Robertu Bellarmino
San Robertu Bellarmino, (1542-1621), qassis u studjuż Taljan, kien wieħed mill-mexxejja ewlenin ta' dik li tissejjaħ il-Kontro-Riforma, jiġifieri l-ħidma biex il-Knisja Kattolika tiġġedded, bi tweġiba għall-Protestanti.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Roberto Francesco Romolo Bellarmino twieled f'Montepulciano, fit-Toskana, nhar l-4 ta' Ottubru 1542. Missieru kien maġistrat u zijuh kien il-Papa Marċell II. Għalkemm ma tantx kien tajjeb għal-logħob, ma' sħabu kien popolari ħafna. F'żgħożitu kien dilettant kbir tal-mużika u kien ikanta u jdoqq il-vjolin. Iżda l-akbar delizzju tiegħu kien li jagħmel ix-xbieki għall-kaċċa, li kien jiftaħar li qatt ma jitqattgħu.
Ġiżwita u Professur
[immodifika | immodifika s-sors]Roberto daħal mal-Ġiżwiti u sar qassis fl-1570. Saħħtu kienet tinkwetah ħafna u kien ibati sikwit b'uġigħat ta' ras. Darba daħal f'kappella f'Firenze u talab 'l Alla, “Tħallinix immut, għax irrid ngħix u naħdem għal żmien twil għall-kawża tiegħek.” Id-dehra tiegħu lanqas ma kienet tiġbdek. Kien qasir, imħatteb, rasu kemmxejn kbira u mnieħru twil. Laħaq professur tat-teoloġija fl-Universita ta' Louvain u kiseb fama ta' wieħed li jaf jitkellem tajjeb. Ix-xogħol ewlieni tiegħu kien id-De Controversiis (Disputi fuq il-Kontroversji tal-Fidi Nisranija) (1568-93). Il-mod kif huwa spjega l-pożizzjoni tal-Knisja kien tant ċar u jagħmel sens li baqa' jintuża fis-sekli ta' wara. Bellarmino qatt ma waqa' f'tgħajjir jew insulti, anzi l-għedewwa tiegħu ammettew kemm kien oġġettiv u kemm kien jikkwotahom preċiż. Kellu sehem kbir ukoll fir-reviżjoni tal-Vulgata, il-Bibbja bil-Latin, li ħarġet fl-1592.
Qaddis
[immodifika | immodifika s-sors]Minkejja dan ix-xogħol kollu huwa kien isib ħin biex iqawwi lil sħabu u jqarar. Qatt ma nqata' għalih waħdu iżda kellu diversi ħbieb billi kellu karattru ħelu. Meta laħħquh Rettur tal-Kulleġġ Ruman, huwa rari kien joħroġ minn kamartu biex ikun dispost għal kulħadd. Hemm kien idur bil-morda b'imħabba ta' missier. Meta kien jara xi patri għajjien dlonk kien jibagħtu vaganza u kien jagħmel is-servizz tiegħu hu stess. Miegħu nnifsu biss qatt ma wera ħniena: kien iqum kuljum fit-tlieta ta' filgħodu biex ikollu aktar ħin jitkellem m'Alla, u jsum darbtejn fil-ġimgħa.
Il-Ġiżwita "l-Aħmar"
[immodifika | immodifika s-sors]Maħtur kardinal kontra qalbu fl-1599 (in-nies bdew isejħulu “l-Ġiżwita l-Aħmar”), Bellarmino serva ta' arċisqof ta' Capua għal tliet snin, mill-1602 sa l-1605. Wara mar lura Ruma fejn issokta bl-istudji tiegħu. Ammiratur tax-xjenzat kbir Galileo, huwa ddefenda d-dritt tiegħu li jippubblika l-kitbiet tiegħu dwar is-sistema solari. Wara li kien qassam ġidu f'ħajtu lill-foqra, Robertu miet fqir nhar is-17 ta' Settembru 1621.
Wara mewtu
[immodifika | immodifika s-sors]San Roberto Bellarmino kien iddikjarat qaddis fl-1930 u Duttur tal-Knisja s-sena ta' wara. Jinsab midfun fil-Knisja ta' San Injazju, ġewwa Ruma ħdejn il-qabar ta' San Alwiġi, li kien il-Prefett Spiritwali tiegħu meta kien fil-Kulleġġ Ruman. Il-festa tiegħu ssir nhar is-17 ta' Settembru.