Sewell
Sewell | |
---|---|
Ċilì | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Ċilì |
Region of Chile | Reġjun ta' O'Higgins |
Province of Chile | Provinċja ta' Cachapoal |
Commune of Chile | Machalí |
Ismijiet oriġinali | Sewell |
Ġeografija | |
Koordinati | 34°05′06″S 70°22′57″W / 34.085°S 70.3825°WKoordinati: 34°05′06″S 70°22′57″W / 34.085°S 70.3825°W |
Superfiċjenti | 17.2 hectare, 33 hectare |
Għoli | 2,150 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 0 abitanti |
sewell.cl… |
Sewell huwa raħal tal-estrazzjoni diżabitat fiċ-Ċilì li jinsab fix-xaqlibiet tal-Andes fil-komun ta' Machalí fil-Provinċja ta' Cachapoal, fir-Reġjun ta' Libertador General Bernardo O'Higgins, f'altitudni ta' bejn 2,000 u 2,250 metru. Fl-2006 ir-raħal ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Huwa magħruf bħala eks raħal tal-estrazzjoni, li ġie żviluppat mill-Kumpanija tar-Ram ta' Braden (bl-Ingliż: Braden Copper Company) għall-abitazzjonijiet tal-ħaddiema (u għall-familji tagħhom) assoċjati mal-operazzjonijiet ta' El Teniente, l-ikbar minjiera ta' taħt l-art tal-estrazzjoni tar-ram fid-dinja.
Fl-aqwa tar-raħal, fl-1960, kien jgħixu hemmhekk 16,000 ruħ. Wara li l-gvern xtara l-maġġoranza tal-ishma tal-minjiera, u iktar u iktar wara li l-estrazzjoni tar-ram ġie nazzjonalizzat fl-1971, il-kumpanija tal-gvern ittrasferiet il-ħaddiema fil-wied. Barra minn hekk, il-gvern bena l-Awtostrada tar-Ram sabiex tipprovdi l-aċċess għall-minjiera u għall-operazzjonijiet relatati. Filwaqt li xi binjiet twaqqgħu fis-snin 80 tas-seklu 20, oħrajn dan l-aħħar ġew rinnovati għall-ħaddiema kuntrattwali, u ġew irrestawrati bħala parti mill-preservazzjoni ta' dan is-sit storiku. Il-gvern taċ-Ċilì ddeżinjah fl-1998 bħala l-Monument Nazzjonali.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-raħal ġie stabbilit fl-1906 mill-Kumpanija tar-Ram ta' Braden bħala raħal tal-kumpanija biex jappoġġa l-estrazzjoni tar-ram mill-minjiera ta' El Teniente. Ir-raħal ingħata kunjom l-ewwel president tal-kumpanija, Barton Sewell.[2]
Matul id-Depressjoni l-Kbira, il-Kumpanija tar-Ram ta' Braden saret sussidjarja tal-Kumpanija tar-Ram ta' Kennecott. Fl-1917 il-fonderija ġiet ittrasferita minn Sewell għal Caletones, fejn żviluppa raħal ieħor madwarha.
Oriġinarjament il-ħaddiema rġiel kienu jgħixu f'abitazzjonijiet kondiviżi f'Sewell, imsejħa colectivos. Iktar 'il quddiem żdiedu l-abitazzjonijiet tal-familji, u mbagħad ġew żviluppati bandli, pjazez, ħwienet u ċinema. In-nies bil-mixi kienu jitilgħu u jinżlu t-taraġ vertikali biex jilħqu l-livelli differenti tar-raħal. It-toroq kienu orizzontali u ma kinux pavimentati minħabba l-kundizzjonijiet qalila tat-temp fix-xitwa. Ma kien hemm l-ebda karozza fir-raħal. Fuq in-naħa li tħares lejn il-Punent ta' Cerro Negro, ġie żviluppat kamp għall-persunal barrani.
Il-minerali estratti kienu jitniżżlu mill-ġenb tal-muntanja lejn Graneros, fejn kienu jitgħabbew fuq vaguni ferrovjarji. Il-linja ferrovjarja tal-gejġ dejjaq li kienet tikkollega lil Sewell mar-raħal fil-qrib ta' Rancagua, 32 kilometru (20 mil) 'il bogħod, bdiet tinbena fl-1906 u tlestiet fl-1911. Id-distanza totali li kienet tkopri kienet 72 kilometru (45 mil) b'bidla fl-elevazzjoni ta' 1,500 metru (5,000 pied).
Sal-1915 inbnew u ġew stabbiliti sptar, dipartiment tat-tifi tan-nar u klabb soċjali f'Sewell. Il-binjiet u d-djar kienu magħmulin bl-injam, u ġew miżbugħa b'kuluri jgħajtu bħall-isfar, l-aħmar u l-blu. Fl-aqwa tiegħu, fl-1960, ir-raħal kellu iktar minn 16,000 abitant. Sal-1918 ir-raħal kellu iktar minn 12,000 ruħ.[3]
Sewell huwa magħruf bħala l-"Belt tat-Taraġ". Ir-raħal inbena fuq art wisq wieqfa għall-vetturi bir-roti, madwar taraġ ċentrali kbir, imsejjaħ l-Escalara Central, li nbena mill-istazzjon ferrovjarju. Il-provvisti kollha kellhom jiġu ttrasferiti lejn il-belt permezz ta' linja ferrovjarja tal-gejġ dejjaq. F'Pueblo Hundido kien hemm il-kwartieri residenzjaliż, filwaqt li taħt id-depożiti tal-minerali kien hemm El Establecimiento, li kien fih il-konċentratur, l-impjant idroelettriku u linja tat-tramm.[4]
Fit-8 ta' Awwissu 1944, 102 ċittadini mietu f'valanga meta ċedew ix-xaqlibiet tar-raħal. Theddidiet addizzjonali oħra kienu jinkludu t-terremoti, iċ-ċedimenti tal-art u l-isplużjonijiet mill-operazzjonijiet tal-minjieri.
F'Ġunju 1945, 355 ħaddiem mietu fil-minjiera ta' El Teniente minħabba li ġew ivvelenati bil-monossidu tal-karbonju, u 747 ħaddiem oħra ndarbu, peress li d-duħħan infirex fil-minjiera minn nar li faqqa' barra. Dan id-diżastru wassal biex il-gvern jiżviluppa u jadotta iktar regolamenti dwar is-sikurezza.[5]
Deklin
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1967 il-Koroporazzjoni tar-Ram ta' Kennecott bigħet is-sjieda unika tas-sit meta l-gvern taċ-Ċilì xtara 51 % tal-ishma fil-kumpanija. Dak iż-żmien, bosta nies ġew ittrasferiti minn Sewell għal Rancagua. Il-gvern bena l-Awtostrada tar-Ram biex ikunu jistgħu jaċċessaw il-minjiera u l-operazzjonijiet tal-estrazzjoni relatati.
Fl-1971 il-minjiera ġiet nazzjonalizzata mill-gvern ta' Allende. Fl-1977, CODELCO (Corporación Nacional del Cobre de Chile), b'sjieda statali, bdiet tittrasferixxi iktar familji 'l barra minn Sewell lejn il-wied. Ir-raħal tal-kumpanija kien ilu attiv għal iktar minn seba' deċennji, u appoġġa l-kostruzzjoni u l-isfruttament tal-ikbar minjiera ta' taħt l-art fid-dinja. CODELCO mbagħad bdiet it-twaqqigħ tal-binjiet fir-raħal.
Preservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Bosta nies tkellmu favur il-preservazzjoni tar-raħal minħabba l-importanza tiegħu fl-istorja taċ-Ċilì u l-post mhux tas-soltu fejn tinsab fl-Andes. It-twaqqigħ twaqqaf lejn l-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 20. Fl-1998 il-gvern taċ-Ċilì ddikjara lil Sewell bħala Monument Nazzjonali. Fl-1999 il-Kulleġġ tal-Arkitetti taċ-Ċilì ddikjara lil Sewell bħala wieħed mill-iżjed għaxar opri urbani importanti fil-pajjiż. Inkitbu disa' kotba dwar il-ħajja f'Sewell. Fl-2006 l-UNESCO niżżlet is-sit fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji, abbażi tan-nominazzjoni bħala sit indikattiv u l-valutazzjoni tal-importanza tiegħu.[1]
Matul is-snin 80 tas-seklu 20, uħud mill-kumplament tal-binjiet ġew immudellati mill-ġdid sabiex jospitaw eluf ta' ħaddiema kuntrattwali fil-minjiera, iżda iktar 'il quddiem tneħħew. Ġew irrestawrati binjiet oħra sabiex tiġi ppreservata n-natura tar-raħal oriġinali. Għad fadal xi 50 binja rrestawrata b'kollox, u f'waħda mill-istruttura hemm mużew tal-istorja.
CODELCO juża diversi binjiet għall-uffiċċji. Attwalment fir-raħal għad fadal biss il-faċilitajiet bażiċi tal-kumpanija meħtieġa għall-estrazzjoni. Din iż-żona mhijiex aċċessibbli bil-vetturi privati. Il-gvern jippermetti ż-żjarat mill-viżitaturi permezz ta' operaturi turistiċi biss li jorganizzaw żjarat minn Santiago u minn Rancagua.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Raħal tal-Estrazzjoni ta' Sewell ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[1]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba l-elevazzjoni tiegħu, Sewell għandu klima kontinentali Mediterranja bi sjuf sħan (Dsb, skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), b'mill-inqas erba' xhur b'temperatura medja ta' iktar minn 10 °C (50 °F) u b'mill-inqas xahar b'temperatura medja taħt iż-0 °C (32 °F), bi sjuf nexfin u moderati, u xtiewi bil-borra.
Data klimatika għal Sewell, iċ-Ċilì (1991-2021) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 18.2
(64.8) |
17.8
(64.0) |
16.3
(61.3) |
12.2
(54.0) |
6.3
(43.3) |
1.4
(34.5) |
0.2
(32.4) |
2.4
(36.3) |
4.9
(40.8) |
7.7
(45.9) |
11.9
(53.4) |
15.6
(60.1) |
9.6
(49.2) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 12.8
(55.0) |
12.5
(54.5) |
10.6
(51.1) |
6.2
(43.2) |
2.4
(36.3) |
−1.4
(29.5) |
−3.1
(26.4) |
−0.8
(30.6) |
2.1
(35.8) |
3.9
(39.0) |
6.4
(43.5) |
10.2
(50.4) |
5.1
(41.3) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 6.6
(43.9) |
6.7
(44.1) |
4.4
(39.9) |
0.3
(32.5) |
−1.4
(29.5) |
−4.2
(24.4) |
−6.3
(20.7) |
−1.6
(29.1) |
−0.7
(30.7) |
0.1
(32.2) |
0.9
(33.6) |
3.2
(37.8) |
0.7
(33.2) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 6.6
(0.26) |
10.1
(0.40) |
19.7
(0.78) |
27.3
(1.07) |
62.9
(2.48) |
159.6
(6.28) |
98.3
(3.87) |
73.1
(2.88) |
55.1
(2.17) |
39.4
(1.55) |
14.6
(0.57) |
5.7
(0.22) |
572.4
(22.53) |
Sors: Climate-Data.org[6] |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Sewell Mining Town". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-21.
- ^ Charles Caldwell Hawley (2014). A Kennecott Story. The University of Utah Press. p. 105.
- ^ Charles Caldwell Hawley (2014). A Kennecott Story. The University of Utah Press. pp. 144-145.
- ^ Charles Caldwell Hawley (2014). A Kennecott Story. The University of Utah Press. pp. 127, 146.
- ^ Charles Caldwell Hawley (2014). A Kennecott Story. The University of Utah Press. p. 128.
- ^ "Clima Sewell: Temperatura, Climograma y Tabla climática para Sewell". es.climate-data.org. Miġbur 2023-10-22.