Użufrutt
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Usus fructus est ius alienis rebus utendi fruendi salva rerum substantia. | ||
—Diġest 7.1.1, Paulus, 3 ad Vitellium |
L-użufrutt hu jedd reali minuri. Jikkonsisti fil-jedd ta’ soġġett (l-“użufruttwarju”) li jgawdi beni li jkun proprjetà ta’ soġġett ieħor (is-sid tan-nuda proprjetà) u li jiġbor il-frottijiet tal-istess beni, iżda bl-obbligu li jirrispetta d-destinazzjoni ekonomika tal-istess beni. Hu jedd reali ta’ tgawdija fuq beni ta’ ħaddieħor b’kontenut wiesa’ ħafna: il-fakultajiet tal-użufruttwarju jlaħħqu kważi ma’ dawk tas-sid, li lilu tibqagħlu n-nuda proprjetà. Il-jedd tal-użufrutt hu dejjem temporanju.
L-użfrutt fid-Dritt Ruman
[immodifika | immodifika s-sors]Usufructus est ius alienis rebus utendi fruendi, salva rerum substantia: din hi d-definizzjoni tal-istitut fid-Dritt Ruman. Skont din id-definizzjoni, “l-użufrutt hu l-jedd tal-użu u tat-tgawdija ta’ ħwejjeġ ħaddieħor mingħajr ma tinbidlilhom in-natura jew il-konsistenza tagħhom”. Fid-Dritt Ruman, l-użufrutt jitwieled bħala jedd reali ta’ tgawdija fuq beni ta’ ħaddieħor, ossija bħala wieħed mill-iura in re aliena, li abbażi tiegħu min ikollu t-titolu seta’ juża (uti) il-beni soġġett għall-jedd, bil-possibilità li jieħu l-frottijiet tiegħu (frui). Għal dawn ir-raġunijiet, il-jedd seta’ jkun biss fuq res fruttifera u inkonsumabbli. Fil-bidu (III seklu q.K.), jidher li l-jedd tal-użufrutt inħoloq mill-ġurisprudenza Rumana biex jiżvolġi funzjoni ta’ ikel: it-testatur kien jimponi fuq l-eredi, permezz ta’ legatum sinendi modo, li jippermetti li perijodikament l-armla tipperċepixxi l-frottijiet ta’ ħaġa, u dan meta l-armla tkun iżżewġet sine manu, u għalhekk qatt ma saret parti mill-familja ta’ żewġha u allura ma tistax tirtu. B’dan il-mod, fiġġet il-figura tal-użufrutt uxorio, li mbagħad kellu prominenza fis-sekli ta’ wara. Dan wassal biex ikun hemm pressjoni fuq il-kunċett, u għalhekk beda jiġi permess li l-użufrutt isir mortis causa permezz ta’ legatum per vindicationem. Minħabba li fil-bidu kellu funzjoni marbuta mal-ikel, għall-ewwel l-użufrutt seta’ jsir biss a favur ta’ persuni fiżika; imbagħad, iżda, tħalla li anki persuni ġuridiċi setgħu jkunu benefiċjarji. Il-karatteristiċi fundamentali tal-istitut kienu:
• Il-korrelazzjoni mas-sustanza materjali tal-ħaġa u forsi wkoll mad-destinazzjoni economika tagħha: l-użufruttwarju, għalhekk, ma setax jibdel, lanqas b’mod pożittiv, id-destinazzjoni tal-beni, u lanqas ma seta’ jiddisponi mill-istess;
• Il-konnessjoni li ma tinħallx mal-persuna tal-użufruttwarju: il-jedd jestingwi ruħu mal-mewt tal-użufruttwarju jew mal-capitis deminutio tiegħu;
• It-temporaneità: l-użufrutt kien jestingwi ruħu mal-mewt tal-użufruttwarju.
B’ħarsien tal-istitut kienet konċessa vindicatio ususfructus, fuq il-mudell tal-vindicatio servitutis, li kienet tissejjaħ ukoll actio confessoria servitutis. Barra mill-mewt tal-użufruttwarju jew il-capitis deminutio tal-użufruttwarju, l-użufrutt kien jestingwi ruħu wkoll bil-consolidatio (fil-mument meta kienu jikkoinċidu fl-istess persuna l-figuri tal- użufruttwarju u tas-sid), bir-remissio u bin-non usus, li kienu modi ta’ estinzjoni li sostanzjalment jikkorrispondu għal dawk previsti għas-servitù, li baqgħu jeżistu fir-regolazzjoni kontemporanja tal-istitut.
Fil-Liġi Maltija
[immodifika | immodifika s-sors]L-użufrutt huwa rregolat mill-artikoli 328 sa 388 tal-Kodiċi Ċivili.L-użufrutt huwa definit bħala l-jedd reali li wieħed igawdi l-ħwejjeġ li tagħhom ħaddieħor għandu l-proprjetà, bl-obbligu li jżomm is-sustanza tagħhom sew fil-materja kemm fil-għamla.
L-użufrutt jiġi stabbilit jew mil-liġi jew mir-rieda tal-bniedem; f’dan it-tieni każ, jekk l-użufrutt ikun ta’ ħwejjeġ immobbli, ma jistax jiġi magħmul ħlief b’att pubbliku, u, jekk ikun magħmul b’att inter vivos, ma jibdiex iseħħ, rigward it-terzi, ħlief mill-waqt li l-att jiġi insinwat fir-Reġistru Pubbliku, fuq talba ta’ wieħed mill-interessati jew tan-nutar li jkun irċieva l-att.
L-użufrutt jista’ wkoll jiġi magħmul taħt kondizzjoni jew għal żmien determinat. Jista’ jiġi magħmul favur ta’ persuna waħda partikolari jew iżjed. Meta l-użufrutt hu magħmul favur ta’ iżjed minn persuna waħda sabiex igawduh waħda wara l-oħra, l-użufrutt iseħħ biss favur dawk il-persuni li jkunu ħajja fiż-żmien li jitnissel il-jedd tal-ewwel użufruttwarju.
Il-Jeddijiet tal-Użufruttwarju
[immodifika | immodifika s-sors]L-użufruttwarju għandu jedd għal kull xorta ta’ frottijiet,sew naturali, industrjali, jew ċivili, illi tista’ tagħti l-ħaġa li tagħha jkollu l-użufrutt.Huma frottijiet naturali dawk li l-art tagħti minnha nfisha.Huma wkoll frottijiet naturali l-prodotti u l-wild tal-annimali,u dak li jagħtu l-barrieri tal-ġebel jew il-minjieri. Huma frottijiet industrjali ta’ fond dawk illi jittieħdu bil-koltivazzjoni.Huma frottijiet ċivili l-kera ta’ beni mikrija, iċ-ċnus, l-imgħaxijiet ta’ kapitali,u r-renti ta’ kull sena.
L-użufruttwarju jista’ jċedi t-tgawdija tal-jedd tiegħu sew b’titolu gratuwitu kemm oneruż.
Il-kiri tal-beni jibqa’jseħħ ukoll wara li jispiċċa l-użufrutt,kemm-il darba dan il-kiri jkun sar taħt kondizzjonijiet ġusti u għal żmien ta’ mhux aktar minn tmien snin, fil-każ ta’ raba’,jew erba’snin,fil-każ ta’ bini,jew għal żmien kif hu soltu skont l-użu, fil-każ ta’ ħwejjeġ mobbli,jew għal żminijiet iqsar miż-żminijiet imsemmija rispettivament f’każ ta’ beni li l-kiri tagħhom għal żmien li jaqbeż dak iż-żmien iqsar huwa pprojbit.
L-użufruttwarju jista’ wkoll ibiegħ il-frottijiet mhux maqtugħa jew mhux maqlugħa; u meta jiġri dan, jekk l-użufrutt jispiċċa qabel il-qtugħ jew il-qlugħ tal-frottijiet, il-bejgħ jibqa’jseħħ, u s-sid ikollu l-jedd għall-prezz ta’ dawk il-frottijiet li jkunu għadhom ma nqatgħux jew ma nqalgħux. Iżda s-sid ma jkollux azzjoni kontra x-xerrej illi jkun ħallas lill-użufruttwarju l-prezz ta’ dawk il-frottijiet qabel tmiem l-użufrutt.
L-użufruttwarju għandu jedd igawdi, l-istess bħas-sid, kull jedd ta’ servitù mgħaqqda ma’fond li tiegħu jkollu l-użufrutt, u,b’mod ġenerali, il-jeddijiet kollha li s-sid jista’ jgawdi.
L-użufruttwarju jgawdi wkoll il-barrieri tal-ġebel li jkunu ġà miftuħa u li jkunu qegħdin jinħadmu fiż-żmien li huwa jidħol fil-jedd tal-użufrutt; iżda ma jistax jiftaħ barrieri ġodda.
Is-sid ma jistax b’għemilu, jew b’kull mod ieħor, jagħmel ħsara lill-jeddijiet tal-użufruttwarju.
L-użufruttwarju ma jistax, fit-tmiem tal-użufrutt,jitlob ebda ħlas għall-benefikati ta’ kull xorta li jkun għamel,lanqas jekk bihom ikun żdied ħafna s-siwi tal-ħaġa.Iżda, dawk il-benefikati jistgħu jittieħdu b’qies fil-kalkolu tal-ħsarat li l-użufruttwarju jkollu jwieġeb għalihom.Meta ma jkun hemm lok għal ebda tpattija, l-użufruttwarju jista’ jieħu lura dawk il-benefikati li jistgħu jiġu maqlugħa bi profitt għalih, u bla ħsara lill-fond, kemm-il darba s-sid ma jagħżilx li jżommhom, billi jħallas lill-użufruttwarju somma daqs kemm dan jista’ jikseb kieku kellu jaqlagħhom mill-fond.
L-użufruttwarju jista’ jeżerċita kull azzjoni reali li l-liġi tagħti lis-sid.
L-Obbligi tal-Użufruttwarju
[immodifika | immodifika s-sors]L-użufruttwarju jieħu l-ħwejjeġ suġġetti għall-użufrutt fl-istat li jkunu jinsabu fil-waqt li jitnissel il-jedd għall-użufrutt.Fit-tmiem tal-użufrutt, hu għandu jroddhom fl-istat li jkunu f’dak iż-żmien, bla ħsara tal-indennizz li jkollu jagħti għall-ħwejjeġ li jkunu tgħarrqu bi ħtija tiegħu.
L-użufruttwarju ma jistax jibda jeżerċita jeddijietu fuq il-ħwejjeġ li jkunu suġġetti għall-użufrutt qabel ma jagħmel inventarju ta’ dawk il-ħwejjeġ, li għandu jkun fih deskrizzjoni tal-ħwejjeġ mobbli bil-valur tagħhom, u tal-istat tal-immobbli, kemm-il darba l-użufruttwarju ma jkunx ġie meħlus milli jagħmel dak l-inventarju bl-att li joħloq l-użufrutt.
L-inventarju għandu jsir quddiem is-sid, jew wara li l-użufruttwarju jkun sejjaħlu, imqar b’ittra uffiċjali, sabiex ikun hemm. L-inventarju għandu jsir b’att pubbliku, kemm-il darba bl-att li joħloq l-użufrutt ma tkunx ingħatat is-setgħa sabiex isir b’kitba privata, u s-sid ma jagħtix il-kunsens sabiex isir hekk. Kemm-il darba fl-att li joħloq l-użufrutt ma jkunx jingħad xort’oħra, l-ispejjeż tal-inventarju jbatihom l-użufruttwarju.
L-użufruttwarju ma jistax, kemm-il darba ma jkunx ġie meħlus fl-att li joħloq l-użufrutt, jibda jeżerċita jeddijietu fuq il-ħwejjeġ li jkunu suġġetti għall-użufrutt qabe1 ma jagħti garanzija li jgawdi dawk il-ħwejjeġ hekk suġġetti bħala missier tajjeb tal-familja, li jrodd il-ħwejjeġ mobbli u s-siwi tal-ħwejjeġ, u li jagħmel tajba l-ħsarat li jsiru bi ħtija tiegħu, sew fil-ħwejjeġ mobbli kemm immobbli.Is-somma tal-garanzija, għall-finijiet tal-iskrizzjoni ipotekarja, titqies fuq is-somma tal-kapitali li għandhom jingħataw f’idejn l-użufruttwarju, jew li jintraddu lilu matul l-użufrutt, fuq il-valur tal-ħwejjeġ mobbli, u fuq kemm jistgħu jiswew it-tiswijiet tal-immobbli, illi x’aktarx ikunu meħtieġa fiż-żmien ta’ ħames snin, u illi, skont il-liġi, għandhom isiru mill-użufruttwarju.Il-qorti tista’ , skont iċ-ċirkostanzi, tnaqqas din is-somma; u f’dak il-każ, jekk mis-somma tal-garanzija ma jifdal xejn jew jekk is-somma tal-garanzija ssir mhix biżżejjed qabel it-tmiem tal-użufrutt, l-użufruttwarju għandu jagħti garanzija ġdida.Fin-nuqqas ta’ din il-Qorti taħtar persuna kompetenti.
Iżda, mhumiex obbligati jagħtu garanzija dawk li l-użufrutt tagħhom ġej mil-liġi; il-bejjiegħ jew id-donatur li jkun żamm għalih l-użufrutt; l-użufruttwarju ta’ ħwejjeġ amministrati jew li għandhom ikunu amministrati minn ħaddieħor.
Is-sid jista’ jitlob il-garanzija, meta meħtieġa, sew qabel kemm fiż-żmien ta’ sena wara li l-użufruttwarju jkun beda jeżerċita jeddijietu fuq il-ħwejjeġ li jkunu suġġetti għall-użufrutt; wara li tagħlaq is-sena hawn fuq imsemmija, is-sid ma jkollux jedd jitlob il-garanzija ħlief jekk jipprova li l-istat jew l-imġieba tal-użufruttwarju tbiddlu b’mod li b’hekk l-eżekuzzjoni tal-obbligazzjonijiet tiegħu titqiegħed f’periklu. Jekk l-użufruttwarju jonqos li jagħti garanzija, meta meħtieġa, fiż-żmien mogħti mill-qorti, din, fuq talba tas-sid, taħtar persuna kompetenti sabiex tamministra l-ħwejjeġ li jkunu suġġetti għall-użufrutt, fl-interess sew tas-sid kemm tal-użufruttwarju.
L-amministratur għandu jbigħ il-ħwejjeġ mobbli u jimpjega bl-imgħax il-prezz li jdaħħal mill-bejgħ tagħhom; għandu wkoll jimpjega kull somma oħra ta’ flus li tkun tinsab fil-patrimonju tal-użufrutt jew li tidħol minn radd ta’ kapitali matul iż-żmien tal-użufrutt.L-amministratur jista’ , bil-kunsens tas-sid u tal-użufruttwarju,jitbiegħed minn din ir-regola.
Jekk l-użufruttwarju jiddikjara bil-ġurament li ma setax isib garanzija, il-qorti tista’ tordna li dar u l-għamara meħtieġa għall-abitazzjoni u għall-użu personali tiegħu nnifsu u ta’ familtu jiġu kkunsinnati lilu, mingħajr garanzija, bl-obbligu li jroddhom fit-tmiem tal-użufrutt.
L-amministratur għandu jagħti, kull sena, kont tal-amministrazzjoni tiegħu lill-użufruttwarju, u jħallas lilu l-bilanċ. Fi tmiem l-amministrazzjoni, l-amministratur għandu jagħti kont sew lis-sid kemm lill-użufruttwarju.
L-amministratur jista’, f’kull żmien, jitneħħa għal raġuni tajba, fuq talba tas-sid jew tal-użufruttwarju.
L-użufruttwarju jista’, f’kull żmien, jagħti garanzija u jieħu f’idejh l-amministrazzjoni tal-beni.
F’ebda każ id-dewmien fil-għoti tal-garanzija ma jtellef lill-użufruttwarju l-frottijiet li fuqhom jista’ jkollu jedd: dawk il-frottijiet imissu lilu minn kif jibda l-jedd tal-użufrutt.
L-użufruttwarju jagħmel biss it-tiswijiet ordinarji.It-tiswijiet straordinarji jmissu lis-sid, iżda dawn it-tiswijiet imissu lill-użufruttwarju kemm-il darba huma jsiru meħtieġa minħabba li ma jkunux saru t-tiswijiet ordinarji, fosthom ukoll dawk li kienu jinħtieġu fil-bidu tal-użufrutt.
It-tiswijiet tal-ħitan, tal-isqfa bil-ħnejjiet, it-tibdil ta’ travi,u t-tiġdid għal kollox tal-bjut, ta’ torġien, jew ta’ ċangar ta’ kull parti ta’ bini li tkun, huma tiswijiet straordinarji.
L-użufruttwarju ma jistax iġiegħel lis-sid jagħmel it-tiswijiet li jmissu lilu; iżda, jekk is-sid ma jkunx irid jagħmel dawk it-tiswijiet, l-użufruttwarju jista’ jitlob lill-qorti li tagħtih is-setgħa jagħmilhom huwa, u li jitlob mingħand is-sid,fit-tmiem tal-użufrutt, il-ħlas lura tan-nefqa li jkun għamel,mingħajr imgħaxijiet, basta li dawk it-tiswijiet ikunu għadhom utili fiż-żmien li fih jispiċċa l-użufrutt. Iżda l-użufruttwarju jkollu biss jedd jitlob lura l-ħlas ta’ kemm ikunu jiswew dawn it-tiswijiet meqjusa fuq stima, skont iż-żmien tat-talba, kemm-il darba hu ma jagħtix lis-sid kont tal-ispejjeż li jkun għamel, flimkien mad-dokumenti li juru dik l-ispiża, fi żmien sitt xhur minn dak in-nhar li jkunu tlestew it-tiswijiet. Il-kont jingħadd li ġie aċċettat mis-sid, jekk dan, fi żmien xahrejn, ma jiddikjarax li jrid jattakkah.Jekk is-sid ikun irid jagħmel it-tiswijiet straordinarji, hu għandu jedd jieħu lura mingħand l-użufruttwarju, matul l-użufrutt,l-imgħaxijiet fuq in-nefqa li jipprova li jkun għamel.L-imgħaxijiet hawn fuq imsemmija jgħaddu mill-ġurnata li fiha l-kont ta’ dik in-nefqa jkun ġie appruvat mill-użufruttwarju,jew, fuq rikors ġuramentat kontra l-użufruttwarju, mill-qorti.
L-użufruttwarju għandu jħallas iċ-ċens u piżijiet oħra ta’ kull sena li jkun hemm fuq il-fond.
L-użufruttwarju ta’ fond partikolari wieħed jew iżjed mhux obbligat għall-ħlas tad-djun li għalihom xi wieħed minn dawk il-beni jkun ipotekat, lanqas hu obbligat għall-ħlas ta’ ebda renta li jkun hemm fuqhom; u jekk hu jiġi mġiegħel iħallas, ikollu jedd idur kontra s-sid.
L-użufruttwarju ta’ assi sħiħ, jew ta’ sehem ta’ assi,huwa obbligat iħallas, fil-proporzjon tat-tgawdija tiegħu, u mingħajr jedd li jitlobhom lura, is-somom li għandhom jingħataw għall-manteniment, ir-renti perpetwi jew vitalizji, u l-imgħaxijiet tad-djun li jkun hemm fuq l-assi.Meta jmissu jitħallas kapital, jekk l-użufruttwarju jkun irid joħroġ minn tiegħu s-somma, din għandha tintradd lilu mis-sid,mingħajr imgħax, fit-tmiem tal-użufrutt.Jekk l-użufruttwarju ma jkunx irid joħroġ minn tiegħu din is-somma, is-sid jista’ jħallas jew bi flusu, u, f’dan il-każ, l-użufruttwarju għandu, matul l-użufrutt, jagħtih l-imgħaxijiet fuq dawk il-flus, inkella, bil-bejgħ ta’ biċċa mill-bini li jkun suġġett għall-użufrutt, daqs kemm ikun jilħaq id-dejn.
L-ispejjeż tal-kawżi dwar l-użufrutt biss, imissu lill-użufruttwarju.L-ispejjeż tal-kawżi dwar il-proprjetà biss, imissu lis-sid. L-ispejjeż tal-kawżi sew dwar l-użufrutt kemm ukoll dwar il-proprjetà għandhom jitħallsu mis-sid; iżda l-użufruttwarju għandu jgħaddi lis-sid l-imgħax fuqhom matul l-użufrutt.
L-użufruttwarju għandu, taħt piena tal-ħlas tad-danni,jgħarraf lis-sid, mingħajr dewmien, b’kull att li bih ħaddieħor jużurpa jew jagħmel ħsara lill-jeddijiet tas-sid.
Jekk l-użufrutt ikun fuq annimal wieħed jew iżjed, li flimkien ma jagħmlux merħla, u dawn l-annimali jinqerdu mingħajr ħtija tal-użufruttwarju, dan m’għandux lejn is-sid ħlief l-obbligu li jagħtih kont tal-ġlud tagħhom jew ta’ kemm jiswew.
Din ir-regola tgħodd ukoll fil-każ li l-użufrutt ikun fuq merħla, u din tinqered kollha mingħajr ħtija tal-użufruttwarju.Iżda, jekk il-merħla ma tinqeridx kollha, l-użufruttwarju hu obbligat iqiegħed oħrajn minflok l-irjus meqruda, iżda mhux iżjed min-numru tal-annimali mwielda mill-bidu tal-użufrutt u li jkunu għadhom fil-pussess tiegħu u ta’ dawk li jitwieldu wara li l-merħla tkun bdiet tonqos min-numru li kien fiha fil-bidu.
Jekk l-użufrutt ikun ta’ bastiment u l-użufruttwarjujonqos milli jassigurah, huwa jwieġeb għat-telfa tal-bastiment u għall-avariji.Jekk il-bastiment ikun assigurat, l-użufruttwarju jiġi meħlus, sal-ammont tal-assigurazzjoni, billi jċiedi lis-sid kull jedd tiegħu kontra l-assiguraturi, iżda l-ħlas tal-premju jibqa’ dejjem għall-użufruttwarju.
Kif jispiċċa l-Użufrutt
[immodifika | immodifika s-sors]L-użufrutt jispiċċa bil-mewt tal-użufruttwarju; bl-għeluq taż-żmien li għalih ikun ġie magħmul; bil-konsolidazzjoni jew bil-għaqda f’waħda u l-istess persuna taż-żewġ kwalitajiet tal-użufruttwarju u ta’ sid; billi ma jsirx użu mill-jedd għal żmien ta’ tletin sena; bit-telfa għal kollox tal-ħaġa li fuqha l-użufrutt ikun ġie magħmul.
L-użufrutt jista’ jispiċċa wkoll billi l-użufruttwarju jinqeda ħażin bil-jeddijiet tiegħu sew billi jagħmel ħsarat fil-fondi,jew billi jħallihom jitgħarrqu minħabba nuqqas ta’ tiswijiet ordinarji.Il-qorti f’dawn il-każijiet tista’ , skont il-gravità taċ-ċirkostanzi,minflok ma tiddikjara l-użufrutt mitluf għal kollox, jew taħtar amministratur, inkella tordna li l-beni jintraddu lis-sid, iżda taħt il-kondizzjoni li jħallas kull sena lill-użufruttwarju, jew lil dawk li jkollhom jedd minnu, somma determinata matul iż-żmien tal-użufrutt.L-użufruttwarju, kif ukoll kull wieħed mill-kredituri tiegħu,jista’ jevita t-telfien tal-użufrutt, il-ħatra ta’ amministratur, jew ir-radd tal-beni hawn fuq imsemmija, billi joffri li jagħmel it-tiswijiet meħtieġa, u billi jagħti garanzija għall-esekuzzjoni ta’ din l-obbligazzjoni fiż-żmien li jiġi mogħti mill-qorti, basta li l-offerta ssir u l-garanzija tiġi mogħtija qabel ma tingħata s-sentenza fuq talba tas-sid, jew fi żmien ħmistax-il ġurnata minn dak in-nhar li s-sentenza tgħaddi f’ġudikat.
Iż-żmien ta’ użufrutt magħmul favur ta’ korp morali ma jistax ikun ta’ iżjed minn tletin sena; u jekk l-użufrutt jiġi magħmul mingħajr limiti ta’ żmien, jew għal żmien ta’ aktar minn tletin sena, ikun jiswa biss għal tletin sena.
L-użufrutt mogħti saż-żmien li persuna oħra tilħaq ċerta età, idum għal dak iż-żmien kollu, ukoll jekk dik il-persuna tmut qabel ma tilħaq dik l-età.
Il-bejgħ tal-ħaġa suġġetta għall-użufrutt ma jġib ebda tibdil fil-jedd tal-użufruttwarju; u huwa jibqa’ jgawdi l-użufrutt, kemm-il darba ma jkunx irrinunzja għalih.
Il-kredituri tal-użufruttwarju jistgħu jitolbu li tiġi ddikjarata nulla r-rinunzja għall-użufrutt, li l-użufruttwarju jkun għamel bi ħsara tagħhom.
Jekk il-ħaġa suġġetta għall-użufrutt tinqered biss f’biċċa, l-użufrutt jibqa’jseħħ fuq il-biċċa li tifdal.
Jekk l-użufrutt ikun magħmul fuq bini biss, u dan il-bini jiġġarraf minħabba qdumija jew jiġi meqrud b’aċċident, l-użufruttwarju ma jkollux jedd għat-tgawdija tal-art jew tal-materjal. Iżda, jekk l-użufrutt kien magħmul fuq fond, li minnu dak il-bini ma kienx jagħmel ħlief sehem, l-użufruttwarju għandu jedd igawdi l-art, u jista’ jinqeda bil-materjal, sew biex itella’ mill-ġdid il-bini li jkun waqa’, jew biex isewwi partijiet oħra tal-fond suġġett għall-użufrutt.F’kull wieħed minn dawn il-każijiet, jekk il-bini ma jiġix meqrud, jew ma jiġġarrafx ħlief f’biċċa,l-użufruttwarju jibqa’fil-jedd li jgawdi l-art u l-materjal.
Meta l-użufrutt ikun ta’ bastiment, u dan il-bastiment ikun fi stat li ma jistax jissewwa, l-użufrutt jispiċċa.