Václav Havel

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Václav Havel (pronunzjat bil-lingwa Ċeka: [ˈvaːtslav ˈɦavɛl]; 5 ta’ Ottubru 1936 - 18 ta’ Diċembru 2011) kien statista, awtur, poeta, drammaturgu u dissident. [1] [2] Havel serva bħala l-aħħar president Ċekoslovakk mill-1989 sal-1992. Mill-1993 sal-2003 sar l-ewwel president Ċek li ġie elett demokratikament wara l-waqgħa tal-komuniżmu. Bħala kittieb, huwa magħruf għad-drammi, għall-esejs u għall-memoirs tiegħu biċ-Ċek.

L-ewwel suċċessi letterarji tiegħu kienu bħala drammaturgu. F’xogħlijiet bħal The Garden Party u The Memorandum, Havel uża stil assurd sabiex jikkritika s-sistema komunista. Hu beda jkun aktar involut fil-politika u għen biex jitwaqqfu inizjattivi għad-dissendenti, bħaċ-‘Charter 77’ u l-Kumitat għad-Difiża għal min jiġi kkundanat inġustament, wara li kien ipprotesta fir-Rebbiegħa ta' Praga u tniżżel fil-lista s-sewda wara l-Patt ta’ Varsavja għall-invażjoni taċ-Ċekoslovakkja. L-attivitajiet politiċi tiegħu wasslu għas-sorveljanza mill-Pulizija Sigrieta, l-StB, u qatta’ ħafna żmien il-ħabs bħala priġunier politiku.[3] L-itwal perjodu li qatta’ l-ħabs kien ta’ kważi erba’ snin, bejn l-1979 u l-1983.

Il-partit ta’ Havel, ‘Forum Ċiviku’, kellu sehem kruċjali fir-Rivoluzzjoni tal-Bellus, li fl-1989 waqqgħet is-sistema Komunista taċ-Ċekoslovakkja. Ftit wara, laħaq president, u s-sena ta’ wara reġa’ ġie elett b’maġġoranza kbira u l-istess fl-1993 wara l-indipendenza tal-Islovakkja. Havel kien strumentali għat-tneħħija tal-Patt ta’ Varsavja u biex jiżdiedu l-pajjiżi tal-Lvant fin-NATO. Ħafna mill-pożizzjonijiet u l-politiki tiegħu kienu kontroversjali, pereżempju l-oppożizzjoni tiegħu għall-indipendenza tal-Islovakkja, il-kundanna għat-trattament tal-Ġermaniżi li kienu joqogħdu fit-territorju Ċek u t-tkeċċija tagħhom miċ-Ċekoslovakkja wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u anke l-għoti ta’ amnestija ġenerali għal dawk li ntbagħtu l-ħabs fl-era Komunista. Fl-aħħar tal-presidenza tiegħu, kien iżjed popolari barra milli f’pajjiżu. Wara li ma baqax President, Havel kompla jimpenja ruħu politikament, u waqqaf ħafna inizjattivi, inkluż id-‘Dikjarazzjoni ta’ Praga dwar il-Kuxjenza u l-Komuniżmu Ewropew’',[4] [5] il-Fondazzjoni VIZE 97, u l-konferenza annwali Forum 2000.

Il-filosofija politika ta’ Havel kienet antikonsumerista, umanista u ambjentalista u favur l-attiviżmu politiku u d-demokrazija diretta.[2] Mill-2004 sa mewtu, hu appoġġja l-Partit tal-Ħodor Ċek. Matul ħajtu rċieva għadd ta’ rikonoxximenti, bħall-Medalja Presidenzjali għal-Libertà, il-Premju Gandhi għall-Paċi, il-Medalja ta’ Philadelphia għall-Libertà, l-Ordni ta’ Kanada, il-Premju tal-Erba’ Libertajiet, il-Premju tal-Ambaxxatur għall-Kuxjenza, u l-Premju Ċittadinanza Hanno R. Ellenbogen.  Is-sena akkademika 2012-2013 fil-Kulleġġ tal-Ewropa ssemmiet għalih bħala omaġġ.[6] Uħud jikkunsidrawh bħala wieħed mill-aktar intellettwali importanti tas-seklu 20. Fl-2012, l-ajruport internazzjonali ta’ Praga ssemma għalih.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Havel twieled fi Praga fil-5 ta' Ottubru 1936 [7] f’familja sinjuri li fiċ-Ċekoslovakkja kienet rrispettata għall-kisbiet kulturali u intraprenditorjali. In-nannu tiegħu, Vácslav Havel, żviluppatur, bena kumpless tad-divertiment fil-Pjazza Wenceslas fi Praga. Missieru, Václav Maria Havel, żviluppa s-subborg Terrazzini Barrandov, fl-ogħla quċċata ta’ Praga – qrib ta’ fejn zijuh, Miloš Havel, bena wieħed mill-akbar studjos tal-films fl-Ewropa.[8] Omm Havel, Božena Vavrečková,[9] kienet ġejja minn familja influwenti wkoll; missierha kien ambaxxatur Ċekoslovakk u ġurnalist magħruf.

Havel fl-1965

Fil-bidu tal-ħamsinijiet, minħabba l-klassi soċjali tiegħu, Havel daħal għall-apprendistat ta’ erba’ snin bħala assistent fil-laboratorju tal-kimika, u fl-istess ħin filgħaxija kien jattendi lezzjonijiet ta’ kors postsekondarju. Hu temm l-edukazzjoni postsekondarja fl-1954.

Għal raġunijiet politiċi, ma kienx aċċettat bħala student f’kors tal-umanitajiet fil-postsekondarja; għaldaqstant għażel li jistudja fil-Fakultà tal-Ekonomija tal-Università Teknika Ċeka ġewwa Praga imma waqaf wara sentejn. [10] Havel iżżewweġ lil Olga Šplíchalová fid-9 ta’ Lulju 1964.[8]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Webb, W. L. (18 December 2011). "Václav Havel obituary". The Guardian.
  2. ^ a b Crain, Caleb (21 March 2012). "Havel's Specter: On Václav Havel". The Nation. Miġbur 16 July 2014. Żball fl-użu tar-referenzi: Invalid <ref> tag; name "Havel's Specter: On Václav Havel" defined multiple times with different content
  3. ^ : 560–583. Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna); |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  4. ^ : 128–135. Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna); |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  5. ^ "Prague Declaration on European Conscience and Communism". Victims of Communism Memorial Foundation. 9 June 2008. Arkivjat minn l-oriġinal fl-18 May 2011. Miġbur 10 May 2011.
  6. ^ "Opening Ceremony, Bruges Campus". Arkivjat minn l-oriġinal fl-31 October 2013. Miġbur 2 December 2012.
  7. ^ Webb, W. L. (18 December 2011). "Václav Havel obituary". The Guardian. Miġbur 18 December 2011.
  8. ^ a b Zantovsky, Michael (2014). Havel: A Life. New York: Grove Press. pp. 16 (family accomplishments), 55 (marriage). ISBN 9780802123152. Żball fl-użu tar-referenzi: Invalid <ref> tag; name "Zantovsky" defined multiple times with different content
  9. ^ http://www.encyclopedia.com/article-1G2-3416000082/havel-vaclav-1936.html. |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  10. ^ "::.Václav Havel.::The official website of Václav Havel, writer, dramatist, dissident, prisoner of conscience, human rights activist, former president of Czechoslovakia and the Czech Republic". Vaclavhavel.cz. Miġbur 2013-11-19.