Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Gros Morne

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Għadira ta' Western Brook fil-Park Nazzjonali ta' Gros Morne.

Il-Park Nazzjonali ta' Gros Morne huwa park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Kanada li jinsab mal-kosta tal-Punent ta' Newfoundland. B'erja totali ta' 1,805 km2 (697 mil kwadru), dan huwa t-tieni l-ikbar park nazzjonali fil-Kanada Atlantika wara l-Park Nazzjonali tal-Muntanji ta' Torngat, li għandu erja ta' 9,700 km2 (3,700 mil kwadru).

Il-park ingħata isem it-tieli l-ogħla quċċata fost il-muntanji ta' Newfoundland (b'għoli ta' 806 metru jew 2,644 pied) li tinsab fi ħdan il-park. Bil-Franċiż l-isem ifisser "muntanja kbira waħedha" jew iktar litteralment "dieqa kbira". Il-quċċata ta' Gros Morne tagħmel parti mill-muntanji ta' Long Range, katina muntanjuża mbiegħda tal-muntanji ta' Appalachia, estiżi tul il-kosta tal-Punent tal-gżira. Il-quċċata hija l-fdalijiet mikula ta' katina muntanjuża li ffurmat 1.2 biljun sena ilu. Fl-1987, il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO peress li "huwa eżempju rari tal-proċess taċ-ċaqliq tal-blat kontinentali, fejn il-qoxra fil-fond tal-oċean u l-blat tal-mant tad-Dinja ġew esposti".[1]

Ir-Riżerva ta' Gros Morne ġiet stabbilita fl-1973 u saret park nazzjonali fl-1 ta' Ottubru 2005.

Il-park kien is-suġġett ta' film qasir tan-National Parks Project tal-2011.

It-Tablelands fil-Park Nazzjonali ta' Gros Morne.

Il-formazzjonijiet ġeoloġiċi tal-blat tal-park, li saru famużi bis-saħħa ta' Robert Stevens u Harold Williams, jinkludu l-qoxra oċeanika u l-blat tal-mant tad-Dinja esposti mill-proċess ta' obduzzjoni tal-plakek tettoniċi, kif ukoll il-blat sedimentarju li fforma matul il-perjodu Ordoviċjan, il-granit Pre-Kambrijan u l-blat igneu Paleożojku.[2] Is-Sezzjoni u l-Punt tal-Konfini tal-Istratotipi Globali (GSSP) tal-istadju Tremadoċjan u tas-sistema Ordoviċjana kollha huma definiti fis-sezzjoni ta' Green Point fi ħdan il-park.[3]

Il-park jinsab fil-Peniżola l-Kbira tat-Tramuntana fil-Punent ta' Newfoundland. Din il-peniżola ġieli tissejjaħ bħala ż-Żona ta' Humber jew Mijoġeoklin, u l-artijiet għoljin tagħha fihom l-ikbar għoljiet bażi esterni tal-Oroġenija ta' Grenville fl-Oroġen ta' Appalachia. Dawn l-għoljiet bażi Pre-Kambrijani huma magħrufa bħala l-Kumpless (Bażi/Inlier) ta' Long Range, u jikkonsistu minn gneiss u granit tal-kwarz u tal-feldspar ta' 1,550 Ma sena ilu. Il-Muntanji ta' Gros Morne u ta' Big Level jinsabu f'dawn l-għoljiet bażi. Il-konfini tal-Punent ta' dawn l-għoljiet bażi (tul l-Għadira ta' Western Brook, id-Daħla ta' San Pawl, u n-Nofsinhar tal-Għadira ta' Portl Creek) tikkonsisti minn qasmiet tettoniċi propulsivi, fejn il-blat kristallin spiċċa fuq il-blat bil-karbonat tal-perjodu Kambrijan-Ordoviċjan u l-Allokton Paleożojku Inferjuri ta' Humber Arm. It-taħlita tal-blat ta' Rocky Harbour hija magħmula minn kollezzjoni Ordoviċjana Inferjuri–Nofsanija ta' greywacke, kwarzit, dolomit shale, chert, blokok tal-ġebla tal-ġir fi ħdan matriċi tax-shale iswed, aħdar u aħmar, tul ix-xatt mill-Għadira ta' West Brook sa Humber Arm (Bajja tal-Gżejjer). Il-parti tan-Nofsinhar tal-park, il-Muntanja ta' Table (Tablelands) u l-Muntanja ta' North Arm, jikkonsistu minn ofjoliti Kambrijani Superjuri u Ordoviċjani Inferjuri magħrufa bħala l-Kumpless tal-Bajja tal-Gżejjer, il-Kumpless ta' Little Post, u l-Formazzjoni ta' Old Man Cove. Finalment, l-għata polari tas-silġ tal-Plejstoċen kellha fluss radjali tul il-gżira, u żviluppat fjords bħal dak tal-Bajja ta' Bonne.[4]

It-Tablelands, li jinstabu bejn l-irħula ta' Trout River u ta' Woody Point fil-Lbiċ tal-Park Nazzjonali ta' Gros Morne, jidhru qishom deżert meta mqabbla mal-art tradizzjonali ta' Newfoundland. Dan minħabba l-blat ultramafiku – il-peridotit – li jiffurmaw it-Tablelands. Huwa maħsub li dawn oriġinaw fil-mant tad-Dinja u ġew olzati mill-fond waqt kolliżjoni tal-plakek tettoniċi diversi mijiet ta' miljuni ta' snin ilu. Il-peridotit ma fihx uħud min-nutrijenti tas-soltu li huma meħtieġa biex isostnu l-ħajja tal-pjanti u minflok għandu kwalità tossika, li tagħtih dik id-dehra qisha ta' deżert. Il-peridotit fih ħafna ħadid, li jagħtih ukoll il-lewn fil-kannella. Taħt din iż-żona esposta għall-erożjoni, il-blat għandu lewn tassew ħadrani skur.

Il-bosta assoċjazzjonijiet tal-ħamrija mmappjati fil-park jirriflettu l-varjetà wiesgħa tal-medda tal-blat. L-assoċjazzjoni tal-ħamrija ta' Silver Mountain, dominanti fil-Grigal, hija tip ta' ħamrija ramlija b'ħafna ġebel fiha u żviluppat fuq ir-raba' glaċjali ta' fuq il-granit, il-gneiss granitiku u x-xist. Blat simili jinstabu taħt l-assoċjazzjoni tad-Daħla ta' San Pawl iktar lejn il-Punent. Il-blat sedimentarju (inkluż xi tipi dolomitiċi tal-ġebla tal-ġir) fix-Xlokk isostni l-assoċjazzjoni ta' North Lake magħmula minn ħamrija ramlija bil-ġebel. Assoċjazzjoni ta' ħamrija l-iktar fil-baxx f'Cox's Cove tokkupa strixxa mhux kontinwa fuq ix-shale, il-lavanja, il-ġebla tal-ġir u l-ġebel ramli qrib il-kosta. Taħt il-medda kostali fit-Tramuntana tal-Bajja ta' Bonne fil-biċċa l-kbira jkun hemm l-assoċjazzjoni tal-pit ta' Gull's Marsh u l-assoċjazzjoni tal-grix ta' Sally's Cove, għajr għal żona ta' tafal (assoċjazzjoni ta' Wood's Island) madwar Rocky Harbour. Il-ħamrija infertili bil-ġebel tat-tablelands ultramafiċi fin-Nofsinhar tal-Bajja ta' Bonne tagħmel parti mill-assoċjazzjoni tas-Serpentine Range.[5]

L-Għadira ta' Western Brook hija fjord tal-ilma ħelu li tnaqqax mill-glaċieri matul l-iżjed era glaċjali reċenti bejn 25,000 u madwar 10,000 sena ilu. Ladarba l-glaċieri dabu, l-art, li kienet ġiet imbottata 'l isfel mill-piż tal-għata tas-silġ, irrikorriet u l-iżbokk lejn il-baħar inqata'. L-"għadira" dejqa u twila 16-il kilometru (9.9 mili) imbagħad imtliet bl-ilma ħelu. L-ilma fil-fjord huwa tassew safi u ġie assenjat l-aqwa klassifikazzjoni tal-purità disponibbli għall-korpi tal-ilma naturali. Il-Kaskati ta' Pissing Mare, l-ogħla kaskati fil-Lvant tal-Amerka ta' Fuq[6] u l-199 l-ogħla kaskati fid-Dinja, inixxu fl-Għadira ta' Western Brook.[7] Il-blat sedimentarju, uħud bil-ġebla tal-ġir, jinsabu taħt ix-xtut l-iktar fil-Punent tal-park. F'inħawi oħra, il-gneiss granitiku huwa dominanti.

Natura u organiżmi selvaġġi

[immodifika | immodifika s-sors]
L-alċi fil-park.

L-iżjed annimal notevoli fil-park huwa l-alċi, bis-saħħa ta' popolazzjoni li tkattret wara li ddaħħlet f'Newfoundland għall-ħabta tal-1900. Organiżmi selvaġġi komuni oħra fil-park jinkludu l-volpi aħmar u l-volpi Artiku, ekotip ta' karibù (R.t caribou), l-ors iswed, il-liebru tal-borra, l-iskojjattlu aħmar, il-linċi, il-lontra tax-xmajjar u l-beavers. Il-foki huma komuni fid-Daħla ta' San Pawl, u ċ-ċetaċji (il-balenotteri żgħar, il-balieni tal-ġwienaħ kbar, il-balenotteri kbar imbaċċa, il-balieni suwed, l-orki, id-dniefel Atlantiċi ta' ġenbhom bojod u d-dniefel suwed) jistgħu jinstabu fl-inħawi speċjalment matul l-istaġun tal-kapelin fil-bidu tas-sajf. Bosta speċijiet ta' għasafar jgħixu fil-park, minn għasafar tax-xatt oċeaniku għal għasafar tal-foresti u tal-widien interni.[8]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
L-ors iswed Amerikan fil-Park Nazzjonali ta' Gros Morne.

Il-Park Nazzjonali ta' Gros Morne ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987 kemm għall-istorja ġeoloġika kif ukoll għax-xenarju eċċezzjonali tiegħu. B'mod partikolari, il-ġeoloġija tal-park toħroġ fid-dieher il-kunċett taċ-ċaqliq tal-plakek tettoniċi, u xeħtet dawl importanti fuq l-evoluzzjoni ġeoloġika u l-proċessi tagħha.[1]

Fir-rigward tar-rwol ewlieni tal-park ta' dan il-kunċett fl-iżvilupp ta' fehim dwar iċ-ċaqliq tal-plakek, in-nuqqas ta' kontinwità ta' Mohorovičić fil-Park Nazzjonali ta' Gros Morne ġie inkluż mill-Unjoni Internazzjonali tax-Xjenzi Ġeoloġiċi (IUGS) fil-lista tagħha ta' 100 sit ta' wirt ġeoloġiku minn madwar id-dinja li ġiet ippubblikata f'Ottubru 2022.[9]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Mogħdijiet għall-mixi

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-mixi fil-mogħdijiet apposta huwa attività popolari fil-Park Nazzjonali ta' Gros Morne. Hemm madwar 20 mogħdija immarkati għall-mixi binhar, li jesploraw l-inħawi kostali u interni tal-park. Waħda mill-mogħdijiet iktar ibsin ta' jum fiha 16-il kilometru u hija proprju fuq il-muntanja ta' Gros Morne. Din il-mogħdija tissejjaħ ukoll il-Mogħdija ta' James Callaghan f'isem l-eks Prim Ministru Brittaniku, li żar il-park fl-1976, bħala rikonoxximent għall-isforzi tiegħu favur il-konservazzjoni. Inqalgħet kontroversja żgħira wara li Callaghan ma żarx il-mogħdija li ssemmiet għalih.[10]

Wieħed jista' jaċċessa wkoll in-naħa ta' ġewwa tal-park, speċjalment permezz tal-mogħdija tul il-muntanji ta' Long Range li ddum diversi jiem bejn l-Għadira ta' Western Brook u l-Muntanja ta' Gros Morne.[11]

Arti u kultura

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park jospita bosta festivals tal-arti, inkluż il-Festival Teatrali ta' Gros Morne, il-Festival tal-Kittieba f'Woody Point, il-Festival Mużikali tas-Sajf ta' Gros Morne, u l-Festival tal-Mogħdijiet, tal-Ġrajjiet u tal-Melodiji.[12]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Gros Morne National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-20.
  2. ^ "A guide to the geology of the park and adjacent areas" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-04. Miġbur 2024-06-20.
  3. ^ Cooper, Roger; Nowlan, Godfrey; Williams, S. H. (Marzu 2001). "Global Stratotype Section and Point for base of the Ordovician System". Episodes. 24 (1): 19–28.
  4. ^ Williams, Harold (1995). Geology of the Appalachian–Caledonian Orogen in Canada and Greenland, Geology of Canada, no. 6. Canada: Geological Survey of Canada. pp. 5, 26, 50–54, 99–103, 690, 846, 849. ISBN 0-660-13134-X.
  5. ^ "cansis publications nf nf11". web.archive.org. 2011-07-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-06. Miġbur 2024-06-20.
  6. ^ "World Waterfall Database". www.worldwaterfalldatabase.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-20.
  7. ^ "World Waterfall Database". www.worldwaterfalldatabase.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-20.
  8. ^ "Parks Canada - Gros Morne National Park - A Place Mammals Can Call Home". web.archive.org. 2014-08-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-08-21. Miġbur 2024-06-20.
  9. ^ "The First 100 IUGS Geological Heritage Sites" (PDF). IUGS.
  10. ^ "Parks Canada - Gros Morne National Park - The Story in Stone". web.archive.org. 2015-10-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-10-05. Miġbur 2024-06-20.
  11. ^ "The Times & The Sunday Times". www.thetimes.com (bl-Ingliż). 2024-06-20. Miġbur 2024-06-20.
  12. ^ "Festivals & Events – Visit Gros Morne" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-20.