Tempju tal-Ġenna

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Is-Sala tat-Talb għal Ħsad Tajjeb, l-ikbar binja tat-Tempju tal-Ġenna

It-Tempju tal-Ġenna (biċ-Ċiniż: 天坛; bil-pinyin: Tiāntán) huwa kumpless imperjali ta' binjiet reliġjużi li jinsabu fil-parti tal-Lbiċ taċ-ċentru ta' Beijing, il-belt kapitali taċ-Ċina. Il-kumpless kienu jżuruh l-imperaturi tad-dinastiji Ming u Qing għaċ-ċerimonji annwali ta' talb lis-smewwiet għal ħsad tajjeb. It-tempju huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kumpless tat-tempju nbena bejn l-1406 u l-1420 matul ir-renju tal-imperatur Yongle tad-dinastija Ming, li kien responsabbli wkoll għall-kostruzzjoni tal-Belt Projbita f'Beijing. Il-kumpless jinsab fil-kwartier ta' Dongcheng f'Beijing. Dan il-kumpless ġie estiż u ngħata l-isem ta' Tempju tal-Ġenna matul ir-renju tal-imperatur Jiajing fis-seklu 16. L-imperatur Jiajing bena wkoll tliet tempji prominenti oħra f'Beijing, it-Tempju tax-Xemx (日壇) fil-Lvant, it-Tempju tad-Dinja (地壇) fit-Tramuntana, u t-Tempju tal-Qamar (月壇) fil-Punent. It-Tempju tal-Ġenna ġie rinnovat fis-seklu 18 taħt it-tmexxija tal-imperatur Qianlong. Iktar 'il quddiem, il-baġit statali naqas ġmielu, u għaldaqstant din ir-rinnovazzjoni fuq skala kbira tal-kumpless tat-tempju kienet l-aħħar waħda li saret fiż-żminijiet imperjali.

Veduta mill-ajru min-naħa tal-Artal tal-Għolja Ċirkolari

It-tempju ġie okkupat mill-alleanza Brittanika-Franċiża matul it-Tieni Gwerra tax-Xaħxieħa. Fis-sena 1900, matul ir-Ribelljoni tal-Forzi Boxer, l-Alleanza ta' Tmien Nazzjonijiet okkupat il-kumpless tat-tempju għal xi sena u għamlitu l-post tal-kmand temporanju tal-forzi f'Peking (kif kienet tissejjaħ Beijing dak iż-żmien). Bi tmiem il-poter tad-dinastija Qing, il-kumpless tat-tempju tħalla mingħajr ġestjoni u ġie ttraskurat tant li diversi swali ċedew fis-snin ta' wara.

Fl-1914, Yuan Shikai, il-President tar-Repubblika taċ-Ċina ta' dak iż-żmien, għamel ċerimonja ta' talb skont it-tradizzjoni tad-dinastija Ming fil-kumpless tat-tempju, bħala parti minn sforz biex hu stess jiġi ddikjarat Imperatur taċ-Ċina. Fl-1918, it-tempju nbidel f'park u għall-ewwel darba nfetaħ għall-pubbliku.

It-Tempju tal-Ġenna ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998 u ġie deskritt bħala "kapulavur tal-arkitettura u tad-disinn tal-pajsaġġ li b'sempliċità u b'mod grafiku huwa turija tal-kożmogonija ta' importanza kbira għall-evoluzzjoni ta' waħda miċ-ċivilizzazzjonijiet il-kbar tad-dinja... u "l-pjanta u d-disinn simboliċi tat-Tempju tal-Ġenna kellhom influwenza profonda fuq l-arkitettura u l-ippjanar fil-Lvant Imbiegħed tul ħafna sekli".[1]

Binjiet u pjanta tal-kumpless[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kumpless tat-tempju jkopri territorju ta' 2.73 km2 u fih tliet gruppi ewlenin ta' kostruzzjonijiet, kollha mibnijin skont rekwiżiti filosofiċi stretti:

  • Is-Sala tat-Talb għal Ħsad Tajjeb (祈年殿) hija binja ċirkolari straordinarja b'saqaf bi frontun triplu, b'dijametru ta' 36 metru u għoli 38 metru, mibnija fuq tliet livell ta' bażi tal-ġebel u tal-irħam, fejn l-imperatur kien jitlob għal ħsad tajjeb. Il-binja hija magħmula kompletament bl-injam, mingħajr l-użu tal-imsiemer. Il-binja oriġinali kienet inqerdet minħabba nirien ikkawżati bis-sajjetti fl-1889. Il-binja attwali nbniet mill-ġdid diversi snin wara.[2]
  • Il-Volta Imperjali tal-Ġenna (皇穹宇) hija binja ċirkolari b'saqaf bi frontun wieħed, mibnija fuq livell wieħed ta' bażi tal-ġebel u tal-irħam. Tinsab fin-Nofsinhar tas-Sala tat-Talb għal Ħsad Tajjeb u tixbaħha imma hija iżgħar. Hija mdawra b'ħajt ċirkolari lixx, il-Ħajt tal-Eku, li jista' jittrażmetti l-ħsejjes fuq distanzi twal. Il-Volta Imperjali hija kkollegata mas-Sala tat-Talb permezz tal-Pont Imtarraġ Vermilju, li huwa mogħdija twila 360 metru li bil-mod il-mod titla' 'l fuq mill-Volta sas-Sala tat-Talb. Is-saqaf bi frontun wieħed ta' din il-binja ma għandux xorok biex jappoġġah u lanqas imsiemer.[3]
  • L-Artal tal-Għolja Ċirkolari (圜丘坛) huwa artal proprju u jinsab fin-Nofsinhar tal-Volta Imperjali tal-Ġenna. L-artal huwa pjattaforma ċirkolari vojta fuq tliet livelli tal-ġebel u tal-irħam. Kull livell huwa ddekorat bi draguni mnaqqxin b'reqqa kbira. L-għadd ta' diversi elementi tal-artal, inkluż in-numru ta' balavostri u ta' taraġ, dejjem jammonta għan-numru sagru disa' jew in-nonupli tiegħu. Iċ-ċentru tal-artal huwa ġebla tonda msejħa l-Qalb tal-Ġenna (天心石) jew il-Yang Suprem (太阳石), fejn l-imperatur kien jitlob għal temp favorevoli. Bis-saħħa tad-disinn tal-artal, il-ħoss tat-talb jiġi rifless permezz tal-poġġamani ta' lqugħ, li joħolqu risonanza sinifikanti. Dan suppost kellu jgħin biex it-talb jasal il-ġenna. L-artal inbena fl-1530 mill-imperatur Jiajing u reġa' nbena mill-ġdid fl-1740.[2]

Ċerimonja[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sala tat-Talb għal Ħsad Tajjeb minn ġewwa

Fiċ-Ċina tal-qedem, l-Imperatur taċ-Ċina kien meqjus bħala Iben il-Ġenna, li kien jamministra l-affarijiet tad-dinja f'isem l-awtorità tas-smewwiet, filwaqt li jirrappreżentaha fuq din l-art. Sabiex ikun jidher li qed juri r-rispett tiegħu lejn is-sors tal-awtorità tiegħu, kien importanti ħafna li joffri sagrifiċċji lis-smewwiet. It-tempju nbena proprju għal dawn iċ-ċerimonji, li kienu jinkludu talb għal ħsad tajjeb.

Darbtejn fis-sena, l-imperatur flimkien mal-qaddejja tiegħu kien jiċċaqlaq mill-Belt Projbita biex joqgħod fi ħdan il-kumpless. Kien jilbes ilbies speċjali u ma kienx jiekol laħam. L-ebda ċittadin komuni Ċiniż ma kien jitħalla jara din il-purċissjoni jew iċ-ċerimonja li kienet issir wara. Fil-kumpless tat-tempju l-imperatur kien jitlob personalment lis-smewwiet għal ħsad tajjeb. Il-qofol taċ-ċerimonja fis-solstizju tax-xitwa kien isir mill-imperatur fuq l-għolja. Iċ-ċerimonja kellha ssir bi preċiżjoni kbira; għaliex it-twemmin kien li l-iċken żball seta' jwassal għal saħta kbira għan-nazzjon kollu fis-sena ta' wara.[4]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tempju tal-Ġenna ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998. Il-valur universali straordinarju ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Temple of Heaven: an Imperial Sacrificial Altar in Beijing". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-14.
  2. ^ a b "Temple of Heaven Park | Beijing, China Attractions". Lonely Planet (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-14.
  3. ^ "Temple of Heaven | building complex, Beijing, China". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-14.
  4. ^ "Temple Of Heaven, History, Interesting Facts, Culture, Tours & More" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-01-24. Miġbur 2021-03-14.