Santwarji tal-Pandas Ġganteski ta' Sichuan
Is-Santwarji tal-Pandas Ġganteski ta' Sichuan (biċ-Ċiniż simplifikat: 四川大熊猫栖息地; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 四川大熊貓棲息地; bil-Pinjin: Sìchuān Dàxióngmāo Qīxīdì) jinsabu fil-Lbiċ tal-Provinċja ta' Sichuan, iċ-Ċina, u jospitaw iktar minn 30 % tal-pandas ġganteski fid-dinja. Huma wkoll fost l-iżjed siti importanti għat-tnissil fil-magħluq ta' dawn il-pandas. Is-santwarji jkopru erja ta' 9,245 km2 b'seba' riżervi naturali u b'disa' parks xeniċi fil-Muntanji Qionglai u Jiajin. Flimkien mal-pandas ġganteski, fis-santwarji jgħixu wkoll speċijiet oħra fil-periklu ta' estinzjoni bħall-pandas ħomor, il-leopardi tal-borra u l-leopardi tal-pil imċajpar. Apparti l-foresti pluvjali tropikali, dawn is-santwarji huma fost l-iżjed postijiet botanikament rikki fid-dinja, u jospitaw bejn 5,000 u 6,000 speċi ta' flora. Ġie nnutat ukoll li r-reġjun huwa simili għall-foresti paleotropikali tal-Paleoġen u tan-Neoġen. Bis-saħħa tal-bijodiversità u tal-konservazzjoni tal-pandas ġganteski fihom, dawn is-santwarji tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Santwarji tal-Pandas Ġganteski ta' Sichuan ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Santwarji tal-Pandas Ġganteski ta' Sichuan jikkonsistu minn sittax-il komponent: seba' riżervi naturali u disa' parks xeniċi.[1]
- Seba' Riżervi Naturali:
- ir-Riżerva Naturali ta' Wolong (biċ-Ċiniż: 卧龙自然保护区);
- ir-Riżerva Naturali ta' Fengtongzhai (biċ-Ċiniż: 蜂桶寨自然保护区);
- ir-Riżerva Naturali tal-Muntanja Siguniang (biċ-Ċiniż: 四姑娘山自然保护区);
- ir-Riżerva Naturali tax-Xmara Laba (biċ-Ċiniż: 喇叭河自然保护区);
- ir-Riżerva Naturali ta' Anzihe (biċ-Ċiniż: 鞍子河自然保护区);
- ir-Riżerva Naturali tax-Xmara Heishui (biċ-Ċiniż: 黑水河自然保护区);
- ir-Riżerva Naturali ta' Jintang-Kongyu (biċ-Ċiniż: 金汤—孔玉自然保护区);
- ir-Riżerva Naturali ta' Caopo (biċ-Ċiniż: 草坡自然保护区).
- Disa' Parks Xeniċi:
- il-Park Xeniku tal-Muntanji Qingcheng-Dujiangyan (biċ-Ċiniż: 青城山—都江堰风景名胜区);
- il-Park Xeniku tal-Muntanja Tiantai (biċ-Ċiniż: 天台山风景名胜区);
- il-Park Xeniku tal-Muntanja Siguniang (biċ-Ċiniż: 四姑娘山风景名胜区);
- il-Park Xeniku tal-Muntanja bil-Borra ta' Xiling (biċ-Ċiniż: 西岭雪山风景名胜区);
- il-Park Xeniku tal-Muntanji Jiguan-Jiulonggou (biċ-Ċiniż: 鸡冠山—九龙沟风景名胜区);
- il-Park Xeniku tal-Muntanja Jiajin (biċ-Ċiniż: 夹金山风景名胜区);
- il-Park Xeniku ta' Miyaluo (biċ-Ċiniż: 米亚罗风景名胜区);
- il-Park Xeniku tal-Muntanji Lingzhen-Daxue (biċ-Ċiniż: 灵鹫山—大雪峰风景名胜区);
- il-Park Xeniku tal-Muntanja Erlang (biċ-Ċiniż: 二郎山风景名胜区).
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d "Sichuan Giant Panda Sanctuaries". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-03.