Parks Internazzjonali tal-Paċi ta' Waterton-tal-Glaċieri
Il-Parks Internazzjonali tal-Paċi ta' Waterton-tal-Glaċieri jiġbor flimkien il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta' Waterton fil-Kanada u l-Park Nazzjonali tal-Glaċieri fl-Istati Uniti. Iż-żewġ parks ġew iddikjarati bħala Riżervi ta' Bijosfera kif ukoll bħala Sit ta' Wirt Dinji mill-UNESCO.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Stabbiliment
[immodifika | immodifika s-sors]L-unjoni tal-Park Nazzjonali ta' Waterton u tal-Park Nazzjonali tal-Glaċieri seħħet bis-saħħa ta' għadd ta' individwi matul l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. Fost dawk li pproponew park internazzjonali mingħajr fruntieri kien hemm il-Kanadiż George "Kootenay" Brown, ċittadin lokali veteran u l-ewwel ranger forestali responsabbli għall-Park Nazzjonali ta' Waterton, kif ukoll l-Amerikan Albert Henry “Death-on-the-Trail” Reynolds, ranger bikri tan-naħa tat-Tramuntana tal-Park Nazzjonali tal-Glaċieri.[2]
Ir-Rotary Clubs ta' Cardston, ta' Alberta, u ta' Montana kellhom rwol sinifikanti fl-istabbiliment tal-unjoni tal-parks, u organizzaw laqgħa konġunta fil-Lukanda tal-Prinċep ta' Wales fl-4 u fil-5 ta' Lulju 1931, li wasslet għal riżoluzzjoni li tfasslet minn Samuel H. Middleton, li appellat biex iż-żewġ naħat jagħmlu petizzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet ikkonċernati għall-istabbiliment tal-Park tal-Paċi.[3]
Sussegwentement ġie nnegozjat ftehim mill-Brigadier-Ġeneral Kanadiż John Smith Stewart, Membru Parlamentari għal Lethbridge, u d-Deputat tal-Kungress Amerikan minn Montana Scott Leavitt.[4] It-72 Kungress tal-Istati Uniti għadda Att dwar l-istabbiliment tal-Park tal-Paċi ta' Waterton-tal-Glaċieri fit-8 ta' Diċembru 1931, u dan ġie approvat mis-Senat tal-Istati Uniti f'Marzu 1932. Il-gvern federali Kanadiż iddeċieda li jistenna sa wara li l-gvern tal-Istati Uniti jkun għadda l-att qabel jieħu azzjoni, u l-att Kanadiż iddewwem iktar minħabba l-protesti ta' dawk li kienu favur Ġnien tal-Paċi Internazzjonali bejn Manitoba u t-Tramuntana ta' Dakota. Finalment, l-Att dwar il-Parks Internazzjonali tal-Paċi ta' Waterton-tal-Glaċieri ta' John Stewart għadda fil-Parlament, u kiseb l-approvazzjoni rjali fis-26 ta' Mejju 1932.
L-unjoni tal-parks inkisbet permezz tal-isforzi tal-membri ta' Rotary International minn Alberta u minn Montana, fit-18 ta' Ġunju 1932, fis-sede tal-Park Nazzjonali tal-Glaċieri. Id-diskors tal-istabbiliment sar minn Sir Charles Arthur Mander, it-Tieni Barunett. Iċ-ċerimonja fin-naħa Kanadiża ġiet imdewma mid-Depressjoni l-Kbira, u finalment seħħet f'Lulju 1936, fil-preżenza tal-Logutenent-Gvernatur ta' Alberta, William L. Walsh, fiċ-ċerimonja li ddedika girna għall-konservazzjonist Kootenay Brown.
Wara l-istabbiliment
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żewġ parks jiġu amministrati separatament u għandhom miżati tad-dħul separati.
Fl-2007, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Smewwiet Imdallma rrikonoxxiet il-Parks Internazzjonali tal-Paċi ta' Waterton-tal-Glaċieri bħala Park Internazzjonali tas-Smewwiet Imdallma.[5]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Parks Internazzjonali tal-Paċi ta' Waterton-tal-Glaċieri ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[1]
Qsim tal-fruntieri
[immodifika | immodifika s-sors]Il-qsim prinċipali tal-fruntieri fil-muntanji, magħruf bl-isem Ingliż Chief Mountain Border Crossing, jista' jiġi aċċessat permezz tal-Awtostrada Nru 17 ta' Montana min-naħa tal-Istati Uniti u permezz tal-Awtostrada Nru 6 ta' Alberta min-naħa tal-Kanada. Dan huwa l-uniku qsim tal-fruntieri bit-triq fi ħdan il-Parks Internazzjonali tal-Paċi ta' Waterton-tal-Glaċieri. Huwa wieħed minn żewġ fruntieri bejn l-Istati Uniti u l-Kanada li jkunu magħluqa fix-xitwa (il-qsim l-ieħor tal-fruntieri huwa dak ta' bejn Poker Creek u Little Gold Creek).
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Waterton Glacier International Peace Park". whc.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-20.
- ^ Thomas, Ifan; Mow, Jeff (2016). Waterton-Glacier International Peace Park. Waterton-Glacier International Peace Park. p. 3.
- ^ Thomas, Ifan; Mow, Jeff (2016). Waterton-Glacier International Peace Park (PDF). Waterton-Glacier International Peace Park. p. 4.
- ^ MacDonald, Graham A. (1992). Where the Mountains Meet the Prairies: A History of Waterton Lakes National Park. Environment Canada. pp. 124–127. ISBN 978-1552380147.
- ^ Staff. "2017 - Summer Guide to Waterton-Glacier International Peace Park". nps.gov. National Park Service. p. 1.