Franz Schubert

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Franz Peter Schubert (twieled 31 ta’ Jannar 1797 – miet 19 ta’ Novembru 1828) kien kompożitur Awstrijak. Għalkemm miet ta’ 31 sena, Schubert kien wieħed mill-kompożituri l-kbar tas-seklu XIX u l-aqwa kompożitur tal-lied bl-ilsien Ġermaniż.

Franz Schubert

Bijografija[editja]

Franz Peter Schubert twieled Lichtenthal, ħdejn Vjenna. Kien it-tnax-il wieħed minn familja ta’ 14 ulied. Missieru, Franz Theodor, li kien għalliem, tah l-ewwel lezzjonijiet tal-alto, waqt li ħuh Ignaz għallmu l-pjanu. Mill-1808 sal-1813, kien kantant fil-kor tal-kappella imperjali ta’ Vjenna u studja Konvikt (skola għall-kantanti tal-kappella tal-Qorti Rjali) u hekk kien student ta’ Antonio Salieri, direttur tal-mużika tal-Qorti.

Matul dan il-perijodu ta’ formazzjoni, beda jikkomponi minkejja l-problemi fil-familja; missieru ma kienx iħallih immur id-dar għax ommu kienet qiegħda tmut (1811-1813). Schubert beda jikteb l-ewwel għall-pjanu (mill-1810), imbagħad mhux inqas minn tmien kwartetti għall-kordi, xi ouvertures u xi lieder. Fl-1812, sar l-istudent ta’ Salieri, li baqa’ jirrispetta għal ħajtu kollha. Fl-1813, taħt l-influwenza qawwija ta’ Haydn u Mozart imma fuq kollox ta’ Beethoven, ikkompona l-ewwel sinfonija; sentejn wara (Schubert kellu sbatax-il sena) ġew l-ewwel opra tiegħu, l-ewwel quddiesa u l-ewwel kapulavur tiegħu fil-qasam tal-lied : Margerita fuq ir-Raddiena tal-Għażil (Gretchen am Spinnrade) (19 ta’ Ottubru 1814.)

Ftiet snin wara, fl-1818, mar l-Ungerija, fejn sar l-għalliem tal-mużika tat-tfal tal-konti Esterházy. Reġa’ lura fl-1824.

Ħlief dan iż-żmien l-Ungerija u xi vjaġġi fl-Awstrija stess fosthom għal Graz, Linz, Steyer, Gmünden u Salzbourg, Schubert għadda l-ħajja qasira tiegħu Vjenna u meta telaq il-professjoni tiegħu ta’ għalliem u ta’ assistent ta’ missieru, kien joqgħod kważi il-ħin kollu għand il-ħbieb u ddedika ħajtu kollha għall-kompożizzjoni. Kien jorganizza laqgħat mużikali bejn il-ħbieb‚ li saru mlaqqma schubertiade fejn il-lieder tiegħu kellhom l-ewwel suċċess.

Fl-1822-23, Schubert qabditu s-sifilide, u saħħtu baqgħet sejra lura. Mill-mard tiegħu ħareġ mużika iżjed profonda u emoventi, iżjed qrib it-tbatija u l-mewt li kienu jhedduh (Il-Mewt u t-Tfajla, Vjaġġ Xitwi). Franz Schubert miet bit-tifu fid-19 ta’ Novembru 1828, sena u nofs wara Beethoven li kellu għalih, matul ħajtu kollha, rispett u ammirazzjoni bla-tarf.

Il-Mużika[editja]

Franz Schubert, pittura ta' Wilhelm August Rieder 1875

Fil-ħajja qasira tiegħu, Franz Schubert kien dejjem nieqes mill-flus, imma dan qatt ma kien jinkwitah, sakemm ħbiebu kienu lesti biex jgħinuh, kif hu kien dejjem lest biex jgħinhom. Għalkemm miet bit-tifu fl-età ta’ 31 sena biss, kellu żmien biżżejjed biex jikkomponi 'il fuq minn 1000 xogħol, fosthom xi 600 lied. Dawn tal-aħħar huma fost l-iżjed importanti mix-xogħlijiet tiegħu. Huma komposti fuq versi tal-ikbar poeti tal-ilsien Ġermaniż (Klopstock, Goethe, Schiller, Rückert, Heine), ta’ xi ħbieb tiegħu (Mayrhofer, Körner, Spaun, Schober, Senn, Collin, Schwind) jew poeti li baqgħu magħrufin minħabba l-lieder tiegħu (Müller). Il-baritonu Johann Michael Vogl, famuż ħafna f’dik l-epoka, sar ħabib u ammiratur ta’ Schubert, u għamel kontribuzzjoni qawwija biex il-lieder isiru magħrufin, bħal ma għamlu l-baruni Carl von Schönstein u l-kantanta Anna Milder. Xi lieder kellhom suċċess tremend.

Schubert kiteb għal kull forma mużikali, barra kunċerti. Minkejja li kien influwenzat ħafna minn Haydn u Mozart, il-mużika tiegħu baqgħet differenti. Il-kompożizzjonijiet qishom improvizzati, poetiċi u melodiċi ħafna, fihom sbuħija naturali u immaġinazzjoni kbira, imma fl-istess ħin jistgħu jkunu fantastiċi, tal-ħolm u sikwit ta’ qsim il-qalb, l-iżjed wara li l-kompożitur marad bla tama ta' fejqan.

L-importanza tal-mużika kommoventi tiegħu, li ġustament daż-żmien tintuża ħafna fiċ-ċinema, ma kinitx rikonoxxuta f’ħajtu; infatti ħafna xogħlijiet indaqqu għall-ewwel darba wara mewtu.

Nota fuq il-katalgu[editja]

In-numerazzjoni tradizzjonali tax-xogħlijiet ta’ Schubert qiegħda ftit ftit tinbidel għan-notazzjoni mogħtija fil-katalgu editjat minn Otto Erich Deutsch u ppubblikat għall-ewwel darba fl-1951. In-notazzjoni hi magħmula mill-ittra D segwita minn numru Għarbi u wara b’ittra żgħira jekk ikun hemm xi tibdil. Pereżempju D 759 tindika s-Sinfonija nru 8 "L-Inkompluta".

Kompożizzjonijiet prinċipali[editja]

Mużika għall-pjanuforti[editja]

  • Fantasija fuq Do maġġuri "Wanderer"' D 760
  • 4 Improvviżi op. 90 D 899
  • 4 Improvviżi op. 142 D 935
  • 15-il Sonata

Mużika da camera[editja]

Id-dar fejn miet Franz Schubert, Kettenbrückengasse 6, Vjenna.
  • Trio għal vjolin, vjola u vjolinċell fis-Si bemoll maġġuri D 581
  • Trio għal vjolin, vjola u vjolinċell fis-Si bemoll maġġuri D 471
  • Trii għal pjanuforti u kordi:
Trio għal pjanuforti, vjolin u vjolinċell nru 1 fis-Si bemoll maġġuri D 898
Trio għal pjanuforti, vjolin u vjolinċell nru 2 fil-Mi bemoll maġġuri D 929
Trio għal pjanuforti, vjolin u vjolinċell fis-Si bemoll maġġuri D 28 (Sonata)
Adagio għall-pjanuforti, vjolin u vjolinċell fil-Mi bemoll maġġuri D 897 (Notturn)
  • Kwartetti għall-kordi:
Kwartett għall-kordi nru 10 fil-Mi bemoll maġġuri D 087 (ippublikata wara mewtu 125)
Kwartett għall-kordi fis-Si bemoll maġġuri op. 168 D 112
Kwartett għall-kordi nru 12 fid-Do minuri D 703
Kwartett għall-kordi nru 13 fil-La minuri "Rożamunda" D 804
Kwartett għall-kordi nru 14 fir-Re minuri "Il-Mewt u t-Tfajla" D 810
Kwartett għall-kordi nru 15 fis-Sol maġġuri D 887 (ippublikata wara mewtu 161)
  • Sonata fil-La minuri għall-arpeggione, (vjolinċell) u pjanuforti D 821
  • Kwintett għall-pjanuforti u kordi fil-La maġġuri "It-Trota" op. 114 D 667
  • Kwintett għall-kordi fid-Do maġġuri D 956 (ippublikata wara mewtu 163)
  • Ottett fil-Fa maġġuri għall-klarinett, fagott, kornu, żewġ violini, vjola, vjolinċell u kuntrabaxx D 803 (ippublikata wara mewtu 166)

Mużika sagra[editja]

  • Quddiesa Ġermaniża fil-Fa maġġuri D 872
  • Quddiesa fil-La bemoll D 621
  • Stabat Mater
  • Magnificat D 486
  • Salve Regina
  • Ave Maria D 839

Mużika sinfonika[editja]

  • Sinfonija nru 1 fir-Re maġġuri D 82 (1813)
  • Sinfonija nru 2 fis-Si bemoll maġġuri D 125 (1815)
  • Sinfonija nru 3 fir-Re maġġuri D 200 (1815)
  • Sinfonija nru 4 fid-Do minuri "It-Traġika" D 417 (1816)
  • Sinfonija nru 5 fis-Si bemoll maġġuri D 485 (1816)
  • Sinfonija nru 6 fid-Do maġġuri "Iż-Żgħira" D 589 (1818)
  • Sinfonija nru 8 fis-Si minuri "L-Inkompluta" D 759 (1822)
  • Sinfonija nru 9 fid-Do maġġuri "Il-Kbira" (1825-1828)
  • Ouverture "Rożamunda prinċipessa ta’ Ċipru", musica di scena (1823)
  • Ouverture "fl-istil Taljan" fuq do maġġuri
  • Ouverture "Alfonsu u Estrella"

Mużika vokali[editja]

  • Margerita fuq ir-Raddiena tal-Għażil (Gretchen am Spinnrade ) D 118
  • Ir-Re tal-Elfi (Erlkönig) D 328
  • Minn kant fuq l-ilma (Auf dem Wasser zu singen) D 774
  • It-Tfajla Sbejħa tal-Mitħna (Die Schöne Müllerin ) D 795
  • Vjaġġ Xitwi (Winterreise) D 911
  • L-Għanja taċ-Ċinju (Schwanengesang) D 957

Opri liriċi[editja]

  • Alfonsu u Estrella
  • It-Tewmin
  • Fierrabras
  • L-Arpa Msaħħra
  • Claudine von Villa Bella

Ħoloq esterni[editja]