Aqbeż għall-kontentut

Fawstina Kowalska

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Santa Fawstina Kowalska)

Santa Fawstina Kowalska (Glogowiec, Polonja, 25 ta' Awwissu 1905 - Krakovja, Polonja 5 ta' Ottubru, 1938) kienet soru u mistika Pollakka li jingħad kellha viżjonijiet ta' Ġesù, li minnhom ħarġet id-devozzjoni lejn il-Ħniena Divina.

Twieldet bl-isem ta' Elena fil-majjistral ta' Lodz. Kienet ġejja minn familja kbira, fqira u reliġjuża. Kienet it-tielet wild minn għaxra, bint Stanislaw u Marianna. Missierha kien mastrudaxxa u raħħal.

Ħasset is-sejħa reliġjuża meta kien għad kellha seba' snin waqt l-espożizzjoni tas-Sagrament Imqaddes. Riedet tidħol soru kif tispiċċa mill-iskola iżda l-ġenituri ma ħallewhiex.

Ta' 16-il sena bdiet taħdem ta’ qaddejja ma’ xi familji għonja biex tgħin lill-familja tagħha.

Ta' 19-il sena daħlet fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, f'Varsavja.

Fil-Kunvent tal-Kongregazzjoni fi Krakovja, Plock, fil-Polonja, u f’Vilnius fil-Litwanja, qdiet b’ħerqa kbira l-uffiċċi ta’ koka, purtinara jew xogħol ieħr fil-ġnien.

Għexet ħajja tassew qaddisa u jingħad li Alla taha ħafna doni. Il-missjoni tagħha saret dik li tħeġġeġ lill-bnedmin ħalli jiftakru li Alla jħobbhom u jħenn għalihom, u għal dan inqdiet b’forom ġodda ta’ devozzjoni lejn il-ħniena ta’ Alla u ħabirket biex il-ħajja spiritwali tiġġedded bl-għajnuna ta’ dik id-devozzjoni.

Swor Fawstina kienet qalbha tajba u karitattiva, imma tul ħajjitha ftit fehmuha. Fawstina esperjenzjat viżjonijiet, profeziji u stigmati interni.

Id-Devozzjoni tal-Ħniena Divina

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-lejl tal-22 ta’ Frar 1931 hija esperjenzjat viżjoni partikulari: rat lil Ġesù liebes l-abjad b’idu l-waħda maħruġa ’l barra qiegħda tbierek, u l-oħra tmiss sidru. Minn sidru kienu ħerġin żewġ raġġi, wieħed aħar u l-ieħor bajdani. Hu qal lil Fawstina biex tpinġi xbieha fil-forma li kienet qed tara u bil-kliem: Ġesù, jiena nafda fik. Fawstina ma kinitx taf tpinġi.

Wara li tħabtet biex tiġi emmnuta, id-direttur spiritwali tagħa, Dun Mikiel Sopocko (ibbeatifikat fl-2008), għen biex jinstab pittur biex jagħmel it-tpinġja; ix-xbiha ta’ Ġesù tal-Ħniena Divina kienet murija lill-pubbliku għall-ewwel darba fit-28 ta’ April, 1935.

Id-devozzjoni lejn il-Ħniena Divina baqgħet tikber kif Fawstina kompliet tikber fl-għaqda tagħha ma’ Kristu. Biex timxi mal-istruzzjonijiet ta’ Dun Sopocko, Fawstina niżżlet bil-miktub il-viżonijiet u l-profezija tagħha fi djarju u dawn il-kitbiet mistiċi nqalbu f’ħafna lingwi.

Fawstina ħabbret bil-quddiem id-data ta’ mewtha li seħħet bil-marda tat-tuberkolożi fil-5 ta’ Ottubru 1938.

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, Pollakk bħalha li f'żogħżitu ħadem ħafna favur il-kawża tagħha, iddikjaraha beata fit-18 ta’ April 1993, u seba’ snin, fis-sena 2000 iddikjaraha wkoll bħala l-ewwel qaddisa tat-tielet millenju.