fl-ikbar numru ta' partijiet possibbli biex nirriżoluha aħjar u, "nibdew mill-oġġetti l-aktar sempliċi u l-eħfef li nkunu nafu u nitilgħu qajla, qajla, tarġa, tarġa, għall-għarfien ta' dawk l-aktar kumplessi." Fl-aħħarnett, nagħmlu "enumerazzjonijiet tant kompleta u reviżjonijiet tant ġenerali li nkunu żguri li ma ħallejna xejn barra." [23]
Dawk il-kliem kitibhom madwar ħmistax-il sena wara fid-Diskors dwar il-Metodu, iżda f'Novembru tal-1619 Descartes, fid-djarju li tah bħala rigal Beeckman, f'taqsima li hu stess semma Olympica, kiteb li f1-10 ta' Novembru, "mimli bl-entużjażmu", kien qiegħed jiskopri s-"sisien ta' xjenza tal-għaġeb" u tkellem fuq il-ħolm u l-viżjonijiet li kienu għamlu l-lejl aġitat,[24] imma ma nafux eżattament għal liema xjenza kien qiegħed jalludi hawn Descartes. L-ambaxxatur Franċiż fl-Iżvezja Pierre Chanut, li kien jafu tajjeb ħafna lil Descartes, meta kien qiegħed jiddetta l-epitaffju tiegħu irrefera għal dan l-episodju: "fil-mistrieħ tax-xitwa, ħares lejn il-misteri tan-natura bil-liġijiet matematiċi u ssogra jittama li seta' jiftaħ is-sigrieti tat-tnejn bl-istess ċavetta"[25].
X'aktarx meta kien qiegħed ikompli r-riċerki tiegħu dwar il-korrispondenza bejn l-alġebra u l-ġeometrija, kien sar konvint li l-għarfien jista' jiġi unifikat fi xjenza waħda u d-dixxiplini individwali imbagħad jiffurmaw friegħi partikolari tagħha, kif kiteb fir-Regulae ad directionem ingenii: "Ix-xjenzi m'humiex ħlief l-għarfien tal-bniedem, li dejjem jibqa' wieħed u l-istess għall-oġġetti differenti kollha li jiġi applikat għalihom [...] Ix-xjenzi huma tant konnessi flimkien li huwa ħafna aktar faċli li titgħallimhom flimkien milli jekk tisseparahom waħda mill-oħra"[26]. Matul dik ix-xitwa sar jaf il-matematiku Johannes Faulhaber fil-belt viċina ta' Ulm, li seta' kellu xi influwenza fuq ir-riċerka ta' Descartes li wasslitu biex jikteb il-Progymnasmata solidorum de Elementis li fih jitttratta l-proprjetajiet tal-poliedri.
[editja] Referenzi
- ^ Kitba oħra mifrux l-iżjed fi żmienu: René Des-Cartes.
- ^ Raħal li ssemma La Haye-Descartes għalih fis-seklu dsatax u sempliċiment Descartes fl-1967.
- ^ Adrien Baillet, Vie de Monsieur Descartes, I, p. 4
- ^ "Oeuvres, XII, p. 2
- ^ Ittra ta' Karteżju lill-prinċipessa Elisabeth von der Pfalz, Ġunju 1645, fl-Oeuvres IV, p. 221
- ^ Minħabba s-saħħa prekarja, il-familja ippreferew li jżommu lil René id-dar matul ix-xitwa. Il-bijografi ma jaqblux fuq is-sena meta Karteżju daħal La Flèche, iżda peress li huwa ċert li kien ħareġ f'Settembru tal-1615 u l-kors sħiħ tal-studju kien ta' disa' snin, naturali li wieħed jissoponi li daħal hemm fl-1607: cf. Geneviève Rodis-Lewis ,Descartes, 1997, pp. 23-25. Karteżju kiteb li La Flèche qatta' "kważi disa' snin": Ittra lil Julien Hayneuve, 22 ta' Lulju 1640
- ^ Dak iż-żmien fi Franza il-matematika kienet mgħallma biss fl-universitajiet: kienu l-Ġiżwiti li introduċew l-istudju tagħha fl-iskejjel tagħhom: cfr. Rodi-Lewis, cit., p. 23.
- ^ Rispettivament l-Introductio in dialecticam Aristotelis u l-Institutiones dialecticarum.
- ^ Il-kotba ta' referenza kienu il-Fisica, il-De coelo u il-De generatione et corruptione animalium ta' Aristotile.
- ^ Bl-istudju tal-Metafisica u tal-De anima.
- ^ Oeuvres, VI p. 4
- ^ Oeuvres, X, p. 214
- ^ Ittra ta' Descartes lill-Prinċipessa Elisabeth von der Pfalz, cit., p. 221
- ^ Journal tenu par Isaac Beeckman de 1604 à 1634, editjat minn Cornelis de Waard, I, p. 262.
- ^ Dan id-djarju ntilef, iżda hemm konservata kopja parzjali magħmula minn Leibniz.
- ^ Dan id-djarju ntilef, iżda hemm konservata kopja parzjali magħmula minn Leibniz.
- ^ Journal, cit., I, 269.
- ^ Oeuvres, X, p. 95.
- ^ Oeuvres, X, pp. 156-158
- ^ A. M. Magri, G. C. Zuccotti, Enciclopedia di direzione e consulenza aziendale, Piccin ed., 1989, p.1652
- ^ Oeuvres, VI, p. 10.
- ^ Oeuvres, VI, p. 13
- ^ Oeuvres, VI, pp. 18-19
- ^ «X novembris 1619, cum plenus forem enthusiasmo, et mirabilis scientiae fundamenta reperirem», Oeuvres, X, p. 179
- ^ Oeuvres, X, p. 180.
- ^ Oeuvres, X, pp. 360-361.