Aqbeż għall-kontentut

Torrijiet residenzjali tas-Svan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-torrijiet residenzjali tas-Svan qrib Mestia.

It-torrijiet residenzjali tas-Svan (bil-Georgian: სვანური კოშკი; b'ittri Rumani: svanuri k'oshk'i) jirreferu għat-torrijiet li kienu jintużaw bħala djar kif ukoll bħala abitazzjonijiet difensivi fir-reġjun storiku Georgian ta' Svaneti (illum il-ġurnata msejjaħ Samegrelo-Zemo Svaneti). Dawn it-torrijiet huma uniċi fir-reġjun u nbnew primarjament bejn is-sekli 9 u 12, matul l-epoka tad-deheb tal-Georgia. Madankollu, l-oriġini tat-torrijiet x'aktarx li tmur lura għall-preistorja.[1]

It-torrijiet residenzjali tas-Svan huma djar għalihom jew inkella huma inkorporati ma' strutturi residenzjali oħra. It-torrijiet normalment huma għoljin 3-5 sulari, u l-ħxuna tal-ħitan tagħhom tonqos iktar ma jgħolew, u b'hekk għandhom dehra tiċkien sal-quċċata. Is-sulari ta' fuq tat-torrijiet kienu jintużaw b'mod esklużiv għad-difiża, bil-parapetti u bl-amberżuni bħala rpar meta r-residenti kienu jwaddbu l-oġġetti ppuntati lejn l-għadu. L-istrutturi residenzjali kkollegati mat-torrijiet normalment kien ikollhom erja ta' 80-130 metru kwadru u kien ikollhom żewġ sulari: il-pjan terran tad-dar, imsejjaħ il-machub, u s-sular ta' fuq, imsejjaħ id-darbazi. Il-pjan terran kien magħmul minn sala unika b'ħuġġieġa u kien jipprovdi akkomodazzjoni għall-bnedmin u għall-annimali, b'ħitan diviżorji tal-injam imżejna b'mod elaborat biex jisseparaw iż-żewġ spazji. Is-sular ta' fuq kien jipprovdi akkomodazzjoni għas-sajf u kien jintuża wkoll għall-ħżin. Barra minn hekk, is-sular ta' fuq kien jipprovdi wkoll aċċess għat-torri (meta t-torri kien ikun inkorporat fi struttura residenzjali oħra). Iż-żewġ sulari kien ikunu kkollegati ma' xulxin permezz ta' sellum tal-injam.[1]

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Bosta mit-torrijiet residenzjali tas-Svan fir-reġjun ta' Svaneti ġew mitluqa jew għebu għalkollox. Madankollu, it-torrijiet residenzjali tas-Svan f'Chazhashi, fil-komunità ta' Ushguli, ġew ippreservati bħala mużew u riżerva, b'saħansitra iktar minn 200 torri residenzjali. L-arkitettura unika tat-torrijiet residenzjali tas-Svan fir-reġjun ta' Svaneti u n-natura Medjevali ta' Ushguli, Mestia, u n-Naħa ta' Fuq ta' Svaneti, wasslu biex ir-reġjun jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[1]

Veduta ta' diversi torrijiet residenzjali tas-Svan f'inżul ix-xemx.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

In-Naħa ta' Fuq ta' Svaneti ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irriversibbli".[1]

  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Upper Svaneti". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-09.