Alexander Wolszczan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Alexander Wolszczan
Ħajja
Twelid Szczecinek, 29 April 1946 (77 sena)
Nazzjonalità Polonja
Residenza Stati Uniti tal-Amerka
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Nicolaus Copernicus f'Toruń
Livell tal-edukazzjoni grad ta' professur xjentifiku
abilitazzjoni universitarja
dottorat
Studenti dottorali Maciej Konacki (en) Translate
Lingwi Pollak
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni astrofiżiku
professur
Impjegaturi Università ta' Nicolaus Copernicus f'Toruń
Università ta' Cornell
Università Statali ta' Pennsylvania
Premjijiet
Sħubija L-Akkademja Polakka tax-Xjenza
Unjoni Astronomika Internazzjonali

Alexander jew Aleksander Wolszczan [pronunzja: alɛkˈsandɛr ˈvɔlʂt͡ʂan] (twieled fid-29 ta' April 1946) huwa astronomu Pollakk. Huwa skopra ma' ħaddieħor l-ewwel pjaneti barra s-sistema solari u l-ewwel pjaneti pulsar.

Ħajja bikrija u edukazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Wolszczan twieled fid-29 ta' April 1946 f'Szczecinek li llum tinsab fir-reġjun tal-Punent tal-Pomeranja, il-Polonja; fis-snin 50 tas-seklu 20 il-familja tiegħu marret tgħix f'Szczecin. Missieru, Jerzy Wolszczan, kien jgħallem ix-xjenza ekonomika fl-eks Istitut Politekniku ta' Szczecin (li attwalment sar l-Università tat-Teknoloġija tal-Punent tal-Pomeranja) u ommu, Zofia, kienet taħdem għall-Għaqda tal-Kittieba Pollakki. L-interess bikri tiegħu fl-astronomija ġie ispirat minn missieru li kien jirrakkontalu l-istejjer u l-miti marbuta mal-kostellazzjonijiet tal-istilel. Meta kellu seba' snin diġà kien tgħallem l-affarijiet bażiċi tal-astronomija. Huwa kien josserva s-sema billejl b'teleskopju żgħir li bena hu stess. Huwa ggradwa mill-Iskola Postsekondarja ta' Stefan Czarniecki VI f'Szczecin.[1]

Karriera xjentifika[immodifika | immodifika s-sors]

Wolszczan kiseb Masters fix-Xjenza fl-1969 u Dottorat fl-1975 fl-Università ta' Nicolaus Copernicus f'Toruń, il-Polonja. Bejn l-1969 u l-1973 ħadem fid-Dipartiment tar-Radjoastronomija tal-Istitut tal-Astronomija. Fl-1973, bħala assistent għoli, huwa mar Bonn biex jitħarreġ fl-Istitut ta' Max Planck għar-Radjoastronomija. Mill-1979 sal-1982 huwa ħadem fiċ-Ċentru Astronomiku tal-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi f'Toruń, u fl-1982 huwa mar jgħix fl-Istati Uniti biex jaħdem fl-Università ta' Cornell u ta' Princeton. Iktar 'il quddiem huwa sar professur tal-astronomija fl-Università Statali ta' Pennsylvania. Mill-1994 sal-2008, huwa kien ukoll professur fl-Università ta' Nicolaus Copernicus. Huwa membru tal-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi.

Flimkien ma' Dale Frail, Wolszczan wettaq osservazzjonijiet astronomiċi mill-Osservatorju ta' Arecibo fi Puerto Rico, li wassluhom biex jiskopru l-pulsar PSR B1257+12 fl-1990. Fl-1992 urew li l-pulsar kienet orbitata minn żewġ pjaneti, b'mases li inizjalment ġew ivvalutati 3.4 u 2.8 darbiet il-massa tad-Dinja. Ir-raġġ tal-orbiti tagħha kien 0.36 u 0.47 AU rispettivament. Din kienet l-ewwel skoperta kkonfermata ta' pjaneti 'l barra mis-sistema solari (sat-2 ta' Ġunju 2021, kienu magħrufa 4,401 pjaneta simili).[2] Wolszczan ħabbar is-sejbiet tiegħu fl-1992 matul il-Laqgħa tas-Soċjetà Astronomika Amerikana f'Atlanta. Sentejn wara huwa ppubblika r-riżultati tal-iskoperta tiegħu u ntgħażel mill-ġurnal Nature bħala l-awtur ta' waħda minn 15-il skoperta fundamentali fil-qasam tal-fiżika. Minkejja xi diżgwidi inizjali ma' diversi esperti, illum il-ġurnata l-iskoperta tiegħu titqies bħala kkonfermata għalkollox. L-astronomu Bohdan Paczyński sejħilha "l-ikbar skoperta minn astronomu Pollakk minn żmien Copernicus".[3] Fl-1998, ir-rivista Astronomy inkludiet l-iskoperta tiegħu fost L-Aqwa 25 Skoperta Astronomika ta' Kull Żmien. Fl-Osservatorju ta' Arecibo, Wolszczan ikkollabora wkoll ma' Joseph H. Taylor Jr u wettaq riċerka dwar il-pulsars tal-millisekondi.[4]

Fl-2003, Maciej Konacki u Wolszczan iddeterminaw l-inklinazzjonijiet orbitali taż-żewġ pjaneti pulsar, u wrew li l-mases reali kienu madwar 3.9 u 4.3 darbiet il-massa tad-Dinja rispettivament.

Fl-2007, Wolszczan kien parti wkoll minn tim Pollakk ta' astronomi mmexxi minn Andrzej Niedzielski li sab pjaneta oħra 'l barra mis-sistema solari, HD 17092 b, li kienet qed torbita mal-istilla HD 17092.[5]

Fl-2012, Matthew Route u Wolszczan individwaw tifqigħat ta' radjufrekwenzi emessi minn 2MASS J10475385+2124234 permezz tal-Osservatorju ta' Arecibo. T6.5 għandha temperatura ta' 800-900 K, u b'hekk hija l-iżjed oġġett substellari biered magħruf li jemetti r-radjufrekwenzi.[6] Il-kamp manjetiku tagħha huwa iktar b'saħħtu minn 1.7 kG. Fl-2016, it-tim skopra l-iżjed nanu kannella bl-iktar rotazzjoni rapida, imsejjaħ T6 WISEPC J112254.73+255021.5.[7] Ir-rotazzjoni tiegħu jaf lanqas iddum iktar minn 17-il minuta. Fl-2017, Wolszczan ingħata l-Medalja ta' Bohdan Paczyński mis-Soċjetà Astronomika Pollakka.[8]

Wolszczan huwa membru ta' bosta assoċjazzjonijiet xjentifiċi li jinkludu: l-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi, is-Soċjetà Astronomika Amerikana, l-Assoċjazzjoni Amerikana għall-Avvanz tax-Xjenzi, l-Unjoni Internazzjonali tar-Radjuxjenza, l-Unjoni Astronomika Internazzjonali, u l-Istitut Pollakk tal-Arti u Xjenzi tal-Amerka.

Rikonoxximent[immodifika | immodifika s-sors]

Alexander Wolszczan.

Fl-Università Statali ta' Pennsylvania, Wolszczan kellu t-titlu ta' Evan Pugh bħala Professur tal-Astronomija u l-Astrofiżika.[9] Malli rtira fl-2024, huwa ngħata t-titlu ta' Atherton bħala Professur.[10]

Fl-1992 Wolszczan rebaħ il-Premju tal-Fondazzjoni Pollakka għax-Xjenza. Fl-1996, huwa ngħata l-Premju Beatrice M. Tinsley mis-Soċjetà Astronomika Amerikana, u fl-1997 il-President Pollakk Aleksander Kwaśniewski tah is-Salib tal-Kmandant tal-Ordni ta' Polonia Restituta għall-kontributi straordinarji għax-xjenzi fil-Polonja. Fl-2002, huwa deher fuq bolla postali Pollakka (bħala parti minn sensiela ta' 16-il bolla, bit-titlu "Millenju Pollakk", li jiġbru fil-qosor l-aħħar 1,000 sena ta' storja, kultura u xjenza fil-Polonja).[11]

Fl-2006, Wolszczan uffiċjalment sar ċittadin onorarju ta' Szczecin. Fl-2007, Jan Sosiński dderieġa film dokumentarju dwar il-ħajja u x-xogħol xjentifiku ta' Wolszczan bit-titlu Gwiazdor - Aleksander Wolszczan.

Huwa ġie elett Membru tal-Legat tas-Soċjetà Astronomika Amerikana fl-2020.

Kontroversja[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2008 Gazeta Prawna żvelat li mill-1973 sal-1981 Wolszczan kien spjun (bil-kodiċi "Lange") ta' Służba Bezpieczeństwa fl-era Komunista Pollakka. Huwa kkonferma din l-istqarrija, iżda saħaq li huwa kien qed jgħaddi informazzjoni mhux importanti biss, li normalment kienet magħrufa pubblikament, u li qatt ma għamel ħsara lil ħadd. Dan ħoloq kontroversja sħiħa fil-mezzi tax-xandir Pollakki, u wasslet biex jirriżenja mill-Università ta' Nicolaus Copernicus f'Toruń.[12][13][14]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Program Absolwent UMK". web.archive.org. 2017-11-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-11-07. Miġbur 2024-04-21.
  2. ^ "NASA Exoplanet Archive". exoplanetarchive.ipac.caltech.edu. Miġbur 2024-04-21.
  3. ^ "Prominent Poles". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2004-11-21. Miġbur 2024-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "The 25 Greatest Astronomical Findings of All Time | Tomorrow's Professor Postings". web.archive.org. 2017-04-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-04-13. Miġbur 2024-04-21.
  5. ^ "Prof. Aleksander Wolszczan - Poland.pl". web.archive.org. 2017-10-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-10-06. Miġbur 2024-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ Route, M.; Wolszczan, A. (10 March 2012). "The Arecibo Detection of the Coolest Radio-flaring Brown Dwarf". The Astrophysical Journal Letters. 747 (2): L22.
  7. ^ Route, M.; Wolszczan, A. (20 April 2016). "Radio-flaring from the T6 Dwarf WISEPC J112254.73+255021.5 with A Possible Ultra-short Periodicity". The Astrophysical Journal Letters. 821 (2): L21.
  8. ^ "Profesor Aleksander Wolszczan laureatem Medalu Bohdana Paczyńskiego". www.pta.edu.pl. 2017-09-12. Miġbur 2024-04-21.
  9. ^ "Vagabond planets may be drifting in space - UPI Archives". UPI (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-21.
  10. ^ "Alexander Wolszczan named Atherton Professor | Eberly College of Science". science.psu.edu. Miġbur 2024-04-21.
  11. ^ "Penn State Eberly College of Science -- Wolszczan Featured on Polish Millennium Stamp Set". web.archive.org. 2008-02-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-02-15. Miġbur 2024-04-21.
  12. ^ "Rektor UMK przyjął rezygnację prof. Wolszczana". www.gazetaprawna.pl (bil-Pollakk). 2008-10-13. Miġbur 2024-04-21.
  13. ^ S.A, Wirtualna Polska Media. "Wiadomości z kraju i ze świata – wszystko co ważne – WP". wiadomosci.wp.pl (bil-Pollakk). Miġbur 2024-04-21.
  14. ^ "Wolszczan agentem kontrwywiadu PRL? - rp.pl". web.archive.org. 2015-07-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-24. Miġbur 2024-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)