Wied ta' Madriu-Perafita-Claror
Il-Wied ta' Madriu-Perafita-Claror (bil-Katalan: Vall del Madriu-Perafita-Claror) huwa wied glaċjali fix-Xlokk tal-Prinċipat ta' Andorra. Il-wied ikopri erja ta' 42.47 km², madwar 9 % tal-erja totali ta' Andorra, u huwa parti mit-tieni l-ikbar baċir tal-iskular f'Andorra. Il-wied iżolat huwa magħruf bħal post kenni għal organiżmi selvaġġi rari u mhedda, u n-nuqqas ta' żvilupp fil-wied dan l-aħħar ġie meqjus bħala l-"qalba spiritwali" ta' Andorra. Huwa l-uniku Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-pajjiż, u ġie estiż kemxejn fl-2006 wara li tniżżel fil-lista fl-2006.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-wied huwa pajsaġġ glaċjali, b'mergħat għolji, irdumijiet mimlija qċaċet, u widien weqfin kollha boskijiet. Huwa kkonfinat minn ktajjen muntanjużi fin-Nofsinhar, fil-Lvant u fil-Punent, u l-katina muntanjuża fin-Nofsinhar tinsab tul il-fruntiera ma' Spanja. Barra minn hekk, hemm skarpata, jiġifieri telgħa wieqfa twila f'tarf biċċa art watja, li tkompli sejra fil-Wied ta' Valira fit-Tramuntana. Il-Wied ta' Madriu-Perafita-Claror huwa iżolat mill-bqija ta' Andorra, u jista' jintlaħaq biss bil-mixi minn mogħdijiet apposta. Diversi rifuġji, għelieqi mtarrġin, mogħdijiet, u l-fdalijiet ta' impjant tal-ħadid juru l-modi kif ir-riżorsi naturali fil-għoli tal-Pirinej kienu jintużaw mill-abitanti lokali tul perjodu ta' iktar minn 700 sena, permezz ta' bidliet fil-klima, fil-prosperità ekonomika u fl-istrutturi soċjali.
Żewġ insedjamenti żgħar, Entremesaigües u Ramio, jinsabu fl-art dejqa tal-wied. It-tnejn li huma kienu insedjamenti li fihom l-abitanti kienu jgħixu s-sena kollha sal-aħħar 50 sena, iżda issa t-tnejn li huma jgħixu fihom in-nies fis-sajf biss. B'kollox hemm 12-il dar, li nbnew mill-granit lokali b'soqfa tal-iskist. Kull dar għandha matmura kbira għall-ħżin taż-żrieragħ u tal-ħuxlief. Id-djar u ż-żoni tal-madwar ta' ħdejn l-insedjamenti huma l-uniċi żoni b'sjieda privata, u jirrappreżentaw 1 % biss tal-erja tal-wied.
L-insedjamenti huma mdawra b'għelieqi mtarrġin, li fl-imgħoddi kienu jintużaw għat-tkabbir tal-qamħ u tas-segala, iżda issa jintużaw l-iktar għar-ragħa. L-għelieqi fil-għoli nett issa qed jiġu maħkuma mill-foresti, li jkopru wkoll iż-żoni għat-telgħa jew għan-niżla fejn fil-Medju Evu kienu jitkabbru d-dwieli. Il-foresti, b'sjieda komunali wkoll, kienu jiġu ġestiti għall-produzzjoni tal-faħam u tal-karbonju sas-seklu 19.
Fil-wied kien jiġi mdewweb il-ħadid, bl-użu tal-minerali tal-ħadid lokali, max-xtut tax-xmara Madriu. Il-fonderija, l-hekk imsejħa fonderija bi stil Katalan tipika tal-Pirinej, ġiet abbandunata fl-1790.
Il-mergħat għoljin kienu jirgħu fihom in-nagħaġ, il-baqar u ż-żwiemel fis-sajf, b'sjieda komunali tal-art minn żmien il-Medju Evu. Ir-rgħajja kienu jqattgħu s-sajf f'borders, li kienu għorfiet żgħar b'soqfa tat-turf. Il-ħalib tal-annimali kien jintuża għall-produzzjoni tal-ġobon.[1]
Hemm diversi mogħdijiet u passaġġi li jikkollegaw il-wied ma' Roussillon fil-Lvant, ma' Languedoc fit-Tramuntana, u mal-Katalonja fin-Nofsinhar. Xi mogħdijiet pavimentati b'ħaġar ċatt jikkollegaw il-wied maċ-ċentru ta' Andorra.
Wara perjodu fejn bosta mill-istrutturi eżistenti fil-wied kienu ġew mitluqa, fosthom l-għorfiet tar-rgħajja, il-mogħdijiet pavimentati, u l-ħitan tas-sejjieħ ta' konfini fl-għelieqi, f'dawn l-aħħar snin dawn ġew irrestawrati. Ma hemm l-ebda pjan li tinbena triq ta' aċċess fil-wied, u huwa maħsub li l-art tiġi żviluppata bħala żona distinta għat-trobbija tal-bhejjem ta' kwalità għolja u għal turiżmu limitat.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Wied ta' Madriu-Perafita-Claror ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Madriu-Perafita-Claror Valley". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-04.