Teatru Antik ta’ Epidaurus
It-Teatru Antik ta’ Epidaurus huwa teatru fil-belt Griega ta’ Epidaurus, li jinsab fin-naħa tax-Xlokk tas-santwarju ddedikat lill-alla Grieg antik tal-mediċina, Asclepius. It-teatru nbena fuq in-naħa tal-Punent tal-muntanja Cynortion, ħdejn ir-raħal modern ta’ Lygourio, u jagħmel parti mill-Muniċipalità ta’ Epidaurus. It-teatru huwa meqjus bħala l-iktar teatru Grieg antik perfett fir-rigward tal-akustika u l-estetika.[1] Is-Santwarju ta’ Asclepius, inkluż it-Teatru Antik ta’ Epidaurus, tniżżel bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Skont Pausanias, it-teatru antik inbena fl-aħħar tas-seklu 4 Q.K.[3] mill-arkitett Polykleitos iż-Żgħir.[4] Pausanias ifaħħar lit-teatru għas-simetrija u għas-sbuħija tiegħu.[5] B’kapaċità massima ta’ 13,000 sa 14,000 spettatur, it-teatru ospita avvenimenti mużikali, avvenimenti tal-kant u logħob drammatiku li kienu inklużi fil-qima ta’ Asclepius. It-Teatru Antik ta’ Epidaurus intuża wkoll bħala mezz ta’ fejqan tal-pazjenti, peress li kien hemm it-twemmin li l-osservazzjoni ta’ spettakli drammatiċi kellha effetti pożittivi fuq is-saħħa mentali u fiżika.
Illum il-ġurnata, il-monument jattira għadd kbir ta’ viżitaturi Griegi u barranin u jintuża għar-rappreżentazzjoni ta’ drammi teatrali tal-qedem.[6] L-ewwel spettaklu modern li twettaq fit-teatru kienet it-traġedja ta’ Sofokle msejħa Electra. L-ispettaklu sar fl-1938, taħt id-direzzjoni ta’ Dimitris Rontiris, u fost l-atturi ewlenin kien hemm Katina Paxinou u Eleni Papadaki.[7]
L-ispettakli waqfu ħesrem minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija. L-ispettakli teatrali, fil-qafas ta’ festival organizzat, reġgħu bdew fl-1954. Fl-1955 ġew stabbiliti bħala avveniment annwali għall-preżentazzjoni ta’ drammi teatrali tal-qedem. Il-Festival ta’ Epidaurus għadu jsir kull sena matul ix-xhur tas-sajf.
It-teatru ntuża b’mod sporadiku biex jospita avvenimenti mużikali kbar. Fil-qafas tal-Festival ta’ Epidaurus, dehru atturi Griegi u barranin magħrufa, fosthom is-sopran Griega Maria Callas f’Norma fl-1960 u f’Médée fl-1961.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-monument għandu l-istruttura tripartitika karatteristika ta’ teatru Ellenistiku b’theatron, orkestra u skene. Fi Żmien ir-Rumani, it-teatru (għall-kuntrarju ta’ ħafna teatri Griegi) ma saritlu l-ebda modifika.
L-awditorju huwa maqsum vertikalment f’żewġ partijiet mhux ugwali, il-vojt jew it-teatru t’isfel u t-teatru ta’ fuq jew l-epiteatru. Iż-żewġ sottosezzjonijiet huma separati minn kuritur orizzontali biex jippermetti l-moviment tal-ispettaturi (wiesa’ 1.82 metru), magħruf bħala l-freġju. Il-parti t’isfel tal-awditorju hija maqsuma fi 12-il sezzjoni, filwaqt li l-parti ta’ fuq hija maqsuma fi 22 sezzjoni. Ir-ringieli t’isfel tal-awditorji ta’ fuq u t’isfel għandhom spazju ta’ presidenza, jiġifieri postijiet riżervati għal nies importanti. Id-disinn tal-awditorju huwa uniku u huwa bbażat fuq tliet ċentri tal-immarkar. Minħabba dan id-disinn speċjali, l-arkitetti kisbu kemm akustika ottimali kif ukoll fetħa aħjar biex l-udjenza tkun tista’ tara l-ispettaklu aħjar.
L-orkestra ċirkolari, b’dijametru ta’ 20 metru, tikkostitwixxi ċ-ċentru tat-teatru. Fiċ-ċentru hemm thymele, bażi ċirkolari tal-ġebel jew il-bażi ta’ artal. Taħt l-art, mad-dawra tal-orkestra, hemm sistema speċjali ta’ pajpijiet tad-drenaġġ b’wisa’ ta’ 1.99 metru, imsejħa l-euripos. L-euripos kienet mgħottija minn mogħdija ċirkolari tal-ġebel.
Fuq in-naħa opposta tal-awditorju u wara l-orkestra, hemm il-bini tal-palk tat-teatru (skene), li nbena f’żewġ fażijiet:[8] l-ewwel fażi tal-kostruzzjoni x’aktarx li bdiet lejn l-aħħar tas-seklu 4 Q.K. u t-tieni fażi tal-kostruzzjoni x’aktarx li seħħet fin-nofs tas-seklu 2 Q.K. Il-format tal-iskene (li ġie parzjalment ippreservat) x’aktarx li jmur lura għall-perjodu Ellenistiku u kien jikkonsisti minn bini ta’ palk fuq żewġ sulari u minn proscenium quddiem il-palk. Kien hemm kolonnat quddiem il-proscenium u fuq iż-żewġ naħat tiegħu kienu jibqgħu ħerġin kemxejn iż-żewġ sezzjonijiet ta’ wara l-kwinti. Fil-Lvant u fil-Punent taż-żewġ sezzjonijiet ta’ wara l-kwinti kien hemm żewġ kmamar rettangolari żgħar għall-ħtiġijiet tal-artisti tal-ispettakli. Żewġ rampi jagħtu għas-saqaf tal-proscenium, magħruf bħala l-logeion, fejn l-atturi kienu jwettqu l-ispettakli. Fl-aħħar nett, it-teatru kellu żewġ daħliet jew bibien tal-aċċess li ġew irrestawrati.
Skavi
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel skavi sistematiċi tat-teatru bdew fl-1881 mis-Soċjetà Arkeoloġika, taħt id-direzzjoni tal-arkeologu Panayis Kavvadias[9], u t-teatru baqa’ ppreservat f’kundizzjoni tajba ħafna bis-saħħa tar-restawr[10] li twettaq minn P. Kavvadias (fl-1907), minn A. Orlandos (mill-1954 sal-1963) u mill-Kumitat tal-Preservazzjoni tal-Monumenti ta’ Epidaurus (mill-1988 sal-2016).[11] Permezz tax-xogħol li sar, it-teatru ġie rkuprat – minbarra l-bini tal-palk – kważi kompletament fil-forma oriġinali tiegħu.
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Santwarju ta’ Asclepius, inkluż it-Teatru Antik ta’ Epidaurus, ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Vassilantonopoulos, Stamis; Hatziantoniou, Panagiotis; Tatlas, Nicolas-Alexander; Zakynthinos, Tilemachos; Skarlatos, Dimitrios; Mourjopoulos, John N. (September 2011). "Measurements and analysis of the acoustics of the ancient theatre of Epidaurus". The Acoustics of Ancient Theatres Conference" (PDF).
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sanctuary of Asklepios at Epidaurus". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-10.
- ^ Skont il-kitba mnaqqxa quddiem it-teatru.
- ^ "Ελλάδος περιήγησις/Κορινθιακά - Βικιθήκη". el.wikisource.org (bil-Grieg). Miġbur 2021-05-10.
- ^ Παπαχατζής, Νικόλαος (1989). Παυσανίου Ελλάδος Περιήγησις βιβλίο 2ο ΛΑΚΩΝΙΚΑ. Αθήνα.
- ^ Γώγος Σάββας, Γεωργουσόπουλος Κωνσταντίνος – Ομάδα Θεατρολόγων, Σάββας, Κωνσταντίνος (2004). ΕΠΙΔΑΥΡΟΣ: το Αρχαίο Θέατρο και οι Παραστάσεις. Αθήνα: ΜΙΛΗΤΟΣ. p. 452. ISBN 978-960-8460-46-1.
- ^ "Η ιστορία - Φεστιβάλ Αθηνών & Επιδαύρου 2014". web.archive.org. 2015-03-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-03-28. Miġbur 2021-05-10.
- ^ Von Gerkan, Müller -Wiener, Armin, Wiener (1961). Das Theater von Epidaurus. Stuttgart.
- ^ Καββαδίας, Παναγής (2006). Το Ασκληπιείο της Επιδαύρου (Επανέκδοση του έργου: Το Ιερόν του Ασκληπιού εν Επιδαύρω και η θεραπεία των ασθενών). Αθήνα.
- ^ Μπολέτης, Κωνσταντίνος (2002). «Ιστορικό των νεότερων επεμβάσεων στο θέατρο του Ασκληπιείου Επιδαύρου και στον ευρύτερο χώρο του έως το 1989»,. Αθήνα: Αρχαιολογικό Δελτίο, Ανάτυπο, Μέρος Α΄: Μελέτες, Τόμος 57.
- ^ Ομάδα Εργασίας για τη συντήρηση των μνημείων Επιδαύρου, Ο.Ε.Σ.Μ.Ε. (1999). Το Ασκληπιείο της Επιδαύρου: η έδρα του θεού γιατρού της αρχαιότητα, η συντήρηση των μνημείων του. Πελοπόννησος: Περιφέρεια Πελοποννήσου. p. 95.