Ħajjat
Ħajjat huwa xi ħadd li jagħmel, isewwi, jew ibiddel il-ħwejjeġ b'mod professjonali, speċjalment l-ilbiesi u l-ħwejjeġ tal-irġiel.
Għalkemm it-terminu ħajjat imur lura għas-seklu tlettax, ħa t-tifsira moderna tiegħu fl-aħħar tas-seklu tmintax, u llum-il-ġurnata jirreferi għal dawk li jagħmlu lbiesi, kowtijiet, qliezet, u ħwejjeġ simili għall-irġiel u n-nisa, ġeneralment magħmula minn drappijiet tas-suf, tal-għażel, jew tal-ħarir.
Dan it-terminu għalhekk jirreferi għal sett ta' tekniki speċifiċi tal-ħjata bl-idejn u bil-magna u tekniki tal-mogħdija li huma uniċi għall-kostruzzjoni ta' ġlekkijiet tradizzjonali. Il-ħajjata ta' daqs żgħir u medju li jbigħu bl-imnut spiss jipprovdu s-servizzi tagħhom b'mod internazzjonali, billi l-ħajjata u t-taljaturi jivvjaġġaw lejn diversi bliet, jiltaqgħu mal-klijenti fuq il-post, jieħdu l-qisien tagħhom fuq vjaġġ, u jippruvaw il-libsa fuq vjaġġ ieħor u mbagħad ifornuhom bil-libsa mingħajr l-inkonvenjent li l-klijent ikollu joqgħod jivvjaġġa hu stess. Anke negozji żgħar ta' ħajjata li m'għandhomx portata internazzjonali xi drabi jivvjaġġaw minn belt għal oħra f'pajjiżhom stess, u għadd imdaqqas ta' ħajjata jżuru lill-klijenti fuq il-postijiet tax-xogħol jew fid-djar tagħhom.
Fir-Renju Unit, is-sengħa tal-ħjata tradizzjonali tissejjaħ "ħjata fuq l-ordni", fejn il-qalb ta' din is-sengħa tinsab f'Savile Row, Londra. Fl-Istati Uniti u f'Hong Kong din tissejjaħ "ħjata personalizzata". Din mhix bħall-ħjata bil-qies li tibbaża fuq mudelli li jeżistu diġà u li relattivament ftit li xejn jissodisfaw il-preferenzi ta' stil individwali. Libsa fuq l-ordni ta' veru hi kompletament oriġinali u unika għal kull klijent. Madankollu, ħafna minn dawk li jagħmlu l-ilbiesi mhux dejjem jużaw it-terminu "fuq l-ordni" skont id-definizzjoni oriġinali stretta tiegħu u l-battalja legali biex jiġi evitat dak li darba kien meqjus bħala użu ħażin tad-deskrizzjoni issa ntilfet.
Ħajjata fittizji famużi jinkludu l-ħajjata f'The Tailor of Gloucester, The Emperor’s New Clothes u The Valiant Little Tailor . Eżempju aktar reċenti huwa The Tailor of Panama ta' John le Carré .
Tipi
[immodifika | immodifika s-sors]Hekk kif evolviet is-sengħa tal-ħjata, ġew żviluppati wkoll il-metodi tagħha. Hemm numru ta mudelli ta' negozju distintivi li l-ħajjata moderni jistgħu jipprattikaw. Filwaqt li xi wħud jipprattikaw ħafna mudelli, hemm oħrajn li jipprattikaw wieħed jew tnejn biss. Barra minn hekk, ħafna ditti tal-ħjata, partikolarment f'partijiet tal-Ewropa tal-Punent (inkluż ir-Renju Unit) għandhom stili individwali distintivi li huma magħrufa sew għalihom mill-utenti midħla tas-servizzi tal-ħjata.
Ħjata lokali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ħjata lokali hi kif jimplika l-isem. Tipikament, dak li jkun jiltaqa' mal-ħajjat lokalment u l-libsa tiġi prodotta lokalment. B'dan il-metodu l-ħajjat ikun jista' jieħu l-qisien b'mod professjonali, jivvaluta l-qagħda u l-forma tal-ġisem biex jagħmel modifiki uniċi fil-libsa. Il-ħajjata lokali tipikament ikollhom ħanut fejn il-klijenti jmorru jagħżlu d-drappijiet minn kampjuni jew fejn jirritornaw il-libsa faċilment jekk ikollha bżonn ta' iktar tibdil. Din hija l-iktar forma tradizzjonali tas-sengħa tal-ħjata. Il-Ħajjata ta' Hong Kong u ta' Londra huma l-iktar famużi għall-ħjata fuq l-ordni ta' kwalità għolja. Tipikament, il-klijent imur jipprova l-libsa darbtejn jew tlieta u tieħu bejn 50 u 70 siegħa xogħol biex titlesta. Madankollu, fl-Ingilterra (bħal fl-Italja u fi Franza), għal libsa fuq l-ordni mill-aqwa l-klijenti jaf ikollhom jistennew diversi ġimgħat bejn l-ewwel prova u r-riżultat finali, filwaqt li l-proċess fil-Lvant Imbiegħed ħafna drabi huwa ħafna aktar mgħaġġel.
Ħjata mill-bogħod
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ħjata mill-bogħod tinvolvi ordni ta' libsa minn ħajjat li jinsab barra mill-belt u dan jagħti lok għal spejjeż tax-xogħol iktar baxxi. Fil-prattika, dan issa jista' jsir fuq skala globali permezz ta' siti web tal-kummerċ elettroniku. B'differenza għall-ħjata lokali, il-klijenti jridu jieħdu l-qisien huma stess, iridu jagħżlu d-drapp minn ritratt u jekk il-libsa jkollha bżonn xi tibdil, ikollhom jibagħtuha lura bil-posta. Illum, l-iktar pjattaforma komuni għall-ħjata mill-bogħod hija permezz ta' ħajjata online.
Il-ħajjata online xi drabi joffru li jħallsu għat-tibdil li jkun hemm bżonn għand ħajjat lokali. Għażla oħra ġdida hija l-kunċett ta' libsa-prototip li ssir bla ħlas u skont il-qisien ipprovduti. Din tintbagħat lill-klijent li mbagħad ikun jista' jipprovaha u jilbisha biex jara fejn ikollu bżonn xi aġġustamenti. Il-libsa finali mbagħad titfassal skont l-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda pprovduti bil-prova tal-libsa-prototip.
Ħajjat li jivvjaġġa
[immodifika | immodifika s-sors]B'differenza għall-ħajjata li jieħdu ordnijiet mill-bogħod, il-ħajjata li jivvjaġġaw jipprovdu servizz aktar personali lill-klijenti tagħhom u jagħtu lill-klijenti opportunità biex jaraw il-kampjuni tad-drappijet u jiltaqgħu mal-ħajjat personalment. Il-ħajjata li jivvjaġġaw jivvjaġġaw bejn l-ibliet u jieqfu f'lukanda lussuża lokali għal perjodu qasir ta' żmien biex jilħqu u jipprovdu l-istess kwalità tas-servizz ta' ħjata li jipprovdu fil-ħanut lokali tagħhom. Fil-lukanda, il-klijent ikun jista' jagħżel id-drapp mill-kampjuni u l-ħajjat jieħu l-qisien huwa stess. L-ordni mbagħad tintbagħat lill-klijent fi żmien 3-4 ġimgħat. B'differenza għall-ħjata lokali, jekk ikun hemm bżonn ta' aktar tibdil, il-libsa trid tintbagħat lura bil-posta. Illum, il-biċċa l-kbira tal-ħajjata li jivvjaġġaw huma minn Hong Kong, u jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, l-Awstralja u l-Ġappun.
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-prezzijiet ivarjaw ħafna fl-industrija tal-ħjata. Il-prezzijiet mitluba għal ilbiesi fuq l-ordni mill-ħajjata f'Savile Row, kif ukoll dawk mill-ħajjata ewlenin tal-haute couture f’Pariġi, mhumiex għall-but tal-biċċa l-kbira tan-nies ordinarji li jaħdmu, lanqas dawk minn pajjiżi sinjuri. Fortunatament, l-ilbiesi prodotti bil-massa mill-fabbriki, għalkemm huma ta' kwalità inferjuri meta mqabbla ma' kapolavuri artiġjanali bħal dawn, jiġu bi prezzijiet aktar favorevoli għall-but ta' ħafna nies aktar modesti.
Termini relatati
[immodifika | immodifika s-sors]- Professjonist tal-ħjata huwa l-iktar terminu ġenerali għal dawk li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-ħjata, mit-tagħlim, mill-kitba dwar il-ħjata, jew mill-bejgħ bl-imnut tal-provvisti tal-ħjata. Jistgħu jaħdmu barra mid-dar tagħhom, fi studio, jew f'ħanut, u jistgħu jaħdmu part-time jew full-time. Jistgħu jkunu kwalunkwe waħda minn dawn is-subspeċjalitajiet li ġejjin:
- Merkant tal-ħwejjeġ iħit ilbiesi personalizzati, skont l-ordni, li jissodisfaw li-ħtiġijiet u l-preferenzi ta' klijent individwali.
- Ħajjat li jaħdem fuq l-ordni jispeċjalizza fl-ilbies tan-nisa, inklużi lbiesi ta' kuljum, ilbiesi intieri (ġlekk u qalziet jew dublett), ilbiesi għal filgħaxija jew tat-tiġijiet, ħwejjeġ sportivi jew ħwejjeġ ta' taħt.
- Ħajjat tas-sengħa jagħmel ġlekkijiet u qliezet personalizzati tal-irġiel.
- Taljatur jaqta', minn tulijiet ta' drapp, il-biċċiet li jiffurmaw libsa. Fil-ħjata fuq l-ordni, it-taljatur jista' wkoll jieħu l-qisien tal-klijent, jagħtih parir dwar l-għażliet tal-istil, u jikkummissjona lil nies tas-sengħa biex iħitu l-libsa.[2]
- Speċjalist tat-tibdil jew tal-alterazzjonijiet jaġġusta l-qatgħa tal-ħwejjeġ lesti, ġeneralment mixtrija minn ħanut, jew jagħtihom stil differenti. Tajjeb li tinnota li filwaqt li l-ħajjata kollha jistgħu jagħmlu l-alterazzjonijiet, mhux dawk kollha li jagħmlu l-alterazzjonijiet jafu jagħmlu libsa mill-bidu sal-aħħar.
- Id-disinjaturi jikkonċepixxu l-linja, il-proporzjon, il-kulur u n-nisġa għal ħwejjeġ maħsuba. Jista' jkollhom ħiliet fil-ħjata jew fit-tfassil tal-ħwejjeġ jew le, u jistgħu jpinġu jew jikkonċettwalizzaw il-ħwejjeġ biss. Huma jaħdmu ma' nies li jafu tabilħaqq kif jagħmlu libsa.
- Il-fassala jfasslu fuq il-mejda b'mod ċatt (bidimenzjonali) il-forom u d-daqsijiet ta' ħafna biċċiet ta' libsa bl-idejn, permezz tal-karti u għodod tal-kejl jew permezz tal-kompjuter b'software bbażat fuq l-AutoCAD, jew billi jgewżru l-musulina fuq bust ta' libsa (b'mod tridimenzjonali). Il-biċċiet tal-mudell li jirriżultaw għandhom ikunu skont id-disinn maħsub tal-libsa u għandhom jiġu lil min hu maħsub jilbisha.
- Konsulent tal-moda, jew Stilista tirrakkomanda stili u kuluri li jixirqu lill-klijent.
- Ħajjata hi persuna li tħit il-biċċiet flimkien jew li taħdem bħala operatur ta' magna f'fabbrika li jista' ma jkollhiex il-ħiliet biex tagħmel il-ħwejjeġ "mill-bidu" jew biex tagħmilhom skont il-qies. Dan it-terminu mhuwiex sinonimu għal ħajjata ta' lbies tan-nisa. Ħajjata tajba tista' twettaq xogħol imprezzabbli f'negozju tal-ħjata bl-idejn.
- The Butcher and the Tailor's Wife
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "House of Dapper — het verhaal van een echte boutique tailor in Rotterdam". House of Dapper (bl-Olandiż). Miġbur 2022-12-31.
- ^ Jake (2010-05-26). "Cad and the Dandy's London Cut". Miġbur 2022-12-31.