Vinċenz Ferrer

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

San Vinċenz Ferrer (1350 – 1419) kien patri Dumnikan.

San Vinċenz twieled f’Valenzja, Spanja, fl-1350, u kien ta’ nisel Ingliż jew Skoċċiż. Fl-1367, meta kellu sbatax-il sena, daħal mad-Dumnikani. Ġie ordnat saċerdot mill-Kardinal Pietru de Luna, u ftit snin wara ġie magħżul Pirjol tal-Kunvent tad-Dumnikani, f’Valenzja.

Fi żmien żewġ Papiet[immodifika | immodifika s-sors]

Fi żmien meta fil-Knisja kien hemm żewġ Papiet, Klement VII, f’Avignon, u Urbanu VI, f’Ruma, San Vinċenz kien jaħseb li Klement VII kien il-veru Papa, għax kien influwenzat mill-Kardinal de Luna li kien iżomm miegħu. Fl-istess waqt Santa Katarina ta’ Siena kienet iżomm mal-Papa Urbanu VI.

Meta Klement VII miet, il-Kardinal de Luna laħaq floku bl-isem ta’ Benedittu XIII, u San Vinċenżamm miegħu. Għal ħafna snin, San Vinċenz iddedika ruħu għal priedki u ġera f’ħafna pajjiżi, barra Franza, mar Spanja, l-Isvizzera, l-Italja, il-Ġermanja, l-Ingilterra u pajjiżi oħra. Kien jippriedka l-iktar fuq in-Novissimi, u kien ikollu udjenzi enormi u ħafna konverżjonijiet.

Ix-xiżma fil-Knisja nkwetatu ferm, u ta sehmu sakemm raha tispiċċa.Fl-1414,, il-Konċilju ta’ Kostanza, talab lill-Papiet jirriżenjaw biex ikun hemm l-għaqda fil-Knisja. San Girgor XII irreżenja, iżda Benedittu XIII, ma riedx. Meta San Vinċenz ra li Benedittu XIII ma riedx jirriżenja, ma baqax iżomm iktar miegħu, anzi darba, meta kien marid mejjet, f’laqgħa li fiha kien qed jippresiedi Benedittu XIII, iddenunzjah b’ħiltu kollha.

Kien hu wkoll li ta’ parir lir-Re Federiku ta’ Aragona biex ma jkomplix jappoġġa lil Benedittu. Fl-aħħar Benedittu ġie mneħħi u hekk ix-xiżma spiċċat fl-1416 meta ġie elett il-Papa Martin V.

Tliet snin wara San Vinċenz miet f’Vannes, Franza, fil-5 t’April 1419.