Aqbeż għall-kontentut

Traduzzjoni multimedjali

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

It-traduzzjoni multimedjali, magħrufa wkoll bħala traduzzjoni awdjoviżiva, hija fergħa speċjalizzata ta’ traduzzjoni li titratta t-trasferiment ta’ testi multimodali u multimedjali f’lingwa u/jew f’kultura oħra.[1] Dan jimplika l-użu ta’ sistema multimedjali elettronika fil-proċess ta’ traduzzjoni jew ta’  trażmissjoni.

Applikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

It-traduzzjoni multimedjali tista’ tintuża f’diversi oqsma, fosthom iċ-ċinema, it-televiżjoni, it-teatru, ir-reklamar, u l-komunikazzjoni awdjoviżiva.

It-test awdjoviżiv jista’ jitqies bħala multimodali meta jinħadem u jiġi interpretat bl-użu ta’ diversi inkwadraturi, xotts, jew fażijiet, li jiġu analizzati bl-għan li jinstabu l-modalitajiet semjotiċi kollha li riżorsi semjotiċi, imsejħa wkoll ‘modi’.[2] Meta diversi modi, bħal-lingwa, l-istampa, il-mużika, il-kulur, u l-perspettiva jingħaqdu f’forom differenti ta’ midja, it-test awdjoviżiv jista’ jitqies bħala multimedjali.[3]

Eżempju ta’ dan hija t-traskrizzjoni multimodali, li tintuża fiċ-ċinema.[4] Film huwa maqsum f’inkwadraturi, xotts jew fażijiet,[4] li jiġu analizzati bl-għan li jinstabu l-modalitajiet semjotiċi kollha li joperaw fi ħdan kull wieħed minnhom.

Studju akkademiku tat-traduzzjoni multimedjali

[immodifika | immodifika s-sors]

It-traduzzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi multimedjali huwa suġġett ta’ riċerka akkademika, fergħa tal-istudji tat-traduzzjoni.[5] Dan il-qasam interdixxiplinari jislet minn oqsma u suġġetti varji, fosthom il-globalizzazzjoni u l-postglobalizazzjoni, xjenzi soċjali, studji kulturali, studji tar-rispons, il-psikoloġija soċjali, it-teorija tar-rilevanza, u studji għall-persuni neqsin mis-smigħ.[6]

Modi ta' traduzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Kemm il-forma, kif ukoll is-sustanza tal-proċess kreattiv tat-traduzzjoni multimedjali huma influwenzati mill-proċess u mit-tip ta’ għodda użati. Limiti speċifiċi huma imposti mill-grafiċi diġitali, u miż-żmien u l-mod tal-użu.

Id-doppjaġġ, magħruf ukoll bħala “s-sinkronija tax-xofftejn”, jinvolvi kemm it-traduzzjoni u s-sinkronizzazzjoni tagħha, kif ukoll id-doppjaġġ tal-atturi.[7] Xi drabi meqjus bħala l-aktar forma komprensiva ta’ traduzzjoni, id-doppjaġġ jimxi kemm jista’ jkun mas-sinkronizzazzjoni tal-ħin, mal-formulazzjoni tal-kliem, u mal-moviment tax-xofftejn tad-djalogu oriġinali.[8] Minkejja li dan il-mod huwa normalment interlingwali, hemm xi każijiet ta’ doppjaġġ intralingwali, għalkemm mhux daqstant komuni.[7]

Is-sottotitolar huwa l-aktar mod li ġie studjat fil-qasam tat-traduzzjoni multimedjali. Il-prattika tas-sottotitolar hija prattika lingwistika li turi test miktub fuq skrin li twassal għal verżjoni tal-lingwa mira tad-diskors li jintqal fis-sors.[8] Magħmul minn ħafna sottotipi, l-aktar wieħed użat huwa s-sottotitolar interlingwistiku, li normalment jintwera f’sottotitoli miftuħa [7](bl-Ingliż: open captions. bl-Ispanjol: subtítulos abiertos. bit-Taljan: sottotitoli aperti). F'postijiet fejn jiġu mitkellma diversi lingwi, is-sottotitoli bilingwi jintużaw biex juru żewġ verżjonijiet differenti tal-lingwa tat-test sors fl-istess ħin.[8]

Voice over jinvolvi s-soundtrack oriġinali u t-traduzzjoni li qed tixxandar fl-istess ħin.[7] Għall-bidu, tinstema’ biss l-oriġinali, iżda meta l-verżjoni tradotta tibda tinstema’ aktar, il-volum tal-oriġinali jitnaqqas.[8] Minħabba l-effett realistiku tal-voice over, din it-tip ta’ traduzzjoni tintuża l-iktar f’dokumentarji jew intervisti,[7] u hija meqjusa bħala alternattiva aktar irħisa mid-doppjaġġ. Minħabba f’hekk, dan il-mod ta’ traduzzjoni multimedjali huwa l-għażla prinċipali għat-traduzzjoni ta’ films f’pajjiżi eks komunisti u f’xi pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Asja.[8]

Is-sottotitolar għall-persuni neqsin mis-smigħ (SDH)

[immodifika | immodifika s-sors]

SDH huwa maħsub għal dawk li għandhom diffikultà biex jisimgħu d-djalogu f’film jew programm televiżiv billi jgħinhom "jaraw" il-ħoss.[7] Għalkemm simili għas-sottotitolar, l-SDH iżid informazzjoni addizzjonali biex jaqbel mad-dimensjoni verbali.[7] Oriġinarjament, dawn is-sottotitoli kienu disponibbli biss għall-films u għal xandiriet irrikordjati minn qabel.[8] Madankollu, “in-numru li dejjem qiegħed jikber ta’ proviżjonijiet leġiżlattivi u regolatorji stabbilixxew rekwiżit minimu ta’ kwota” għax-xandara u kumpaniji tas-sottotitolar.[8]

Deskrizzjoni awdjo (AD)

[immodifika | immodifika s-sors]

L-AD huwa magħmul għal dawk li huma neqsin mid-dawl jew li għandhom vista parzjali, u jassisti billi jirrakkonta aspetti viżwali ta’ films jew ta’ programmi televiżivi fost oħrajn.[7] It-traċċa awdjo deskrittiva ma tfixkilx lid-djalogu oriġinali peress li jiġi użat waqt partijiet siekta.[7] Il-vuċi fit-traċċa, magħrufa bħala d-“deskrittur tal-awdjo”, tiżgura bilanċ ta’ dak li hu meħtieġ għall-plott filwaqt li ma jgħabbix lill-udjenza b’informazzjoni eċċessiva.[8] Dawn id-deskrizzjonijiet partikolari jiġu rrikordjati, iżda jistgħu jsiru wkoll f’xandira diretta, (għalkemm xorta ppreparati minn qabel) bħal pereżempju fit-teatri.[7] Dan il-mod ta' traduzzjoni multimedjali huwa neċessarju biex "jiżgura l-aċċessibbiltà ta' prodotti awdjoviżivi għal dawk neqsin mid-dawl."[8]

  1. González, Luis Pérez. "Audiovisual Translation", in Baker, Mona and Gabriela Saldanha (eds.), Routledge Encyclopedia of Translation Studies, London, 2009, p. 13.
  2. Baldry, Anthony and Paul J. Thibault. Multimodal Transcription and Text Analysis, London & Oakville: Equinox, 2006.
  3. Negroponte, Nicholas. Multimedia [Interview]. Hightech (August 1991): 68.
  4. 1 2 Taylor, Christopher J. (2003). "Multimodal Transcription in the Analysis, Translation and Subtitling of Italian Films". The Translator. 9 (2): 191–205. doi:10.1080/13556509.2003.10799153. S2CID 145071190.
  5. Diaz Cintas, Jorge. New Trends in Audiovisual Translation. Bristol/Buffalo/Toronto: Multilingual Matters. 2009. ISBN.
  6. Pavlović, Nataša (2004). "Addressing Power and Solidarity in TV Subtitling". Across Languages and Cultures. 5 (2): 211–232. doi:10.1556/Acr.5.2004.2.4.
  7. 1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 Isabel, Ana; Bartolomé, Hernández; Cabrera, Gustavo Mendiluce (2005). "New Trends in Audiovisual Translation: The Latest Challenging Modes" (PDF). Miscelánea. 31: 89–104. Archived from the original (PDF) on 2016-12-20.
  8. 1 2 3 4 5 6 7 8 9 Pérez-Gonzalez, Luis (2014). Audiovisual Translation Theories, Methods And Issues. New York: Routledge.