Gustavo Gutiérrez

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Gustavo Gutiérrez

Gutiérrez fl-2007
Ħajja
Twelid Lima, 8 Ġunju 1928 (95 sena)
Nazzjonalità Perù
Residenza Perù
Edukazzjoni
Alma mater National University of San Marcos (en) Translate
Catholic University of Paris (en) Translate
Pontifical Gregorian University (en) Translate
Catholic University of Lyon (en) Translate
Lingwi Spanjol
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni teologu
filosofu
saċerdot Kattoliku
għalliem fl-università
Impjegaturi University of Notre Dame (en) Translate
Premjijiet
Sħubija Akkademja Amerikana tal-Arti u tax-Xjenzi
Moviment liberation theology (en) Translate

Gustavo Gutiérrez (Lima, Peru, 8 ta’ Ġunju 1928) huwa teologu Peruvjan u patri Dumnikan, u huwa sinonimu mat-Teoloġija tal-Liberazzjoni, li hija l-fergħa mill-aktar sinjifikanti ta’ ħsieb Kattoliku li ħarġet mill-Konċilju Vatikan II mis-snin sittin tas-seklu l-ieħor ’l hawn. Huwa jitqies bħala l-fundatur ta’ din it-teoloġija.

Tfulija u Studji[immodifika | immodifika s-sors]

Gustavo Gutiérrez, li ġej minn nisel imħallat bejn indiġeni u Spanjoli, twieled nhar it-8 ta’ Ġunju 1928 f’Lima, il-belt kapitali tal-Perù. F’żgħożitu beda jbati bl-osteomelite, marda fl-għadam u kien iqatta’ ħafna żmien fis-sodda. Minn meta kellu 12-il sena sakemm għalaq 18, Gutiérrez kien ikollu juża siġġu tar-roti. Meta l-kundizzjoni ta’ saħħtu tjiebet beda jistudja l-mediċina u l-humanities filwaqt li beda jaħdem fl-Azzjoni Kattolika fejn beda jiżviluppa l-ewwel riflessjonijiet teoloġiċi tiegħu. Ir-rabta tiegħu mar-realtajiet ta’ pajjiżu ġegħluh japprofondixxi iktar l-għarfien tiegħu ta’ Alla. Fil-bidu xtaq isir psikjatra u studja fl-Università Nazzjonali ta’ San Marcos fil-Peru imma mbagħad irrealizza li kien imsejjaħ għall-ħajja reliġjuża. Kien ordnat saċerdot fl-1959 meta kellu 31 sena.

Wara li studja l-mediċina u l-letteratura fl-Università ta’ San Marcos, kompla jistudja l-psikoloġija u l-filosofija fl-Università ta’ Louvain fil-Belġju, imbagħad it-teoloġija fl-Università Kattolika ta’ Lyons fejn ġab id-dottorat mill-Institut Pastoral d'Etudes Religieuses (IPER). Bħala għalliema tat-teoloġija kellu lill-kbar Henri de Lubac, Yves Congar, Marie-Dominique Chenu u Christian Ducoq. Ġie f’kuntatt ukoll ma’ ħafna mit-teoloġi moderni tal-Konċilju Edward Schillebeeckx, Karl Rahner, Hans Küng u Jean Baptista Metz. Kien ukoll fi djalogu mat-teoloġija Protestanta u studja sew ix-xogħlijiet ta’ Karl Barth u kellu interess f’teologi bħal Jürgen Moltmann u Dietrich Bonhoeffer u xjenzati soċjali bħal François Perroux.

Karigi u Rikonoxximenti[immodifika | immodifika s-sors]

Sal-lum, ingħata mal-25 grad akkademiku onorarju ieħor minn universitajiet mifruxa madwar id-dinja kollha.

Gutiérrez illum huwa Professur tat-Teoloġija fl-Università ta’ Notre Dame, fl-Istati Uniti. Huwa kien il-professur ewlieni fl-Università Pontifiċja tal-Perù, u jżur ukoll ħafna universitajiet ewlenin fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Ewropa. Huwa membru ta’ l-Akkademja Peruvjana tal-Lingwa, u fl-1993 ingħata l-Leġjun tal-Unur mill-gvern Franċiż għall-ħidma kbira tiegħu favur id-dinjità umana u l-ħajja, u kontra l-oppressjoni, speċjalment fl-Amerika Latina u t-Tielet Dinja. Fl-2002 Gutiérrez kien elett fl-American Academy of Arts and Sciences u fl-2003 ingħata l-premju prestiġjuż Príncipe de Asturias.

L-aktar xogħol famuż ta’ Gutiérrez, fost il-ħafna li għandu (anki maqlubin f’ħafna ilsna tad-dinja) huwa Teoloġija tal-Liberazzjoni: Storja, Politika, Salvazzjoni (1971). Huwa ktieb ta’ importanza storika monumentali fil-Knisja Kattolika, u meqjusa minn ħafna bħala l-aktar kontribuzzjoni teoloġika sinifikanti mill-Konċilju Vatikan it-Tieni ’l hawn.

2014 Premio Capri San Michele [1]

L-Għazla Preferenzjali għall-Fqar[immodifika | immodifika s-sors]

L-“għazla preferenzjali għall-fqar” (optión por los pobres) hi l-qalba ta’ dak li Gutiérrez u sħabu kollha fl-Amerika Latina pproponew lill-Kattoliċizmu u lid-dinja fis-snin snin. Xi kummentaturi jgħidu li din l-għajta kienet l-aktar waħda rilevanti u rivoluzzjonarja fil-Knisja Kattolika minn wara l-għajta l-oħra ta’ Martin Luteru “Sola Fides” (Bil-Fidi Biss) fis-seklu 16. L-għajta tesprimi viżjoni, missjoni u strateġija pastorali u umana. Hi moviment ta’ ħsieb u azzjoni li, fi ftit kliem, ifittex li jeqred il-kawżi ta’ kull tip ta’ faqar fid-dinja. Aktar minn hekk, hi interpretazzjoni ġdida tal-Evangelju u tat-tagħlim tal-Knisja.

Dawk li jissejħu l-“fqar”, aħna aktarx insejħulhom ż-“żgħar”. Xi wħud isejhulhom ukoll l-“esklużi”. Kollha jirreferu għall-istess kundizzjoni umana ta’ nies imwarrba, sfruttati, oppressi, imtarrfa; nies li t-twarrib tagħhom faqqarhom b’kull mod immaġinabbli. Bit-Teoloġija tal-Liberazzjoni, Gutiérrez u sħabu laqgħu s-sejħa tal-Koncilju Vatikan, u tal-Papiet Ġwanni XXIII u Pawlu VI, u qraw l-Evanġelju mill-perspettiva ta’ ħelsien u liberazzjoni li Alla fassal għal kull bniedem.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]