Aqbeż għall-kontentut

Pont ta' Malabadi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Pont ta' Malabadi

Il-Pont ta' Malabadi (bit-Tork: Malabadi Köprüsü, bil-Kurd: Pira Malabadê) huwa pont bi ħnejja waħda ppuntata minn naħa għall-oħr tax-xmara Batman qrib ir-raħal ta' Silvan fix-Xlokk tat-Turkija. Il-kostruzzjoni bdiet fl-1146/1147 matul żmien l-Artuqidi, u milli jidher tlesta għall-ħabta tal-1154.[1] Il-pont ġie kkummissjonat minn Husam al-Din Timurtash ta' Mardin, iben Ilghazi, u n-neputi ta' Artuk Bey.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Skont l-istoriku lokali tas-seklu 12 Ibn al-Azraq al-Farīqī, il-pont kontemporanju ssostitwixxa pont ieħor li kien inbena fis-668/669 u li kien ċeda fl-1144.[2] Xi inkonsistenzi bejn iż-żewġ kopji eżistenti tal-manuskritt li fih ir-rendikont ta' Ibn al-Azraq jagħmluha diffiċli biex il-Pont ta' Malabadi jiġi identifikat b'mod definittiv bħala dak li jirreferi għalih bħala l-pont ta' Qaramān jew Aqramān. Minkejja dan, bosta aspetti tad-deskrizzjoni ġeografika u tar-rendikont storiku tiegħu jappoġġaw din l-identifikazzjoni.[3]

Ibn al-Azraq isostni li l-kostruzzjoni tal-pont attwali nbdiet mill-mexxej tal-Artuqidi ta' Mayafaraqin u ta' Mardin al-Saʿīd Ḥusām al-Dīn Temür-Tash fl-1146/1147, taħt is-superviżjoni ta' al-Zāhid bin al-Ṭawīl. Wara li al-Zāhid kien bena l-pedament tal-Lvant tal-pont, dan inqered bl-għargħar.[4] Al-Zāhid ġie mħarrek għal "artiġjanat difettuż" u ġie sostitwit b'Amir Saif al-Dīn Shīrbārīk Maudūd bin ʿAlī (bin Alp-Yaruq) bin Artuq.[5] Shīrbārīk reġa' beda x-xogħol taħt is-superviżjoni ta' Abuʾl-Khair bin al-Ḥakīm al-Fāsūl, li uża zkuk kbar tal-injam fil-kostruzzjoni tal-pont. Sal-1153, il-pont kien kważi tlesta.[6] Madankollu, meta miet Ḥusām al-Dīn Temür-Tash fit-18 ta' Jannar 1154, il-ħnejja tal-pont kienet għadha ma tlestietx. Is-suċċessur tiegħu, Najm al-Dīn Alpī, kompla bix-xogħol fuq il-pont biex ilestih, u, għalkemm ix-xogħol reġa' ġie interrott mill-għargħar, "irnexxielu jibni l-pont, isewwi li kien hemm bżonn u jlesti l-kollegament taż-żewġ naħat tal-ħnejja tal-pont".[7][8]

L-istoriku arkitettoniku Franċiż Albert Gabriel u l-epigrafu Jean Sauvaget żaru l-pont fl-1932 u Sauvaget irnexxielu jagħraf kitba mnaqqxa b'isem Temür-Tash bl-ekwivalenti tas-sena 1147/1148, li x'aktarx li tikkorrispondi mal-bidu tat-tieni kostruzzjoni taħt Shīrbārīk.[9]

Il-pont ġie rrestawrat fl-aħħar tas-seklu 12, u reċentement fil-bidu tas-seklu 20. Fl-imgħoddi kien l-uniku pont minn naħa għall-oħra tax-xmara Ewfrate f'din iż-żona, u ntuża b'mod kontinwu sas-snin 50 tas-seklu 20, meta tlesta pont ġdid bi triq għall-karozzi iktar 'il fuq tul ix-xmara.

Il-wisa' tal-pont taqsam ix-xmara b'mod perpendikolari, iżda t-triq qiegħda b'mod angolat max-xmara. B'hekk hemm interruzzjonijiet angolari fl-approċċi tal-Lvant u tal-Punent. L-approċċi lejn il-pont jitilgħu 'l fuq mil-livell tal-art sa ma jiltaqgħu mal-parti mimduda ċentrali, u jiffurmaw ħnejja ppuntata 'l fuq mill-iktar parti fonda tax-xmara. L-approċċi huma mibnija bil-ġebel solidu kkulurit u għandhom ħnejjiet żgħar mibnija fihom biex f'każ ta' għargħar l-ilmijiet jgħaddu minnhom. Tnejn mill-pilastri tal-pont qegħdin fil-baċir tax-xmara; l-appoġġ tal-Punent huwa mżejjen b'żewġ figuri mnaqqxin, waħda bilwieqfa u waħda bilqiegħda. Il-pont huwa twil 150 metru u wiesa' seba' metri, u huwa għoli 19-il metru b'wisa' bl-approċċi b'kollox ta' 38.6 metru.[10] It-triq li twassal għall-pont għandha żewġ postijiet fejn jinġabru n-nollijiet, wieħed fuq kull naħa taż-żewġ approċċi. Il-partijiet kważi triangolari tal-kurvatura tal-ħnejja ppuntata tal-pont, li qishom lamberżuni, fihom kmamar żgħar ta' kenn għall-vjaġġaturi.

Fl-2016 il-Pont ta' Malabadi żdied bħala sit indikattiv tat-Turkija biex xi darba fil-ġejjieni jiġi nnominat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[11]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Hillenbrand, Carole (1979). The History of the Jazīra 1100-1150: the contribution of Ibn Al-Azraq al-Fāriqī (PhD thesis). University of Edinburgh. pp. 445-447.
  2. ^ Hillenbrand, Carole (1979). The History of the Jazīra 1100-1150: the contribution of Ibn Al-Azraq al-Fāriqī (PhD thesis). University of Edinburgh. p. 314.
  3. ^ Hillenbrand, Carole (1979). The History of the Jazīra 1100-1150: the contribution of Ibn Al-Azraq al-Fāriqī (PhD thesis). University of Edinburgh. p. 445-446.
  4. ^ Hillenbrand, Carole (1979). The History of the Jazīra 1100-1150: the contribution of Ibn Al-Azraq al-Fāriqī (PhD thesis). University of Edinburgh. p. 317.
  5. ^ Hillenbrand, Carole (1979). The History of the Jazīra 1100-1150: the contribution of Ibn Al-Azraq al-Fāriqī (PhD thesis). University of Edinburgh. pp. 317, 549.
  6. ^ Hillenbrand, Carole (1979). The History of the Jazīra 1100-1150: the contribution of Ibn Al-Azraq al-Fāriqī (PhD thesis). University of Edinburgh. p. 549.
  7. ^ Hillenbrand, Carole (1979). The History of the Jazīra 1100-1150: the contribution of Ibn Al-Azraq al-Fāriqī (PhD thesis). University of Edinburgh. p. 561.
  8. ^ Hillenbrand, Carole (1979). The History of the Jazīra 1100-1150: the contribution of Ibn Al-Azraq al-Fāriqī (PhD thesis). University of Edinburgh. pp. 446-447.
  9. ^ Gabriel, Albert (1940), Voyages archéologiques dans la Turquie orientale [Archeological Travels in Eastern Turkey] (bil-Franċiż), p. 236.
  10. ^ "Doğangün, A; Ural, A (2007). Characteristics of Anatolian stone arch bridges and a case study for Malabadi bridge. p. 183" (PDF).
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Malabadi Bridge". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-23.