UNCLOS Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Dritt tal-Baħar
Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Dritt tal-Baħar, jew l-UNCLOS (l-akronimu tal-isem bl-Ingliż United Nations Convention on the Law of the Sea,[1]) hija trattat internazzjonali li jiddefinixxi l-jeddijiet u r-responsabiltiajiet tal-Istati li jużaw l-ibħra u l-oċeani, u jiddefinixxi l-linji-gwida li jirregolaw it-trattattivi, l-ambjent u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali.
L-UNCLOS issawret wara proċess twil ta' negozjati permezz ta' sensiela ta' Konferenzi tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda li bdiet fl-1973. Fl-aħħar infetħet għall-firem f'Montego Bay, il-Ġamajka, nhar l-10 ta' Diċembru 1982. Daħlet fis-seħħ nhar is-16 ta' Novembru 1994, sena wara l-firma tal-Gujana, is-sittin pajjiż kontraenti.
Bħalissa huma 155 l-Istat li ffirmaw il-Konvenzjoni. L-Unjoni Ewropea ffirmatha u rratifikatha, l-Istati Uniti tal-Amerika ffirmawha imma s-Senat Amerikan għadu ma rratifikahiex.
L-Istorja
[immodifika | immodifika s-sors]L-UNCLOS tieħu post il-kunċett qadim tal-libertà tal-ibħra, li kien imur lura għas-Seklu 17. Skont dan il-kunċett, il-jeddijiet nazzjonali kienu limitati għal faxex speċifiċi ta' baħar li kienu jestendu ġeneralment għal tliet mili nawtiċi, skont ir-regola tal-hekk-imsejjaħ "tir tal-kanun" żviluppata mill-ġurista Olandiż Cornelius Bynkershoek. L-ispazju kollu lil hinn minn dik il-faxxa kien jitqies "ibħra internazzjonali", jiġifieri li ma hu tal-ebda Stat u għalhekk kull Stat kellu aċċess liberu għalih.
Fis-Seklu 20, xi Stati fissru x-xewqa li jestendu l-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom l-aktar biex ikattru l-possibilità li jisfruttaw b'mod esklussiv ir-riżorsi tal-baħar, l-aktar dawk minerarji u tas-sajd, lil hinn mil-limitu tat-tliet mili. Bejn l-1946 u l-1950, sensiela ta' pajjiżi bdew jiddikjaraw f'ambitu internazzjonali l-estensjoni tal-ibħra internazzjonali tagħhom sa 12-il mil jew saħansitra sa 200 mil.
Il-lum il-ġurnata parti żgħir biss mill-Istati kostieri tad-dinja żammew limitu ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali fuq faxxa ta’ baħar ta’ tliet mili biss.
L-UNCLOS, fost ħwejjeġ oħra, tiddefinixxi l-ibħra internazzjonali għalhekk mhux aktar bħala “art li ma hi ta’ ħadd” imma bħala proprjetà ta’ kulħadd.
L-indikazzjonijiet tal-UNCLOS
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Konvenzjoni tiddetta r-regoli dwar l-attivitajiet u ddaħħal sensiela ta’ indikazzjonijiet speċifiċi b’mod li filfatt tittrasforma f’regola dak li sa issa kien l-użu konswetudinarju tal-ispazji marini.
L-aktar argumenti importanti huma: iz-zonazzjoni tal-arji marine, it-tbaħħir, l-istat tal- arċipielgi u r-reġimi ta’ tranżitu, iz-zona ekonomika esklussiva, il-ġurisdizzjoni tal-pjattaforma kontinentali, l-attivitajiet ta’ estrazzjoni minerarja minn qiegħ il-baħar, ir-reġimi ta' sfruttament, il-ħarsien tal-ambjent marin, ir-riċerka xjentifika u r-riżoluzzjoni tat-tilwim.
Il-Konvenzjoni timponi limiti fuq arji marini identifikati, imkejla b’mod ċar u definit li jibda mill-hekk-imsejħa linja ta’ bażi. Il-linja ta’ bażi, imsejħa hekk billi hija l-bażi tat-tluq għad-definizzjoni tal-ibħra interni u tal-ibħra internazzjonali, hija ddefinita bħala linja maqsuma li tgħaqqad l-punti notevoli tal-kosta, billi żżomm ġeneralment fl-ibħra baxxi, imma fejn il-kosta tkun partikolarment imħarbta jew f’każijiet li fihom l-gżejjer ikunu partikolarment qrib il-kosta, il-linja ta’ bażi tista’ taqta’ u tħaddan meded kbar ta’ baħar.
L-arji identifikati mill-UNCLOS huma dawn li ġejjin:
L-ibħra interni, jiġifieri l-ispazju ta’ baħar ’il ġewwa mil-linja ta’ bażi. F’din l-arja jorbtu b’mod vinkolanti l-liġijiet tal-Istat kostier li jirregola l-użu tar-riżorsi u l-passaġġ tal-bastimenti.
L-ibħra territorjali, li fihom hemm l-ispazju ta’ baħar bejn il-linja ta’ bażi fit-12-il mil nawtiku. F’din l-arja jorbtu l-liġijiet tal-Istat kostier imma ’l ġewwa mill-ibħra territorjali hemm il-jedd ta’ kull opra tal-baħar għall–hekk-imsejjaħ passaġġ inoffensiv. Il-passaġġ inoffensiv huwa ddefinit bħala l-mogħdija minn arji marini b’mod kontinwu u b’ħeffa li ma jippreġudikax il-paċi, il-bwon ordni u s-sigurtà tal-Istat kostier. Is-sajd, it-tfigħ tal-iskart, l-attivitajiet armati u l-ispjunaġġ ma humiex meqjusin bħala azzjonijiet inoffensivi; is-sottomarini marbutin ibaħħru f'emersjoni u juru l-bandiera.
L-arċipielgi: L-ibħra interni tal-Istati li fihom l-arċipielgi huma identifikati billi titberfel linja ta’ bażi li tgħaqqad il-punti l-aktar esterni tal-gżejjer l-aktar esterni, basta dawn il-punti jkunu raġonevolment qrib xulxin.
Iz-zona kontigwa: Lil hinn mit-12 il-mil nawtiku mil-linja ta’ bażi hemm faxxa ta’ aktar minn 12-il mil, jiġifieri 24 mil nawtiku mil-linja ta’ bażi, li fiha l-Istat kostjer jista’ jibqa' jwettaq il-liġijiet tiegħu l-aktar dwar il-kontroll tal-kutrabandu u l-immigrazzjoni klandestina.
Iz-zona ekonomika esklussiva, magħrufa wkoll bl-akronimu ZEE, hija l-arja ta’ baħar li testendi għal 200 mil nawtiku mil-linja ta’ bażi li minnha l-Istat kostier jista’ jeżerċita l-jedd tal-isfruttament esklussiv tar-riżorsi naturali. Dan il-prinċipju feġġ biex jitrażżan l-isfruttament indiskriminat tas-sajd, ukoll jekk, bit-teknoloġiji l-ġodda li jippermettu t-tħaffir għaż-żejt f'ibħra fondi ħafna, dan l-aħħar intużat ukoll għall-isfruttament tal-estrazzjoni minerarja esklussiva.
Il-pjattaforma kontinentali: Il-pjattaforma kontinentali titqies bħala l-prolungament naturali tat-territorju ta’ Stat, li għalhekk ikun jista’ jisfruttalha r-riżorsi minerarji jew mhux-ħajjin b'mod esklussiv. Il-pjattaforma kontinentali tista’ tkun akbar minn 200 mil nawtiku imma ma taqbiżx it-350, jew tista’ tkun ikkalkulata billi jitkejlu 100 mil nawtiku mil-linja batimetriċi tal-2,500 metru.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Ġie li tissejjaħ ukoll il-Konvenzjoni ta' Montego Bay
Bibljografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Droits maritimes, Jean-Pierre Beurier & al., Ed. Dalloz-Sirey (Pariġi), 2ni Ed. 2008, 1216 p., ISBN-978-2-247-07775-5
- Cours de droit maritime, P. Angelelli & Y. Moretti, Ed. InfoMer (Rennes), 2008, 350 p., ISBN-978-2-913596-37-5