Paul Giglio
L-Arċisqof Paul Giglio kien Isqof Titulari ta’ Tindari u Nunzju Apostoliku (Valletta, 20 ta’ Jannar 1927 - 6 ta’ Marzu 2016).
Studju
[immodifika | immodifika s-sors]Ġie ordnat saċerdot fl-1952 f’Ruma fejn studja fl-Università Pontifiċja Gregorjana minn fejn kiseb il-Liċenzjat fit-Teoloġija u d-Dottorat fil-Liġi Kanonika. Wara hu kompla jistudja d-diplomazija fl-Accademia Ecclesiastica u ssieħeb fis-servizz diplomatiku tas-Santa Sede.
Fis-Servizz Diplomatiku tas-Santa Sede
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn l-1958 u l-1965 hu serva bħala Segretarju fin-Nunzjatura tan-Nikaragwa, tal-Arġentina u l-Iran.
Bejn l-1965 u l-1969 kien awditur fid-delegazzjoni appostolika f’Saigon, fil-Vjetnam t’Isfel u fil-Jugoslavja.
Fis-sentejn ta’ wara serva bħala kunsillier fin-Nunzjatura Appostolika tal-Brażil.
Wara għamel sentejn bħala kunsillier u kap deputat tal-missjoni fin-Nunzjatura ta’ Franza.
Bejn l-1978 u l-1986 kien Chargè d’Affaires fin-Nunzjatura Appostolika ta’ Tajwan.
Ikkonsagrat Arċisqof
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1986, Monsinjur Giglio nħatar Arċisqof titulari ta’ Tindari mill-Papa Ġwanni Pawlu II.
Ġie kkonsagrat Isqof fil-Konkatidral San Ġwann mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.
Nunzju tan-Nikaragwa (1986-1995)
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-ordinazzjoni episkopali tiegħu, inħatar Nunzju Appostoliku tan-Nikaragwa.
Qabel ma temm is-servizz tiegħu fin-Nikaragwa, l-Arċisqof Giglio ngħata l-ogħla dekorazzjoni mill-Gvern tan-Nikaragwa. Dwar l-esperjenza tiegħu fin-Nikaragwa, Monsinjur Giglio qal li meta fl-1986 wasal f’dak il-pajjiż sab gvern kompletament komunista u rivoluzzjonarju. Hu stqarr li meta l-Papa għażlu biex imur in-Nikaragwa ma setax jonqos li ma jaħsibx ferm bid-diffikultajiet kbar li kien se jiffaċċja. Iżda fehem mill-ewwel li kellu jitratta ma’ kulħadd b’imħabba u b’rispett kbir u għalhekk kien għażel bħala l-motto tal-episkopat tiegħu Super omnia caritas.
Nunzju fl-Eġittu (1995-2002)
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1995 intbagħat fl-Eġittu fejn baqa’ sal-2002 meta rtira mis-Servizz Appostoliku u ġie lura f’Malta. Dwar l-esperjenza diplomatika tiegħu fl-Eġittu, hu fakkar li b’popolazzjoni ta’ 65 miljun Musulman, il-Kristjani, speċjalmenti il-Kattoliċi, huma ftit. Hu semma li darba, waqt li kien għaddej minn triq, ra grupp ta’ tfal iwaddbulu l-ġebel u jgħajruh “kelb infidil” għax kien Kristjan. Kompla li minkejja kollox, dejjem fehem li l-missjoni tal-Knisja fl-Egittu, minkejja t-theddida serja tal-fundamentalisti Iżlamiċi, hi dik li l-Kattoliċi Eġizzjani bil-mod kif jgħixu u bl-imħabba jagħtu xhieda ta’ Kristu u tal-veritajiet tal-Knisja Kattolika.
Ħajja fid-diplomazija
[immodifika | immodifika s-sors]F’intervista li Paul Saliba, dakinhar l-Editur ta’ Leħen is-Sewwa, għamillu fi Frar 1999, staqsieh kif irnexxielu jeżerċita l-mansjonijiet tiegħu u jintegra ruħu fil-varjetà daqshekk vasta ta’ ambjenti u kulturi tant diversi minn xulxin, l-Arċisqof Giglio wieġeb: “Li tgħix ħajja ta’ diplomatiku tiġri minn pajjiż għal ieħor, fi klimi u ilsna differenti, mhix ħaġa faċli. Hemm bżonn wieħed ikollu ħafna possibbiltà ta’ adattament għall-post fejn isib ruħu. Hu għalhekk li trid tpoġġi f’rasek li din hi missjoni li Alla l-Imbierek ikun sejjaħlek ghaliha”.
Funeral
[immodifika | immodifika s-sors]Il-funeral tiegħu sar fil-Konkatidral San Ġwann il-Belt Valletta, tlett ijiem wara mewtu, nhar l-Erbgħa 9 ta’ Marzu. Kellu 89 sena. Il-funeral tmexxa mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP.