Aqbeż għall-kontentut

Regolament tal-Unjoni Ewropea dwar l-Injam

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea dwar l-Injam (EUTR – Regolament (UE) Nru 995/2010) huwa Regolament tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Ottubru li jiġġieled kontra l-kummerċ ta' injam u ta' prodotti tal-injam maqtugħ illegalment fi ħdan l-UE. Jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-UE ta' injam maqtugħ illeglament u ta' prodotti miksubin minn injam bħal dan u jistabbilixxi l-obbligi ta' operaturi. Ir-Regolament japplika fl-Istati Membri tal-UE kollha mit-3 ta' Marzu 2013.

Regolament(UE) Nru 995/2010

[immodifika | immodifika s-sors]

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi

l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam

Magħmul mill- Parlament Ewropew u mill-Kunsill

Magħmul skont Artikolu 192(1)

Referenza għall-Ġurnal L 295, 12.11.2010, p. 23–34
Storja
Magħmul : 20 ta' Ottubru 2010
Applikat minn : 3 ta' Marzu 2013
Testi preparattivi
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali : ĠU C 2009/318 P 88
Pożizzjoni Parlament Ewropew : ĠU C 2009/184E P 145
Pożizzjoni Parlament Ewropew : mogħtija fis-07/07/2010
Proposta Kummissjoni : Com 2008/0644 Finali
Proċedura ta' Ko-deċiżjoni
Pożizzjoni tal-Kunsill; ĠU C 2010/114E P 17
Leġiżlazzjoni oħra
Emendi : 52008PC0644

Qtugħ illegali - il-qtugħ ta' injam li jikser b'xi mod il-liġijiet jew ir-regolamenti tal-pajjiż tal-qtugħ - għandu impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali għal uħud mill-iktar foresti siewja li għad fadal fid-dinja u għall-komunitajiet li jiddependu fuqhom. Jirriżulta f'telf fid-dħul, ifixkel l-isforzi ta' operaturi leġittimi, u huwa assoċjat mad-deforestazzjoni, it-telf tal-biodiversità u l-emissjoni ta' gassijiet serraJirriżulta wkoll f'kunflitti fuq l-art u fuq ir-riżorsi u t-tneħħija tas-setgħa ta' komunitajiet indiġeni.

L-UE huwa suq ta' esportazzjoni importanti għal pajjiżi fejn il-livelli ta' illegalità u ta' governanza dgħajfa fis-settur tal-foresti huma l-aktar serji. Billi jippermettu injam u prodotti tal-injam li huma potenzjalment miksubin minn sorsi illegali fis-suq tal-UE, il-pajjiżi tal-UE jkunu qegħdin isostnu l-prattika ta' qtugħ illegali.

Sabiex tindirizza din il-kwistjoni, fl-2003 l-UE żviluppat il-http://www.euflegt.efi.int/portal/ Pjan ta' Azzjoni FLEGT (Infurzar, Governanza u Kummerċ tal-Liġi dwar il-Foresti) li jipprovdi għadd ta' miżuri li jeskludu injam illegali minn swieq, sabiex titjieb il-provvista ta' injam legali u sabiex tiżdied id-domanda għal prodotti tal-injam responsabbli. L-EUTR flimkien ma' Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi li jesportaw l-injam li jgħinu jipprevjenu milli injam illegali jitpoġġa fis-suq Ewropew) huma ż-żewġ elementi prinċipali tal-Pjan ta' Azzjoni.

Ħarsa Ġenerali

[immodifika | immodifika s-sors]

Sabiex jiġġieled il-qtugħ illegali, l-EUTR jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-UE ta' injam maqtugħ illeglament u ta' prodotti miksubin minn injam bħal dan. Jissepara lil dawk li jinnegozjaw fl-injam u fi prodotti tal-injam f'żewġ kategoriji - operaturi u kummerċjanti. Kull kategorija għandha l-obbligi distinti tagħha.

Operaturi – definiti fir-Regolament bħala dawk li jpoġġu l-injam jew prodotti tal-injam fis-suq tal-UE għall-ewwel darba - huma meħtieġa jeżerċitaw 'id-diliġenza dovuta'. Fil-frattemp, kummerċjanti - definiti fl-EUTR bħala dawk li jixtru jew li jbiegħu injam jew prodotti tal-injam diġà mpoġġi fis-suq tal-UE, huma obbligati li jżommu informazzjoni dwar il-fornituri u l-klijenti tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu intraċċati faċilment.

Diliġenza dovuta

[immodifika | immodifika s-sors]

L-operaturi huma meħtieġa li jużaw id-'diliġenza dovuta' meta jpoġġu injam jew prodotti tal-injam fis-suq tal-UE sabiex jiġi minimizzat ir-riskju li huma jinnegozjaw f'injam maħżun b'mod illegali, jew prodotti li fihom injam maħżun b'mod illegali. Fi kliem ieħor, dan ifisser li huma għandhom jimplimentaw sistema ta' ġestjoni tar-riskji bi tliet fergħat:

- Informazzjoni: L-operatur għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni rigward l-injam u l-prodotti tal-injam, pajjiż tal-ħażna (u, fejn applikabbli, reġjun sub-nazzjonali u konċessjoni), speċji, kwantità, dettalji tal-fornitur u informazzjoni dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
- Valutazzjoni tar-riskju: L-operatur għandu jivvaluta r-riskju ta' injam illegali fil-katina tal-provvista, fuq il-bażi tal-informazzjoni identifikata fuq u filwaqt li jiġi kkunsidrat is-sett ta' kriterji stabbilit fl-EUTR.
- Taffija tar-riskju: Meta l-valutazzjoni turi li r-riskju ta' injam illegali fil-katina tal-provvista mhuwiex wieħed negliġibbli, dak ir-riskju jista' jiġi mtaffi b'aktar miżuri, pereżempju li tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali u verifika mill-fornitur.

L-operaturi jistgħu jagħżlu li jiżviluppaw is-sistema ta' diliġenza dovuta tagħhom stess jew jużaw waħda żviluppata minn organizzazzjoni ta' monitoraġġ.

Ambitu tal-prodott

[immodifika | immodifika s-sors]

Kemm injam kif ukoll prodotti tal-injam immanifatturati fl-UE u dawk importati minn barra huma koperti bil-leġiżlazzjoni. Prodotti koperti jinkludu: prodotti tal-injam solidu, kisi ta' art, plywood, polpa u karta, eċċ. Prodotti riċiklati u karta stampata bħal kotba, rivisti u gazzetta mhumiex koperti.

Injam u prodotti tal-injam koperti b'liċenzja FLEGT valida jew permess CITES validu huma meqjusin li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-regolament.

Lista eżawrijenti ta' prodotti koperti mil-liġi tista' tinstab fl-Anness tal-EUTR: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32010R0995:MT:NOT Individwi li jbiegħu jew li jixtru injam jew injam għall-użu personali tagħhom stess mhumiex affettwati mill-EUTR.

Applikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam huwa vinkolattiv f'kull pajjiż tal-UE. Il-leġiżlatur f'kull pajjiż jistabbilixxi penali effettivi, proporzjonati u disswassivi sabiex ikun hemm konformità mal-EUTR. Hemm awtorità kompetenti f'kull pajjiż li tikkoordina l-infurzar tar-Regolament. Sib l-awtorità kompetenti f'pajjiżek minn hawn: http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/list_competent_authorities.pdf

Leġiżlazzjoni sekondarja

[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-23 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012 sabiex tilleġisla għar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent għall-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ.

Barra minn hekk, fis-6 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat Regolament Implimentattiv tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012 bil-għan li tiżgura li r-Regolament jiġi applikat b'mod uniformi madwar l-UE. Jagħti fid-dettall il-valutazzjoni tar-riskji u l-miżuri ta' taffija tar-riskji li huma parti mis-'sistema ta' diliġenza dovuta', kif ukoll il-frekwenza u n-natura tal-kontrolli li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sejrin iwettqu fuq l-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ.


Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam adottat fl-20 ta' Ottubru 2010 u ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali fit-12 ta' Novembru 2010.

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012 u Regolament Implimentattiv tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012

Is-sit elettroniku tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam http://ec.europa.eu/eutr2013/

Test tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam – Kummissjoni Ewropea http://ec.europa.eu/environment/forests/injam_regulation.htm Sommarju tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam http://ec.europa.eu/environment/forests/injam_regulation.htm#products

Dokument ta' gwida dwar ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/guidance_document.pdf

Fuljett tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/EUTR_Leaflet_MT.pdf

FLEGT http://www.euflegt.efi.int/portal/

CITES http://www.cites.org/