Aqbeż għall-kontentut

SGang Gwaay

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-villaġġ ta' SGang Gwaay.

SG̱ang Gwaay (li tfisser litteralment "Merluzz Aħmar"), magħruf ukoll bħala SG̱ang Gwaay Llnagaay (jiġifieri l-Gżira tal-Merluzz Aħmar) jew bl-isem Ingliż Ninstints, huwa sit ta' villaġġ tal-poplu Haida u parti mir-Riżerva tal-Park Nazzjonali ta' Gwaii Haanas u Sit tal-Wirt tal-Haida f'Haida Gwaii mal-kosta tat-Tramuntana tal-British Columbia, il-Kanada.

Is-sit tal-villaġġ huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO,[1] Sit Storiku Nazzjonali u Sit Nazzjonali ta' Konservazzjoni tal-Baħar.[2]

L-isem sħiħ tas-sit tal-villaġġ, SG̱ang Gwaay Llnagaay, huwa l-isem mogħti lill-Gżira ta' Anthony mill-poplu Haida, fejn jinsab il-villaġġ u jfisser "Gżira tal-Merluzz Aħmar".[3] Matul l-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19, il-villaġġ kien jissejjaħ bħala Koyahs jew Coyahs, spellut ukoll bħala Quee-ah, f'ġieħ il-kap ta' dak iż-żmien, Koyah. L-isem bl-Ingliż ta' "Ninstints", spellut ukoll bħala "Nan Sdins", kien ukoll isem l-iżjed kap setgħan tal-villaġġ f'nofs is-seklu 19 u b'hekk beda jintuża wkoll bħala isem il-villaġġ bis-saħħa tal-prassi tal-kaptana tal-vapuri li kienu jirreferu għall-villaġġi b'isem il-kap tal-post.[4]

L-arbli totem ta' SGang Gwaay Llanagaay.

Il-villaġġ kien wieħed mill-iżjed villaġġi fin-Nofsinhar tal-poplu Haida, f'bajja kennija fin-naħa tal-Lvant tal-gżira, eżatt fil-Punent u faċċata tal-Gżira ta' Kunghit, l-iżjed gżira kbira fin-Nofsinhar tal-arċipelagu.[5] Il-villaġġ huwa żgħir iżda huwa wkoll l-iżjed insedjament ewlieni imkenni u protett tal-poplu Haida bis-saħħa tal-pożizzjoni tiegħu f'bajja kennija bil-blat.[6] Il-villaġġ ta' SG̱ang Gwaay huwa l-iżjed villaġġ bikri rreġistrat fl-arċipelagu tan-Nofsinhar.[7]

Illum il-ġurnata, f'SG̱ang Gwaay hemm l-ikbar kollezzjoni ta' arbli totem tal-poplu Haida li jinsabu fil-pożizzjoni oriġinali tagħhom, u kollha huma ċċelebrati bħala kapulavuri kbar, għalkemm il-poplu Haida qed iħalluhom jispiċċaw b'mod naturali minħabba l-klima tal-foresta tropikali miti tal-post. Ix-xbihat tal-fdalijiet ta' SG̱ang Gwaay Llnagaay huma emblemaatiċi tal-kultura tal-poplu Haida u ta' Haida Gwaii u spiss jidhru fil-promozzjoni tal-gżira u tal-provinċja inġenerali għat-turiżmu. Is-sit huwa tassew imbiegħed, u l-aċċess għalih huwa bil-baħar jew bl-ajru biss minn irħula fin-naħa tat-Tramuntana tal-gżejjer. Sabiex il-valur tas-Siti tal-Wirt tal-Haida jiġi protett, il-poplu Haida jopera programm ta' għassiesa Haida stazzjonati fis-siti tal-villaġġ tradizzjonali f'Haida Gwaii, inkluż fi ħdan ir-Riżerva tal-Park Nazzjonali ta' Gwaii Haanas u s-Sit tal-Wirt tal-Haida. L-għassiesa jiżguraw li l-viżitaturi qed iġibu ruħhom sew u jiżguraw li jkun hemm preżenza fit-territorji tradizzjonali tal-poplu Haida.[8]

L-evidenza arkeoloġika turi li Haida Gwaii ilu abitat għal mill-inqas 10,000 sena, b'territorji tal-poplu Haida estiżi lejn it-Tramuntana fin-Nofsinhar tal-Alaska.[9]

Il-poplu ta' SG̱ang Gwaay llnagaay xi kultant jissejjaħ il-poplu Kunghit Haida. Il-poplu Kunghit Haida okkupa l-parti tan-Nofsinhar tal-arċipelagu ta' Haida Gwaii, b'territorju estiż mill-Gżira ta' Lyell sat-tarf nett tan-Nofsinhar tal-arċipelagu. Bejn wieħed u ieħor kellhom żewġ tużżani villaġġi permanenti, kif ukoll insedjamenti staġonali iżgħar oħra li kienu jinsabu qrib żoni b'riżorsi ewlenin.[10] Rekords bikrin tal-poplu Haida rreġistrati minn John R. Swanton isostnu li b'kollox kien hemm għoxrin dar twila.[11]

Il-villaġġi l-kbar tal-poplu Kunghit Haida kellhom saħansitra sbatax-il dar twila jew iktar, b'popolazzjonijiet kbar ta' bejn inqas minn mitejn ruħ sa iktar minn ħames mitt ruħ. L-aħħar kap li twieled f'Ninstints, imsejjaħ Thomas Price bl-Ingliż, kien artiġjan artistiku magħruf ħafna tal-arti tal-poplu Haida, u kien jaħdem l-iktar bl-arġillit.[12]

Era ta' wara l-kuntatt

[immodifika | immodifika s-sors]

F'SG̱ang Gwaay Llnagaay seħħew diversi avvenimenti notevoli fl-istorja bikrija ta' kuntatt u kummerċ Ewropew mal-poplu Haida. Lejn l-aħħar tal-kummerċ marittimu tal-fer, George Dixon żar il-villaġġ fl-1787, u nnota li l-poplu Haida li ltaqa' miegħu f'nofs ta' baħar kien ħerqan biex jagħmel kummerċ tal-fer tal-lontri tal-baħar. Din immarka r-relazzjonijiet kummerċjali li inizjalment kienu amikevoli, u SG̱ang Gwaay Llanagaay żaruha mill-ġdid fl-1788 Charles Duncan, u darbtejn fl-1789 – l-ewwel Robert Gray u mbagħad sieħbu John Kendrick iktar tard dik is-sena; imbagħad ir-relazzjoni kummerċjali saret ostili.[13]

Fid-deċennji ta' wara, ir-relazzjoni kummerċjali ttejbet bejn il-kummerċjanti Haida u Ewropej fl-inħawi. Minħabba dan, kif ukoll minħabba l-mard li ħoloq ħerba fil-villaġġi, bosta ttrasferew ruħhom lejn ċentri ekonomiċi bħal Masset, Skidegate, u saħansitra 'l bogħod sa Victoria biex jieħdu vantaġġ minn din ir-relazzjoni li baqgħet tikber.[14]

Għal dawk li baqgħu f'SGang Gwaay Llanagaay, il-popolazzjoni naqset bil-kbir minħabba l-epidemija tal-ġidri tal-1862 fil-Majjistral tal-Paċifiku. Fis-snin ta' wara, il-popolazzjoni baqgħet tonqos minħabba mard ieħor li ġie introdott. Sal-1875, is-sit kien jintuża primarjament bħala kamp, u sal-1878 il-kumplament tal-poplu Haida ta' SGang Gwaay Llanagaay marru jgħixu fi Skidegate.[15]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

SGang Gwaay ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

  • MacDonald, George F. (1983). Ninstints, Haida World Heritage Site. University of British Columbia Press. ISBN 978-0-7748-0163-8.
  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "SGang Gwaay". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-17.
  2. Parks Canada Agency, Government of Canada (2024-02-29). "Gwaii Haanas National Park Reserve, National Marine Conservation Area Reserve, and Haida Heritage Site". parks.canada.ca. Miġbur 2024-06-17.
  3. "BC Geographical Names". apps.gov.bc.ca. Miġbur 2024-06-17.
  4. "Biography – KOYAH – Volume IV (1771-1800) – Dictionary of Canadian Biography". www.biographi.ca. Miġbur 2024-06-17.
  5. "A cultural experience". Haida Gwaii. Haida Gwaii Observer. p. 24.
  6. MacDonald, George F. (2001). Ninstints, Haida World Heritage site. University of British Columbia Press in association with the U.B.C. Museum of Anthropology.
  7. MacDonald, George F. and Richard J. Huyda (1994). Haida Monumental Art: Villages of the Queen Charlotte Islands. Vancouver (B.C.): UBC Press. p. 104.
  8. "Coastal Guardian Watchmen". Coastal First Nations (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-17.
  9. Fedje, D. W., & Christensen, T. (1999). Modelling paleoshorelines and locating early Holocene coastal sites in Haida Gwaii. American Antiquity 64(4): 635-652.
  10. MacDonald, George F. (1983). Ninstints Haida World Heritage Site. University of British Columbia Press in Association with UBC Museum of Anthropology. p. 2.
  11. MacDonald, George F. (1983). Ninstints: Haida World Heritage Site. Vancouver [B.C.]: University of British Columbia. Museum of Anthropology. pp. 4–7.
  12. MacDonald, George F. (2001). Ninstints, Haida World Heritage site. University of British Columbia Press in association with the U.B.C. Museum of Anthropology. p. 6.
  13. MacDonald, George F. (2001). Ninstints, Haida World Heritage site. University of British Columbia Press in association with the U.B.C. Museum of Anthropology. p. 43.
  14. MacDonald, George F. (2001). Ninstints, Haida World Heritage site. University of British Columbia Press in association with the U.B.C. Museum of Anthropology. p. 47.
  15. "Report for the Year 1957" (PDF). Provincial Museum of Natural History and Anthropology, Province of British Columbia Department of Education. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-06-07. Miġbur 2024-06-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)