Park Nazzjonali ta' Sanqingshan
Il-Park Nazzjonali ta' Sanqingshan jew tal-Muntanja Sanqing (biċ-Ċiniż: 三清山; bil-Pinjin: Sānqīng Shān) huwa park nazzjonali li jinkludi fih muntanja sagra tat-Taoiżmu u jinsab 40 kilometru (25 mil) fit-Tramuntana tal-Kontea ta' Yushan fil-Provinċja ta' Jiangxi. Sanqing biċ-Ċiniż tfisser it-"Tliet Puri" peress li l-Muntanja Sanqing hija magħmula minn tliet qċaċet prinċipali: Yujing, Yushui u Yuhua, li jirrappreżentaw it-trinità Taoista.
Frażi Ċiniża "三峰峻拔、如三清列坐其巅" ("It-tliet qċaċet weqfin huma bħal Tliet Puri bilqiegħda") tispjega għalfejn il-muntanja ngħatat l-isem ta' Sanqing. Fost it-tliet għoljiet, l-għolja ta' Yujing (1,817-il metru 'l fuq mil-livell tal-baħar) hija l-ogħla.
Il-Muntanja Sanqing hija l-ogħla fost il-Muntanji Huaiyu u hija magħrufa għax-xenarju straordinarju u għall-formazzjonijiet ġeoloġiċi uniċi tagħha. L-inħawi saru Ġeopark Nazzjonali fl-2005 u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[1][2][3] Il-park huwa destinazzjoni turistika famuża kif ukoll refuġju għall-annimali u għall-pjanti. Il-park nazzjonali fih iktar minn 2,300 speċi ta' pjanti u 400 speċi ta' vertebrati. L-erja totali tal-Muntanja Sanqing hija 229 km².[4]
Storja Ġeoloġika u Idroloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Muntanja Sanqing hija muntanja tal-granit li tifforma parti minn żona tettonika tal-qoxra tad-dinja li tmur lura għall-Era Neoproterożojka, bejn wieħed u ieħor 850 miljun sena ilu. Madankollu, il-granit tal-biċċa l-kbira tal-qċaċet tal-muntanja jmur lura għall-Era Mesożojka. Il-qsim tettoniku, l-esponiment għall-elementi u l-erożjoni sawru l-muntanji f'diversi formazzjonijiet ġeoloġiċi. Fuq il-Muntanja Sanqing hemm iktar minn 23 fondoq b'elevazzjoni ta' iktar minn 500 metru. Il-preċipitazzjoni annwali abbundanti fir-reġjun twassal għall-formazzjoni ta' bosta kaskati (uħud minnhom għoljin iktar minn 60 metru), għadajjar u fawwariet fir-reġjun.
Il-Muntanja Sanqing tinsab f'żona klimatika subtropikali umduża u b'hekk il-park nazzjonali tal-madwar għandu bijodiversità relattivament rikka. Iktar minn 2,300 speċi ta' pjanti u 400 speċi ta' vertebrati ġew deskritti fi ħdan il-konfini tal-park, u wħud minnhom huma mhedda bl-estinzjoni.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Muntanja Sanqing hemm bosta tipi ta' veġetazzjoni, inkluż foresti bis-siġar dejjem ħodor bil-weraq wiesa', foresti miti u sħan bis-siġar koniferi, foresti miti u sħan imħallta bis-siġar tal-weraq wiesa' u bis-siġar tal-labar, foresti mħallta bis-siġar dejjem ħodor u bis-siġar ħorfija tal-weraq wiesa', foresti tal-imsajġar, u foresti tal-imsajġar tal-mergħat tal-quċċata tal-muntanja. Dan, flimkien mat-topografija iżolata tar-reġjun u l-istatus tiegħu bħala refuġju tal-Era Glaċjali, wassal għal rati għoljin ta' bijodiversità u ta' endemiżmu tal-flora. Il-Muntanja Sanqing tipproteġi bosta speċijiet koniferi b'mod partikolari, inkluż varjetajiet rari ta' Pseudotsuga sinensis gaussenii u ta' Tsuga spp. 19-il pjanta li jinsabu fil-park tniżżlu fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN mill-2003.
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba l-pendili kbar fl-elevazzjoni tal-muntanja u tal-madwar, kif ukoll il-varjazzjoni korrispondenti fil-ħabitat, il-fawna tar-reġjun fiha differenzjazzjoni ċara tul il-ġnub tal-muntanja. Fi ħdan il-park instabu 61 speċi ta' mammiferi, 226 speċi ta' għasafar, 49 speċi ta' rettili, 23 speċi ta' anfibji, 36 speċi ta' ħut, u 1,327 speċi ta' insetti. 37 speċi ta' fawna huma endemiċi fiċ-Ċina, inkluż il-makakk Tibetan, il-liebru Ċiniż, il-kappun isfar, it-tragopan ta' Cabot, il-pespus ta' sidru isfar, u l-gremxula tal-ilma Ċiniża ta' żaqqha lewn in-nar. Bħall-biċċa l-kbira tan-Nofsinhar taċ-Ċina, il-muntanja għandha bosta għasafar tal-art u tipproteġi wkoll diversità wiesgħa ta' speċijiet ta' friefet. Il-malvizz tat-toppu blu, li jinsab f'periklu kritiku u li x'aktarx għad fadal xi 200 individwu biss minnu, intlemaħ fil-park. Il-leopardi, il-pangolins, u s-serow huma pjuttost komuni fil-park.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Sanqingshan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Mount Sanqingshan National Park". UNESCO.
- ^ "Global Network of National Geoparks". www.globalgeopark.org. Miġbur 2024-09-04.
- ^ "Canadian fossil park, an Icelandic volcanic island and archipelago in Yemen among sites added to UNESCO World Heritage List". UNESCO.
- ^ "China Report" (PDF).