Caral

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Caral-Supe

Caral jew il-Belt Sagra ta' Caral-Supe hija sit arkeoloġiku fejn instabu l-fdalijiet tal-belt prinċipali taċ-ċivilizzazzjoni ta' Caral. Is-sit jinsab fil-Perù fil-Wied ta' Supe, qrib ir-raħal attwali ta' Caral, 182 kilometru fit-Tramuntana ta' Lima, 23 kilometru mill-kosta u 350 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.[1] Huwa stmat li s-sit għandu 5,000 sena u jitqies bħala l-eqdem belt fl-Amerka ta' Fuq u fl-Amerka t'Isfel, kif ukoll waħda mill-eqdem fid-dinja. L-ebda sit ieħor ma nstab b'daqstant diversità ta' binjiet monumentali jew b'daqstant funzjonijiet ċerimonjali u amministrattivi differenti fl-Amerki u li huma daqstant bikrin bħal Caral.[2] Caral tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[3]

Il-kultura ta' Caral żviluppat bejn it-3000 u l-1800 Q.K. (il-perjodi Arkajċi Aħħarin u Formattivi t'Isfel). Fl-Amerki, iċ-ċivilizzazzjoni ta' Caral hija l-eqdem fost iċ-ċivilizzazzjonijiet pre-Ispaniċi, u żviluppat 1,500 sena qabel iċ-ċivilizzazzjoni Olmec, li hija soċjetà Mesoamerikana kumplessa oħra.[4]

Closely related to the city of Caral was an early fishing city, Áspero jew El Áspero kienet belt bikrija tas-sajd li kellha rabta mill-qrib mal-belt ta' Caral. Din tinsab mal-kosta tal-Perù, qrib il-bokka tax-xmara Supe. Hemmhekk instabu l-fdalijiet ta' sagrifiċċji umani (żewġt itfal u tarbija tat-twelid), u iktar reċentement (fl-2016) instabu l-fdalijiet ta' mara, li x'aktarx kienet parti mill-elit lokali ta' 4,500 sena ilu.[5]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit ta' Caral kien abitat bejn wieħed u ieħor bejn is-seklu 26 Q.K. u s-seklu 20 Q.K.,[6] u s-sit jinkludi żona ta' iktar minn 60 ettaru (150 akru).[7] Caral ġie deskritt mill-iskavaturi tiegħu bħala l-eqdem ċentru urban fl-Amerki, stqarrija li iktar 'il quddiem ġiet sfidata peress li nstabu siti antiki oħra fil-qrib, pereżempju Bandurria, il-Perù. Is-sit kien jakkomoda iktar minn 3,000 abitant, u attwalment huwa l-iżjed sit ta' Norte Chico studjat fid-dettall kif ukoll l-ikbar wieħed minnhom.

Is-sit ġie rrikonoxxut bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009. Fil-bidu tal-2021, kien hemm tensjonijiet bejn okkupanti li sostnew li kellhom drittijiet fuq l-art u l-arkeologi li kienu qed jirriċerkaw is-sit, peress li l-kostruzzjoni ta' abitazzjoni qabżet iż-żona ta' lqugħ tas-sit.[8][9]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika ta' Caral

Il-Belt Sagra ta' Caral-Supe ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[3]

Sejbiet arkeoloġiċi[immodifika | immodifika s-sors]

Xi arkeologi u skavaturi jaħdmu fis-sit

Paul Kosok skopra s-sit arkeoloġiku ta' Caral fl-1948. Dak iż-żmien is-sit ma tantx ingħata attenzjoni peress li mal-ewwel daqqa t'għajn donnu ma kienx fih bosta mill-artefatti tipiċi li kienu nstabu f'siti arkeoloġiċi oħra fl-Andes.

Fl-1975, l-arkitett Peruvjan Carlos Williams ħejja reġistru dettaljat tal-biċċa l-kbira tas-siti arkeoloġiċi tal-Wied ta' Supe, u fosthom irreġistra lil Caral. Abbażi ta' dak li osserva fir-reġjun, huwa għamel xi osservazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-arkitettura fl-Andes.

Ruth Shady kompliet tesplora din il-belt antika madwar 4,000 sa 4,600 sena fid-deżert Peruvjan, flimkien mal-kumpless elaborat ta' tempji, l-anfiteatru u d-djar ordinarji. Il-kumpless urban huwa mifrux fuq 150 ettaru (370 akru) u fih pjazez u binjiet residenzjali. Caral kienet metropoli li kienet sejra tajjeb bejn wieħed u ieħor għall-ħabta tal-istess żmien meta kienu qed jinbnew il-Piramidi Eġizzjani fl-Eġittu.

Caral huwa l-ikbar sit irreġistrat fir-reġjun tal-Andes b'dati eqdem mill-2000 Q.K. u milli jidher kien mudell għad-disinn urban adottat miċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Andes li feġġew u li sfaxxaw matul medda ta' erba' millenji. Huwa maħsub li permezz tar-riċerka mwettqa f'Caral, tista' tinstab tweġiba għall-mistoqsijiet dwar l-oriġini taċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Andes u dwar l-iżvilupp tal-ewwel bliet.

Ġebla wieqfa jew huanca fis-sit ta' Caral

Fost l-artefatti li nstabu f'Caral hemm biċċa tessut bl-għeqiedi li l-iskavaturi tawha l-isem ta' quipu. Huma kitbu li l-artefatt huwa evidenza li s-sistema quipu ta' żamma tar-rekords, metodu li kien jinvolvi l-għeqiedi fit-tessuti u li kien laħaq l-ogħla żvilupp fl-Imperu Inka, kienet eqdem minn kwalunkwe oġġett li kwalunkwe arkeologu kien iddetermina qabel. Instabet evidenza li l-quipu jaf żamm rekord ta' informazzjoni logografika bl-istess mod bħalma jsir bil-kitba. Gary Urton issuġġerixxa li l-quipus kienu jagħmlu użu minn kodiċi binarju li seta' jżomm rekord tad-data fonoloġika jew logografika.

Kronoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

2800 Q.K.

2600 Q.K.: l-ewwel kostruzzjonijiet

2400 Q.K.

2300 Q.K.: tkabbir

2200 Q.K.: rikostruzzjoni

2100 Q.K.: rimudellar

2000 Q.K.

1800 Q.K.: abbandun

1600 Q.K.

Tempju prinċipali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kumpless tat-tempju prinċipali (bl-Ispanjol: Templo Mayor) huwa twil 150 metru (490 pied), huwa wiesa' 110 metri (360 pied), u huwa għoli 28 metru (92 pied). Id-data tal-kostruzzjoni tiegħu mhix magħrufa.

Soċjetà paċifika[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sejbiet ta' Shady jissuġġerixxu li l-kultura ta' Caral kienet soċjetà ġentili, imsejsa fuq il-kummerċ u d-divertiment. Ma nstabet l-ebda indikazzjoni ta' armi tal-gwerra, pereżempju battaljuni, armi, jew iġsma mmutilati f'Caral. Dan jikkuntrasta maċ-ċivilizzazzjoni iktar antika ta' Sechin Bajo fejn instabu immaġnijiet ta' armi. F'wieħed mit-tempji, instabu 32 flawt magħmula mill-għadam tal-kondors u tal-pellikani u 37 strument mużikali bikri magħmula mill-għadam taċ-ċriev u tal-llamas. Sejba partikolari żvelat il-fdalijiet ta' tarbija, imgeżwra u midfuna b'ġiżirana magħmula minn żibeġ tal-ġebel.[10]

Skop tas-sit[immodifika | immodifika s-sors]

Immaġni satellitari ta' Caral

Caral wassal biex jinbnew 19-il kumpless ieħor ta' tempji mifruxa tul erja ta' 90 kilometru kwadru (35 mil kwadru) tal-Wied ta' Supe.

Id-data tal-2627 Q.K. għal Caral hija bbażata fuq id-datazzjoni tal-karbonju tal-basktijiet tal-qasab u minsuġa li kienu jintużaw għall-ġarr u li nstabu fil-post. Dawn il-basktijiet kienu jintużaw għall-ġarr tal-ġebel għall-kostruzzjoni tat-tempji. Il-materjal kien kandidat eċċellenti għad-datazzjoni bi preċiżjoni għolja. Madankollu, is-sit jaf huwa saħansitra iktar antik, peress li għad hemm kampjuni mill-eqdem partijiet tal-iskavi li għadhom iridu jiġu datati.[11]

Caral kellu popolazzjoni ta' bejn wieħed u ieħor 3,000 ruħ. Madankollu, 19-il sit ieħor fiż-żona qrib Caral, jippermettu li l-popolazzjoni totali possibbli titla' saħansitra għal 20,000 ruħ li kellhom l-istess kultura fil-Wied ta' Supe. Dawn is-siti kollha għandhom similaritajiet ma' Caral, inkluż pjattaformi żgħar jew ċrieki tal-ġebel. Shady temmen li Caral kien il-punt ċentrali ta' din iċ-ċivilizzazzjoni, li kienet parti minn kumpless kulturali saħansitra ferm iktar kbir, u kien jagħmel kummerċ mal-komunitajiet kostali u mar-reġjuni iktar interni – jista' jkun, jekk ix-xbihat ta' xadini jitqies bħala indikazzjoni, saħansitra sal-Amazzonja.[10]

Ġeoglifiċi[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sena 2000, Marco Machacuay (il-kap tal-iskavi dak iż-żmien) u l-kollega tiegħu Rocío Aramburú skoprew għamla kbira inċiża mal-art fi ħdan linji ċirkolari tal-ġebel ħdejn Caral. Din l-immaġni, magħrufa bħala ġeoglifika, tinsab fuq l-art tad-deżert lejn il-Punent tas-sit prinċipali ta' Caral. Meta jiġu traċċati, il-linji jiffurmaw id-disinn ta' wiċċ ta' bniedem b'xagħar folt u twil, u b'ħalqu miftuħ beraħ.

Dan il-ġeoglifiku huwa simili għall-figuri li nstabu inċiżi mal-ħitan tal-ġebel f'sit imsejjaħ Cerro Sechín, fil-Wied ta' Casma xi 240 kilometru (150 mil) lejn it-Tramuntana. X'tirrappreżenta eżatt din il-figura mhuwiex ċar, iżda jingħad li ġiet kostruwita għall-ħabta tal-istess żmien ta' Caral u li kienet assoċjata ma' sit ċerimonjali fil-qrib magħruf bħala Chupacigarro.[12]

Strumenti mużikali[immodifika | immodifika s-sors]

Sejba sinifikanti oħra fis-sit kienet ġabra ta' strumenti mużikali, inkluż 37 strument mużikali bikri magħmula mill-għadam taċ-ċriev u tal-llamas, kif ukoll 33 flawt ta' kostruzzjoni mhux tas-soltu.[13] Il-flawti ġew datati bir-radjukarbonju għall-2170±90 Q.K.[10]

Konfigurazzjoni tal-Belt[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tas-sit arkeoloġiku

Il-belt ta' Caral kienet maqsuma f'żewġ sezzjonijiet, waħda ta' fuq u l-oħra t'isfel. Dawn iż-żewġ sezzjonijiet kienu diviżi b'mod naturali mill-Wied tax-xmara Supe. Fis-sezzjoni ta' fuq hemm sitt kumplessi monumentali, u kull wieħed minnhom jinkludi piramida, pjazza miftuħa, u assemblaġġ ta' binjiet residenzjali. Fis-sezzjoni t'isfel hemm il-binjiet residenzjali, piramidi żgħar u kumpless monumentali wieħed imsejjaħ "it-Tempju tal-Anfiteatru".[14]

Il-kumplessi tas-sezzjoni ta' fuq inbnew kollha madwar piramida. Dawn huma "t-Tempju l-Kbir/il-Piramida l-Kbira", "il-Piramida Ċentrali", "il-Piramida tal-Barriera", "il-Piramida Inferjuri", "il-Piramida tal-Gallerija", u "l-Piramida tal-Huanca". L-istrutturi residenzjali assoċjati madwar kull waħda minn dawn il-piramidi fihom evidenza ta' għajxien lussuż, inkluż fdalijiet tal-ikel li kienu jkunu esklużivi għall-istili ta' ħajja ta' lussu, bħal pereżempju l-għadam tal-iljuni tal-baħar. Fis-sezzjoni ta' fuq ta' Caral, bosta mir-residenti kienu għonja, u kellhom ħajjiet li x'aktarx kienu assoċjati ma' attivitajiet reliġjużi u soċjali li kienu jseħħu fit-tempji.

B'kuntrast, il-binjiet residenzjali fis-sezzjoni t'isfel fihom inqas evidenza ta' popolazzjonijiet tal-elit. Minflok l-istrutturi l-kbar u l-kumplessi residenzjali esklużivi għall-elit tas-sezzjoni ta' fuq, dawn ir-residenzi kienu iżgħar u kellhom kmamar uniċi li kienu jintużaw għal iktar minn skop wieħed. L-ikel li kienu jieklu n-nies li kienu jgħixu fis-sezzjoni t'isfel ta' Caral kien l-iktar pjanti agrikoli u xi ħut. Dan l-ikel kien inqas stravaganti minn dak tal-elit tas-sezzjoni ta' fuq.[14]

L-ispjegazzjoni attwali għall-belt maqsuma f'żewġ sezzjonijiet hija li l-belt kienet ippjanat b'dan il-mod apposta, bl-arkitettura u bil-kumplessi monumentali tas-sezzjoni ta' fuq iddisinjati biex jospitaw l-elit iżda wkoll biex ikunu indikaturi fiżiċi tal-poter tal-elit.[15] B'kuntrast, is-sezzjoni t'isfel kienet iddisinjata biex tospita lill-ħaddiema, u x-xmara kienet tintuża bħala diviżjoni bejn dawn il-gruppi. Din ix-xorta ta' ippjanar intenzjonali tal-belt hija evidenza ta' inugwaljanza strutturalizzata f'Caral li kienet tipperpetwa l-istratifikazzjoni soċjali eżistenti.[14]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Ubicación" (bl-Ispanjol). 2008-11-06. Miġbur 2022-08-13.
  2. ^ EMSE EDAPP, S.L. (2017). América precolombina. Cuna de grandes civilizaciones. Barċellona: Bonalletra Alcompas, S.L. ISBN 978-84-16330-40-9.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sacred City of Caral-Supe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-13.
  4. ^ "Kronoloġija, bcrp.gob.pe" (PDF).
  5. ^ PERÚ, Empresa Peruana de Servicios Editoriales S. A. EDITORA. "Descubren personaje femenino de élite enterrado hace 4,500 años en Áspero". andina.pe (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-08-13.
  6. ^ "Oldest evidence of city life in the Americas reported in Science, early urban planners emerge as power players | EurekAlert! Science News". web.archive.org. 2017-12-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-12-13. Miġbur 2022-08-13.
  7. ^ Fountain, Henry (2001-04-27). "Archaeological Site in Peru Is Called Oldest City in Americas" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-13.
  8. ^ "Squatters issue death threats to archaeologist who discovered oldest city in the Americas | World news | The Guardian". web.archive.org. 2021-01-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-01-03. Miġbur 2022-08-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ Staff, ScienceAlert (2021-01-20). "The Oldest City in The Americas Is an Archeological Wonder, And It's Under Invasion". ScienceAlert (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-13.
  10. ^ a b ċ Shady, R. Haas, J. Creamer, W. (2001). Dating Caral, a Pre-ceramic Site in the Supe Valley on the Central Coast of Peru. Science. 292:723-726.
  11. ^ "Civilization lost?". Christian Science Monitor. 2002-01-03.
  12. ^ Atwood, Roger. "A Monumental Feud." Archaeology. Lulju/Awwissu 2005, Vol. 58, Ħarġa 4, pp. 18-25.
  13. ^ "First City in the New World? | History & Archaeology | Smithsonian Magazine". web.archive.org. 2013-03-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-03-02. Miġbur 2022-08-13.
  14. ^ a b ċ Solis, Ruth Shady (2006), "America's First City? The Case of Late Archaic Caral", Andean Archaeology III, Boston, MA: Springer US, pp. 28–66.
  15. ^ Pezo‐Lanfranco, Luis; Machacuay, Marco; Novoa, Pedro; Peralta, Rodolfo; Mayer, Elver; Eggers, Sabine; Shady, Ruth (2021-11-25). "The diet at the onset of the Andean Civilization: New stable isotope data from Caral and Áspero, North‐Central Coast of Peru". American Journal of Biological Anthropology. 177 (3): 402–424.