Aqbeż għall-kontentut

Utent:Daniel Meilak

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

In-Nadur kien tassew abitat fil-Preistorja?

L-Ewwelnett, meta ngħidu ‘preistorja’, nkunu qed nirreferu għaż-żmien meta l-istorja ma kinitx għadha bdiet tinkiteb u ma għandniex xhieda bil-kitba, allura, f’pajjiżna huwa ż-żmien ta’ qabel ma’ ġew il-Feniċi f’Malta. Ħafna jsostnu li l-ewwel nies f’pajjiżna ġew minn Sqallija. Għadu ma ġiex stabbilit il-post fejn daħlu l-ewwel. Fost it-teoriji, nsibu li dawn l-ewwel ma’ ġew kienu f’Għawdex, minħabba li jinsab eqreb lejn Sqallija minn Malta, iżda dan it-twemmin għadu bla bażi. F’Għawdex għandna għadd sostanzjali ta’ skoperti preistoriċi, iżda bla dubju ta’ xejn, l-inħawi fil-għoli jibqgħu l-aktar postijiet li fihom hemm konċentrazzjoni ta’ fdalijiet preistoriċi, u hawn nsemmi bħala eżempju prattiku ix-Xagħra. Jekk naraw il-karatterisitċi li għandhom għoljiet bħax-Xagħra, nistgħu ngħidu li dan kien post idejali għal dawn in-nies biex jgħixu u anke jaqdu l-funzjonijiet soċjali tagħhom. Dan nafuh ċertament mis-siti preistoriċi li hemm. Iżda allura wieħed jasal biex jgħid li n-Nadur ukoll għandu dawn il-karatteristiċi li jagħmluh vantaġġjuż għal dawn in-nies tal-qedem: i. In-Nadur qiegħed fil-għoli. Dawn in-nies kienu jagħżlu postijiet fil-għoli, fejn jgħixu minħabba li jkunu f’vantaġġ li jaraw il-periklu mill-għoli u jkollhom ukoll il-kontroll ta’ postijiet oħrajn li jkunu jidhru tajjeb mill-għoli . Ħaġa oħra hi li n-Nadur mhux post li minnu tista’ tara l-parti l-kbira ta’ Għawdex biss, iżda minn fuqu jidhru wkoll iż-żewġ gżejjer l-oħra; Kemmuna u Malta. Allura altru li n-Nadur għandu post strateġika f’Għawdex. ii. In-Nadur huwa wkoll post li fih issib numru ta’ għerien mdaqqsin li bla dubju dawn in-nies bikrin kienu jfittxu biex jgħixu fihom. Jekk inħarsu lejn l-għerien fuq għoljiet oħrajn bħan-Nuffara, fejn instabu fdalijiet arkeoloġiċi, naraw similarità mat-tip ta’ għerien li għandna fin-Nadur. Bħala eżempju nista’ nieħu l-għar li nfetaħ f’Diċembru ta’ l-2006 fil-pjazza tagħna. Dan huwa post, li għalkemm l-emfasi tiegħu tmur fuq l-użu li kellu fit-Tieni Gwerra Dinjija (1939 – 1944), dan huwa għar naturali li huwa eżempju ta’ għerien tipiċi li fihom seta’ kien jgħix l-ewwel bniedem li kien hawn Għawdex. Ma rrid bl-ebda mod niġbed il-konklużjoni li fih kienu jgħixu xi nies tal-qedem għax dan huwa xogħol delikat u li jieħu tul ta’ żmien biex isir. Irrid biss li ma neskludi xejn, lanqas li seta’ ntuża fil-qedem, imma din hi biss probbabilità li ma tistax tiġi eskluża. Ma nafux eżatt jekk dan l-għar kienx miftuħ fi żmenijiet aktar riċenti minn meta nbniet il-Knisja u r-raħal madwarha jew inkella meta reġa’ ġie skopert. Jekk kien hemm xi fdalijiet preistoriċi f’dan l-għar jew f’għerien oħrajn, dawn setgħu ġew miġbura jew meqruda minn nies ta’ qabilna (u anke aktar riċenti). Għalhekk huwa diffiċli ħafna li tiġbed konklużjoni qabel ma’ tittieħed inizzjattiva u ssir riċerka minn persuni esperti. Forsi ‘l quddiem għad issir riċerka estensiva u anke possibilment skavazzjonijiet arkeoloġiċi biex inkunu nafu aktar dwar dawn l-għerien fir-raħal tagħna. iii. In-Nadur huwa post li fih karatteristiċi oħrajn li jaqblu mal-bżonnijiet tal-bniedem, fosthom: 1. huwa mogħni b’ambjent naturali vantaġġjuż: nixxigħat ta’ ilma ġieri, infatti Agius de Soldanis jgħid hekk: “Matul Għawdex kollu ssib ‘l hawn u ‘l hinn ġonna sbieħ, l-aktar fuq u madwar l-għoljiet tan-Nadur u ta’ Xagħret l-Għażżenin (Ix-Xagħra) fejn hemm ġonna li jgħaxxqu mħabba l-ilma li hemm fl-ispejjer qodma u ġodda, b’kull xorta ta’ frott…” . Fih ukoll ħamrija ta’ kwalità tajba għat-tkabbir ta’ ċerti prodotti agrikoli (biżżejjed insemmu li n-Nadur kien imfaħħar ħafna fl-imgħoddi għall-għeneb u s-siġar taċ-ċitru ta’ kwalità li kien fih), hija art ukoll li kienet imfittxija għal ħlejjaq tajbin biex jiġu kkaċċjati u eventwalment jittieklu bħal fniek, tajr u oħrajn. Infatti, l-GranMastru de Wignacourt, żamm għalih inħawi min-Nadur famużi għall-kaċċa . 2. għandu wkoll daħliet mal-kosta tiegħu li jippermettu kenn għal xi qoxra primittiva tal-baħar bħal xi ċattra, u dawn huma wkoll aċċessibli kemm minn naħa tal-baħar, kif ukoll minn naħa ta’ l-art mill-widien tagħhom: bħar-Ramla, San Blas u Daħlet Qorrot. Barra minn hekk, fin-Nadur instabu għadd ta’ fdalijiet preistoriċi, li għalkemm mhumiex kbar, iżda ta’ mportanza wkoll u jitfgħu dawl fuq jekk kienx fih nies jew le. Aguis de Soldanis isemmi l-“ġebel kbir, waħda mrikkba fuq l-oħra” li kien hemm fil-“għalqa ta’ l-imsaqqfin”, fuq l-“għolja ta’ Kuljat”, li tiġi qrib Daħlet Qorrot . Hawn, kien hemm xi fdalijiet preistoriċi, skond De Soldanis u li llum b’dispjaċir ngħidu li spiċċaw imfarrkin għal użu tal-kostruzzjoni. Sejba oħra hi dik ukoll imsaħħa minn Agius De Soldanis, li jsemmi li fin-Nadur kienet nstabet statwa tal-bronż li tiffigura lil alla Apollo, li skond hu nstabet fl-1746 u allura hawn naraw ir-rabta tan-Nadur anke ma’ l-allat tal-Greċja . Xhieda oħra ta’ żewġ arkeoloġisti Olandiżi; Dr Adrian Van der Blom u martu Dr Veronica Veen, li dawn kienu skavaw xi post lejn il-Majjistral tat-torri ta’ Kenuna u kkonkludew, minn fdalijiet ta’ għadam, snien uman, bebbux u żnied li sabu, li fin-Nadur kienu jeżistu nies li għexu madwar is-snin 3600-3300 Q.K. Naturalment dan is-sit għad irid jiġi studjat iktar . Hemm diversi skoperti oħrajn li mpossibli noqgħodu nsemmuhom: fost dawn hemm sejbiet ta’ fuħħar, ċaqquf, oqbra, eċċ… li juru l-eżistenza tal-bniedem fin-Nadur sa mis-snin 4000-3000Q.E.K.(tajjeb li ngħidu li Dr Van der Blom u martu, meta qabblu l-fuħħar li sabu fin-Nadur, ikkonkludew li xi ġens kien jgħammar fin-Nadur madwar is-snin 4000-3000 Q.K ). Għalhekk, irrid ngħid li n-Nadur kien wieħed mill-aħjar postijiet li seta’ joffri lill-ewwel nies Għawdxin il-bżonnijiet li kellhom, u ma neskludux il-probbabilità li kien abitat sa mis-snin bikrijin li fihom kienu qed jinbnew it-Tempji tal-Ġgantija (li huma l-eqdem strutturi weqfin waħedhom fid-dinja), ċ.3600 Q.K. Għalkemm dan il-perjodu huwa wieħed li dejjem qed jinkixef aktar, għandna nagħmlu kuraġġ biex inkomplu nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu għal dak li jista’ jinstab u jiġi mikxuf, mhux biss, iżda wkoll aħna nitgħallmu napprezzaw u nippreservaw x-xhieda li għandna fuq l-istorja u l-preistorja, biex aħna lkoll nagħrfu l-għeruq tagħna u napprezzaw minn fejn ġejjin.

Biblijografija

Kotba

Agius de Soldanis, Kan. Ġann P. F.: Għawdex bil-Ġrajja Tiegħu, Vol.1(1936),u 2 (1958), tradott minn Mons. Ġużeppi Farruġia, Fondazzjoni Belt Vittoria, 1999.

Vella Andrew P.: Storja ta’ Malta, Vol 1, Edizzjoni Klabb Kotba Maltin, 1974.


Artikli

Luminarja, nru 81, Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur, Ġunju 2005, In-Nadur fil-Preistorja, Joseph Said, pġ.26-27.

Daniel Meilak