Park Nazzjonali ta' Sagarmatha

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Veduta tal-Muntanja Everest imdawra bil-glaċieri fil-Park Nazzjonali ta' Sagarmatha

Il-Park Nazzjonali ta' Sagarmatha huwa park nazzjonali fil-Himalayas tal-Lvant tan-Nepal li huwa ddominat mill-Muntanja Everest, l-ogħla muntanja fid-dinja. Il-park għandu erja ta' 1,148 kilometru kwadru fid-Distrett ta' Solukhumbu u l-elevazzjoni tiegħu tvarja minn 2,845 metru sa 8,848 metru fil-quċċata tal-Muntanja Everest. Fit-Tramuntana, il-park jikkondividi l-fruntiera internazzjonali mar-Riżerva Naturali Nazzjonali ta' Qomolangma fit-Tibet. Fil-Lvant, hija maġenb il-Park Nazzjonali ta' Makulu Barun, u fin-Nofsinhar il-park jestendi sax-xmara Dudh Kosi.[1] Il-park nazzjonali huwa parti mill-Pajsaġġ Sagru tal-Himalayas.[2]

Sagarmatha (jew Sagarmāthā) hija kelma Nepaliża li toriġina minn सगर् (trażlitterata sagar), li tfisser "sema" u माथा (trażlitterata māthā), li tfisser "ras, quċċata", u għaldaqstant "quċċata tas-sema".[3][4]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Sherpa Nepaliż

Il-Park Nazzjonali ta' Sagarmatha ġie stabbilit fl-1976. Fl-1979, sar l-ewwel park nazzjonali tal-pajjiż li tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji Naturali tal-UNESCO.[5] F'Jannar 2002, żona ta' lqugħ ta' 275 kilometru kwadru ġiet miżjuda mas-sit. Skont il-Linji Gwida dwar il-Ġestjoni taż-Żoni ta' Lqugħ (bl-Ingliż: Buffer Zone Management Guidelines), il-konservazzjoni tal-foresti, tal-ħajja selvaġġa u tar-riżorsi kulturali ngħataw l-ogħla prijorità, segwita mill-konservazzjoni ta' riżorsi naturali oħra u l-iżvilupp ta' enerġija alternattiva.[6]

It-turiżmu fiż-żona beda fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20. Fl-2003, waslu madwar 19,000 turist. Mill-2005, madwar 3,500 Sherpa lokali bdew jgħixu f'villaġġi u insedjamenti staġonali tul il-mogħdijiet turistiċi prinċipali.[7]

Il-pajsaġġ tal-Park Nazzjonali ta' Sagarmatha

Pajsaġġ[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park fih il-baċiri idrografiċi ta' fuq tax-xmara Dudh Kosi, il-baċir tax-xmara Bhotekoshi u l-Lagi ta' Gokyo. Il-park nazzjonali huwa magħmul l-iktar minn art imħattba, blat u ħniedaq għoljin tal-Himalayas, li jvarjaw minn 2,845 metru f'Monjo sal-quċċata tal-ogħla muntanja fid-dinja msejħa Sagarmatha, magħrufa iktar bħala l-Muntanja Everest, 8,848 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Qċaċet oħra 'l fuq minn 6,000 metru huma Lhotse, Cho Oyu, Thamserku, Nuptse, Amadablam u Pumori. L-art arida 'l fuq minn 5,000 metru tirrappreżenta 69 % tal-park nazzjonali, filwaqt li 28 % huma mergħat u 3 % l-oħra huma foresti. Iż-żoni klimatiċi jinkludu żona forestali miti, żona sub-Alpina 'l fuq minn 3,000 metru, u żona Alpina 'l fuq minn 4,000 metru li tirrappreżenta l-limitu superjuri tat-tkabbir tal-veġetazzjoni. Iż-żona nivali tibda minn 5,000 metru.[1]

Uħud mill-fjuri li jikbru f'elevazzjoni ta' 5,000 metru

Ħajja selvaġġa[immodifika | immodifika s-sors]

Flora[immodifika | immodifika s-sors]

Il-foresti fiż-żona sub-Alpina jikkonsistu minn siġar taż-żnuber, betuli tal-Himalayas u rododendri. Il-ġniebru u r-rododendri jgħixu l-iktar f'elevazzjonijiet ta' 4,000-5,000 metru. Il-muski u l-likeni jikbru 'l fuq minn 5,000 metru. Iżjed minn 1,000 speċi ta' pjanti li jarmu l-fjuri ġew irreġistrati fil-park nazzjonali.[1]



Fawna[immodifika | immodifika s-sors]

Monal tal-Himalayas fuq il-borra

Il-Park Nazzjonali ta' Sagarmatha jospita 208 speċi ta' għasafar, fosthom il-faġan jew il-monal tal-Himalayas (Lophophorus impejanus), l-avultun tal-ħrief (Gypaetus barbatus), il-faġan tal-borra tal-Himalayas (Tetraogallus himalayensis), u ċ-ċawla Alpina (Pyrrhocorax graculus)[1], u ġie identifikat mill-BirdLife International bħala Żona Importanti għall-Għasafar.[8] L-ungulati jinkludu l-kibx tal-Himalayas (Hemitragus jemlahicus), il-kaprikornu tal-Himalayas (Capricornis sumatraensis thar) u ċ-ċerva tal-misk (Moschus moschiferus). Il-leopard tal-borra (Panthera uncia) jgħix f'elevazzjonijiet 'il fuq minn 3,500 metru, u l-leopard Indjan (Panthera pardus fusca) tgħix fil-foresti f'elevazzjonijiet iktar baxxi.[9]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Leopard tal-borra

Il-Park Nazzjonali ta' Sagarmatha ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali", ladarba s-sbuħija tal-park nazzjonali toħroġ fid-dieher fil-muntanji drammatiċi, fil-glaċieri, fil-widien fondi u fil-qċaċet maestużi, inkluż l-ogħla quċċata fid-dinja tal-Muntanja Sagarmatha (Everest) ta' 8,848 metru. Il-park jospita diversi speċijiet rari bħal-leopard tal-borra u l-panda ħamra (Ailurus fulgens).[5]

Il-park jirrappreżenta stadju maġġuri tal-istorja evoluzzjonarja tad-dinja u huwa wieħed mill-iżjed reġjuni interessanti ġeoloġikament fid-dinja, b'muntanji għoljin iżda mhux daqshekk antiki, glaċieri li joħolqu pajsaġġi tal-għaġeb, u xenarju ddominat mill-qċaċet għoljin u mill-widien fondi korrispondenti bejniethom. Dan il-park nazzjonali fih l-ogħla flora u fawna karatteristiċi ekoloġikament. Ir-rabtiet sfiqa tal-kultura tax-Sherpa mal-ekosistema jiffurmaw il-bażi għall-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-park għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali.[5]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b c d Bhuju, U.R.; Shakya, P.R.; Basnet, T.B. & Shrestha, S. (2007). "Sagarmatha National Park" (PDF). Nepal Biodiversity Resource Book. Protected Areas, Ramsar Sites, and World Heritage Sites. Kathmandu: International Centre for Integrated Mountain Development, Ministry of Environment, Science and Technology, in cooperation with United Nations Environment Programme, Regional Office for Asia and the Pacific. pp. 53-55. ISBN 978-92-9115-033-5.
  2. ^ Gurung, C. P.; Maskey, T. M.; Poudel, N.; Lama, Y.; Wagley, M. P.; Manandhar, A.; Khaling, S.; Thapa, G.; Thapa, S. & Wikramanayake, E. D. (2006). "The Sacred Himalayan Landscape: Conceptualizing, Visioning, and Planning for Conservation of Biodiversity, Culture and Livelihoods in the Eastern Himalaya" (PDF). In McNeely, J. A.; McCarthy, T. M.; Smith, A.; Whittaker, O. L. & Wikramanayake, E. D. (eds.). Conservation Biology in Asia. Kathmandu: Nepal Society for Conservation Biology, Asia Section and Resources Himalaya Foundation. pp. 10-20. ISBN 99946-996-9-5.
  3. ^ Turner, R. L. (1931). "सगर् sagar". A comparative and etymological dictionary of the Nepali language. Londra: K. Paul, Trench, Trubner.
  4. ^ Turner, R. L. (1931). "माथा matha". A comparative and etymological dictionary of the Nepali language. London: K. Paul, Trench, Trubner.
  5. ^ a b c d Centre, UNESCO World Heritage. "Sagarmatha National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-04.
  6. ^ Heinen, J. T. & Mehta, J. N. (2000). "Emerging Issues in Legal and Procedural Aspects of Buffer Zone Management with Case Studies from Nepal". Journal of Environment and Development. 9 (1): 45–67.
  7. ^ Byers, A. (2005). "Contemporary human impacts on Alpine ecosystems in the Sagarmatha (Mt. Everest) National Park, Khumbu, Nepal". Annals of the Association of American Geographers. 95 (1): 112–140.
  8. ^ "BirdLife Data Zone". datazone.birdlife.org. Miġbur 2021-08-04.
  9. ^ Lovari, S.; Boesi, R.; Minder, I.; Mucci, N.; Randi, E.; Dematteis, A. & Ale, S. B. (2009). "Restoring a keystone predator may endanger a prey species in a human-altered ecosystem: the return of the snow leopard to Sagarmatha National Park". Animal Conservation. 12: 559–570.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]