Ordni Militari Sovran ta' Malta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
L-Arma tal-Ordni Sovrana ta' Malta

L-Ordni tal-Kavallieri Ospitaljeri, magħrufin aħjar f'Malta bħala l-Kavallieri ta' San Ġwann, hija għaqda li bdiet bħala fondazzjoni Benedittina li tieħu ħsieb il-kura ta' dawk morda fl-Art Imqaddsa fis-Seklu XI; imma ma damitx ma saret ordni kattoliku-militari ta' kavallieri li kienu jieħdu ħsieb jibnu kastelli u mkejjen iffortifikati matul xi rotot fl-Art Imqaddsa, biex jgħinu u jiddefendu l-pellegrini. Ħabba l-ħafna battalji u konfrontazzjonijiet li seħħu, l-Ordni beda jispeċjalizza fl-assistenza medika, u wieħed ma jistgħaġibx meta anke llum jiltaqa' mas-salib bi 8 ponot fuq xi ambulanza jew bħala stemma ta' xi organizzazjoni tal-ewwel għajnuna.

Storja[editja]

Bħala ringrazzjament għal ħafna ħajjiet salvati, l-Ordni beda jirċievi ħafna territorji fl-Ewropa li bdew jiġu organizzati fi prijurati u kommanderiji, u l-qliegħ minn dawn l-artijiet kien imur għall-manteniment tal-Ordni, tal-isptarijiet u ovvjament, għall-armata. Iktar tard, meta l-Ordni kellu flotta, il-qliegħ beda jintuża biex jinżammu l-iġfna tal-Pirati tal-Knisja. Iktar ma beda jgħaddi żmien, iktar bdew jingħataw artijiet u dipendenzi fl-Art Imqaddsa stess u allura, flimkien ma' ħutom it-Templari, iktar bdew jiffokaw fuq id-difiża militari tal-artijiet.

Bil-mod il-mod, l-Ordni beda jsir b'saħħtu u sinjur. Però il-fatt li kienu sinjuri u militarment sodi ma waqqafx lill-misilmin milli jkeċċuhom mill-Art Imqaddsa u wara li tkeċċew minn Ġerusalemm u Akri, dawn ħatfu lil Rodi minn idejn l-Imperu Biżantin li kien qiegħed jitmermer bil-mod. F'Rodi, l-Ordni kien imexxi f'sovranità għalih; Huma kellhom palazzi, vilel, u swar, u l-fatt li Rodi kienet qrib ħafna t-Turkija (li bdiet issir iċ-ċentru tal-Iżlam), kien ifisser li l-Kavallieri kienu lokati f'post eċċellenti biex jaħtfu bastimenti merkantili tal-musulmani. Fl-1480, Rodi ġiet assedjata għall-ewwel darba mill-forzi Ottomani, iżda l-Ordni rebaħ dan l-ewwel assedju; l-istess ma ġarax fl-1522, meta Sulejman II prova jerġa' jaħtaf lil Rodi u din id-darba l-Ottomani irnexxielhom.

Però tant kienu tqabdu b'ħila li Sulejman II ħallihom jitilqu b'kull unur militari, u wara seba' snin ta' vjaġġar, l-Ordni ingħatatlu t-tmexxija tal-gżirs tà Malta, mill-Imperatur Karlu V, f'isem il-Viċi Re tà Sqallija, b'ċens tà falkun fis-sena.

Wara l-Assedju l-Kbir tal-1565, l-Ordni sar ħaġa waħda mà Malta: Kien hawn li twieled l-isem Kavallieri ta' Malta. B'mod differenti minn ħakkiema oħra ta' din il-gżira, l-Ordni ma kellux dar oħra barra l-gżira. U allura, peress li l-gżira issa saret id-dar tagħhom, huma investew ħafna f'Malta, ħafna iktar minn ħakkiema oħra. Mhux hekk biss, il-membri tal-Ordni kienu kollha minn familji nobbli, u bħala Ordni kellhom ukoll ħafna kapital u artijiet minn żminijiet li kienu jiddefendu l-pellegrini. Dan il-kapital u l-qliegħ minn qbid ta' bastimenti merkantili Iżlamiċi, beda jintuża f'Malta mill-Kavallieri u l-fdalijiet artistiċi u tal-arkitettura ta' dawn iż-żminijiet jibqgħu fost l-ikbar fl-istorja ta' Malta, b'mod speċjali l-ġahwra tagħhom, il-Belt Valletta.

Damu jmexxu 'l Malta sa Ġunju tal-1798 meta l-Ordni kellha ċċedi l-gżejjer Maltin lil Napuljun wara li danżbarka t-truppi tiegħu fuq il-gżejjer. Wara li tkeċċew minn Malta, l-Ordni sfaxxa għalkemm wara xi żmien reġà ġie iffurmat bħala l-Ordni Militari Sovran tà Malta, bil-kwartieri prinċipali f'Palazzo Malta, f'Ruma.

Lista ta' Gran Mastri ta' l-Ordni[editja]

Ħoloq esterni[editja]